Aqbeż għall-kontentut

Mikiel Gonzi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mikiel Gonzi
arċisqof metropolitan ta ’Malta

1 Jannar 1944 - 29 Novembru 1976
Mauro Caruana (en) Translate - Ġużeppi Mercieca
Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
isqof ta ’Malta

17 Diċembru 1943 - 1 Jannar 1944
Mauro Caruana (en) Translate
Dioceses: djoċesi ta' Malta
isqof titulari

14 Ottubru 1943 -
Dioceses: Lyrba (en) Translate
isqof koajjutant

14 Ottubru 1943 - 17 Diċembru 1943
isqof ta' Għawdex

13 Ġunju 1924 - 14 Ottubru 1943
Giovanni Maria Camilleri (en) Translate - Giuseppe Pace
Dioceses: djoċesi ta' Għawdex
Ħajja
Twelid Birgu, 13 Mejju 1885
Nazzjonalità Malta
Mewt Malta, 22 Jannar 1984
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
politiku
Isqof Kattoliku
Premjijiet

Monsinjur Mikiel Gonzi (Birgu, 13 ta' Mejju 188522 ta' Jannar 1984) kien Isqof ta' Għawdex, u aktar tard, il-ħmistax u l-aħħar Isqof ta' Malta, u l-ewwel Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' Malta.

Mikiel Gonzi twieled il-Birgu fi Triq ta' Biswit il-Kwartier. Bin Ġużè u Margerita mwielda Tonna, hu ġie mgħammed fil-Knisja Kolleġġjata ta' San Lawrenz. Meta kellu ħames snin il-familja marret tgħix il-Kalkara. Hu attenda l-Iskola Primarja tal-Birgu.

Wara li studja fis-Seminarju ta' Malta huwa ġie ordnat saċerdot nhar id-19 ta' Diċembru 1908. Mill-Università ta' Malta ġab il-Baċellerat fil-Letteratura u d-Dottorat fit-Teoloġija. Fl-1909, Gonzi mar jistudja fl-Università Gregorjana ta' Ruma, mnejn ġab id-Dottorat fil-Liġi Kanonika. Attenda wkoll l-Istitut Bibbliku. Meta fl-1912 ġie lura Malta, beda jgħallem l-Iskrittura fis-Seminarju u iktar tard il-Liġi Kanonika. Fl-1922 beda jgħallem l-Ebrajk u l-Iskrittura fl-Università ta' Malta. Bħala saċerdot żagħżugħ, Dun Mikiel Gonzi ħadem fil-parroċċa tal-Kalkara. Kien ukoll Rettur tal-Iskola ta' San Pawl, il-Belt Valletta, u Direttur Spiritwali għall-Iskejjel tal-Gvern.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija kien Kappillan Militari fl-Isptar tal-Imtarfa. Fl-1919 sar Defensor Vinculi, avukat fil-kawżi ta' żwiġijiet.

Fi żmien meta s-saċerdoti kienu mħajra jieħdu sehem attiv fix-xena politika, Dun Mikiel Gonzi daħal membru tal-Partit Laburista li kien għadu kif twaqqaf fil-15 ta' Mejju 1921, u kien jissejjaħ La Camera del Lavoro. Mal-Partit Nazzjonalista kien hemm Mons. Dandria u Mons. Panzavecchia. Probabbilment kienu ħajruh is-Sur Fons u l-Kurunell Willie Savona. Wara li mar ħa parir mingħand l-Isqof Mawru Caruana, dan qallu:

 Mhux intik parir – nobbligak... biex ikun hemm bniedem ekkleżjastiku fil-Kumitat... Mur, nobbligak. 

Huwa attenda l-Kumitat Ġenerali tal-Partit Laburista għall-ewwel darba fis-7 ta' Ottubru 1921 u ħareġ kandidat għas-Senat fl-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1921. Kien hemm kandidat ieħor għamillu kawża għax qal li Gonzi ma kellux età biżżejjed biex joħroġ għas-Senat imma tilifha għax Gonzi kellu 35 sena. "Imbagħad ġiet l-elezzjoni," jgħid Gonzi, "ifforma ruħu l-partit tal-Labour sewwa, kellhom nies jagħmlu unur lill-Partit, tant mill-punt di viżta politiku u wkoll reliġjuż." Il-Partit Laburista tella' 7 deputati fil-Kamra Leġislattiva u 2 senaturi, fosthom Alfons Maria Galea fuq l-Ewwel Distrett u Mikiel Gonzi fuq it-Tieni Distrett. Gonzi daħal fis-Senat fl-1 ta' Novembru u għamel biss nofs il-leġislatura: tliet snin mis-sitta li seta' jagħmel (għax fl-1924 sar Isqof t'Għawdex). L-ewwel liġi li għaddew kien The Religion of Malta Declaration Act. Gonzi jgħid li fiż-żmien li kien fis-Senat inkoraġixxa l-istudju tal-ilsien Malti, xi ħaġa li kienet fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista.

Isqof t'Għawdex

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1922, l-Isqof Mawru Caruana ħatru segretarju privat tiegħu. Lejn nofs is-sena 1924 irriżenja mis-Senat u sar il-ħames Isqof t'Għawdex. Dam dsatax-il sena f'din il-kariga sakemm fl-1943 inħatar Isqof ko-adjatur ta' Malta. Fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Isqof Gonzi għen ħafna biex tittaffa l-problema tal-ġuħ minħabba n-nuqqas ta' qamħ f'Malta, li seta' jwassal biex Malta ċċedi. F'laqgħa sigrieta nhar il-5 ta’ Lulju 1942, li sejjaħ il-Gvernatur Lord Gort kien hemm preżenti l-Isqof Gonzi, li fuq din il-laqgħa jikteb hekk:

 Konna hu, jiena, il-Lieutenant Governor, ċertu Mr. Ward (li kien inkarigat mid-dqiq) u ieħor militari (kien inkarigat mir-raba’). U qalilna “se nafdalkom a top secret. Ħadd ma jista' jitkellem: ara min jitkellem.” Qal: “dqiq għandna għal ftit xhur biss. X'se nagħmlu? Jaqbeż Mr. Ward: “I beg your pardon Sir; it's not a question of months, its a question of days. I have flour for only about one month. I’m not sure whether that will last for one month …” Il-gvernatur qal: “What can we do? We cannot let the Maltese die of hunger. We must find …” ghedtlu: “May I say a word?” (kien is-Sibt dan) ghedtlu: “I could find a remedy … I’ll get wheat from Gozo. It’s the time of the harvest”. Qalli “taghmilha?” għedtlu: “nagħmilha”. “Jirnexxilek?” “Sa ċertu punt tirnexxi. Imma biex nagħmilha: on two conditions. Inti għedtilna li dan top secret. I mean to ask the farmers of Gozo to give us the wheat. How can I persuade them unless I lay before them the situation?”. “Alright. Tell them what the situation is like. What is your second condition? “Give me petrol. I have only one can of petrol per week as bishop of Gozo. “You will have as much as you need”. … It-Tnejn morna. Dorna r-raba’ kollu ta’ Għawdex. U nista’ nghid li l-bdiewa kollha ġenerozament tawni. Dawk li kienu jikkonservaw ħafna minnu għall-familja tagħhom u jbigħu … għedtilhom “ara, inħallsukom tal-qamħ”. Kienu “jadurawni”: la l-Isqof qed jgħidilna hekk, mela nagħmlu hekk. Ċempilt lill-gvernatur, għedtlu: send two trucks tomorrow morning and you have all the wheat of Gozo

L-għajnuna ta' Mons. Gonzi li ħeġġeġ lill-bdiewa Għawdxin jiġbru l-qamħ biex jintbagħat lejn Malta ingħatat rikonoxximent meta l-Gvernatur Lord Gort laqqa' lil Gonzi mar-Re Ġorġ VI fi żjara qasira li dan għamel f'Malta fl-20 ta’ Ġunju 1943. Meta l-Isqof Caruana xjaħ ħafna, għall-ewwel l-Ingliżi kienu kontra li Mikiel Gonzi jinħatar isqof ko-adjutur ta' Malta għax kienu jqisuh filo-Taljan. Imma fil-kwistjoni tal-qamħ, l-Ingliżi raw fih att leali lejhom u għalhekk ma baqgħux jopponu.

Isqof u l-ewwel Arċisqof ta' Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Tliet xhur wara li nħatar Isqof ko-adjatur, miet l-Isqof Mawru Caruana, u nhar is-17 ta' Diċembru Mons. Mikiel Gonzi sar Isqof ta' Malta. Fl-1944, id-Djoċesi ta' Malta kienet elevata għal Arċidjoċesi u hekk Gonzi sar l-ewwel Arċisqof ta' Malta. Fi żmienu saru l-Kungress Marjan (1949) u ċ-Ċelebrazzjonijiet Ċentinarji ta' San Pawl (1960). Wara li ħa sehem fil-Konċilju Vatikan II, huwa ma qagħadx lura milli jimplimenta r-riformi konċiljari fl-Arċidjoċesi ta' Malta.

Parroċċi ġodda

[immodifika | immodifika s-sors]

Fiż-żmien li Mons. Gonzi għamel Arċisqof ta' Malta, twaqqfu 14-il parroċċa ġdida f'Malta:

  • Wied il-Għajn (1949)
  • Fgura (1965)
  • San Ġwann (1965)
  • Marija Reġina, Marsa (1967)
  • Kunċizzjoni, Ħamrun (1967)
  • Santu Wistin, il-Belt (1968)
  • Ta' Xbiex (1969)
  • Santa Luċija (1969)
  • Burmarrad (1971)
  • San Ġużepp Ħaddiem (1973)
  • Nazzarenu, Sliema (1973)
  • Balluta (1974)
  • Fleur-de-Lys (1974)
  • Ta' Lourdes, Raħal Ġdid (1974)

Fis-snin ħamsin, il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta' Dom Mintoff, ħareġ bil-proposta tal-Integration. Dan kien pjan biex Malta tingħaqad mal-Ingilterra fuq bażi ta' ugwaljanza politika, soċjali u ekonomika bl-iskop li jissolvew il-problemi tal-qgħad, ta' nuqqas ta' servizzi soċjali, u ta' nuqqas ta' leġislazzjoni biex id-drittijiet tal-bniedem, kif kienu gawduti mill-Ingliżi dak iż-żmien, jitgawdew ukoll mill-Maltin. L-Arċisqof Gonzi beża' li Mintoff kien sejjer idaħħal il-Komuniżmu, u l-Integration kienet l-ewwel pass biex jeqred ir-reliġjon minn Malta.

Nhar il-21 ta' Frar 1960, l-Arċisqof Gonzi u l-Isqof Pace ta' Għawdex, ħarġu l-Pastorali tar-Randan u fiha qalu li

 Il-velenu soċjalista dieħel ġmielu speċjalment fost ċerti żgħażagħ. X'ġid jista' jikseb il-Partit tal-Ħaddiema mill-kuntatti perikolużi li qed isiru ma' għaqdiet u ma' personalitajiet soċjalisti ta' barra, speċjalment kontinentali? Biex naħdmu għall-ġid ekonomiku tal-pajjiż, hemm bżonn nesponuh għall-periklu li jitlef ruħu. 

L-Isqfijiet ħeġġew biex

 Il-prinċipji soċjalisti, li, kif rajna, bdew iġibu naturalment xi firda fostna, ma jibqgħux jixterdu, anzi jiġu mbiegħda għalkollox mill-moħħ ta' wliedna kollha kemm huma. 

Qalu wkoll li

 Ħadd ma jista' fl-istess ħin ikun kattoliku sinċier u soċjalista fil-veru sens tal-kelma. 

F'The Struggle, organu tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti ta' Marzu 1960, f'artiklu bl-isem Kummenti dwar il-Pastorali tar-Randan, kien hemm miktub li l-Pastorali tar-Randan ma kinitx tittratta ż-żmien tar-Randan iżda kienet attakk fuq iż-żgħażagħ Laburisti u fuq il-Partit Laburista, b'bosta ineżattezzi u tagħwiġ tat-twemmin soċjalista. Ftit jiem wara, lill-Editur Lorry Sant il-Kurja ordnatlu jippubblika dikjarazzjoni ta' apoloġija fil-ħarġa li jmiss ta' The Struggle. Nhar id-9 ta' April, Lorry Sant irċieva digriet mingħand l-Arċisqof Gonzi bil-piena tal-interdett personali fuq artiklu li skont il-Kurja kasbar u naqqas mir-rispett lejn l-awtorità tal-Isqfijiet. Minbarra l-kundanna personali, kull min jistampa The Struggle, jikteb fih, ibigħu jew jaqrah, jkun qed jagħmel dnub mejjet.

Nhar it-8 ta' April 1961, l-interdett ingħata lill-Eżekuttiv Laburista, inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni Dom Mintoff. Dan wara li fil-15 ta' Marzu l-Partit Laburista kien ħareġ stqarrija li fiha kkundanna l-aġir tal-Arċisqof Gonzi bħala persuna privata minħabba li bl-imġieba tiegħu kien qed joħloq ħsara lill-pajjiż u xkiel lejn il-ksieb tal-Indipendenza. Il-Kurja wieġbet li jekk l-Eżekuttiv nazzjonali tal-Partit Laburista ma kienx se jagħmel apoloġija pubblika, kienet se tagħmel użu tal-pieni tal-interdett. Fit-8 ta' April, il-Kurja għarrfet lill-aġent Segretarju tal-Partit Laburista, li wara li l-Eżekuttiv sejjaħ Konferenza Ġenerali minflok li rtira l-istqarrija tal-politika tal-Partit, l-Isqfijiet taw l-interdett personali lill-membri kollha li ħadu sehem fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista ta' nhar il-15 ta' Marzu.

F'Settembru 1961 tħabbret il-mewt ta' Ġużè Ellul Mercer, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u awtur tar-rumanz Leli ta' Ħaż-Żgħir. Billi kien taħt il-pieni tal-interdett, indifen fil-parti taċ-ċimiterju tal-Addolorata mhux ikkonsagrata, magħrufa bħala l-Miżbla.

Fl-istess sena, il-Partit Laburista daħal fl-A.A.P.S.O (Afro-Asian Peoples' Solidarity Organization) li skont il-Moviment Azzjoni Soċjali kienet "għaqda reġjonali li taħt pretesti jew skopijiet tajba bħall-ġlieda għal-libertà tal-poplu qed isservi għall-penetrazzjoni tal-Komuniżmu fl-Asja u fl-Afrika."

Nhar l-24 ta' Mejju 1961, l-Arċisqof ħareġ din id-direttiva lill-Kleru:

 Bħalma nafu lkoll, dawn l-aħħar ġimgħat, kull fejn qiegħed imur l-E.T.l-Arċisqof, qiegħed jiġi milqugħ b´ferħ kbir u turija ta' sottomissjoni filjali sħiħa. L-Eċċellenza tiegħu ma jistax ma jifraħx b'dan kollu, mhux għalih innifsu, imma għax din l-imġiba turi illi l-maġġoranza l-kbira tal-Maltin raw li dak il-partit, li għall-mottivi politiċi ġodda tiegħu, qiegħed iwettaq gwerra kontra l-Knisja, qabad triq ħażina li mhix vantaġġjuża għall-ġid spiritwali ta' Malta u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

Iżda min-naha l-ohra l-Eċċellenza Tiegħu ma jistax jieħu pjaċir bis-sitwazzjoni li nħolqot f'Malta f'materji li jaffettwaw is-sentiment reliġjuż ta' Malta; huwa jrid il-għaqda li jrid Sidna Ġesù Kristu. U għax il-Knisja ma tistax tasal fi ftehim ma' dawk li ma jridux jimxu skond it-tagħlim t'Alla, bħal ma għedna awtorevolment aħna, huma ħassru d-dmir tiegħi li juri x'għandu jkun imwarrab, almenu minn dawk li jridu jibqgħu magħqudin mal-Knisja. L-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof, għalhekk, iwissi illi fiċ-ċirkostanzi li għandna llum, dan li ġej għandu jkun ikkundannat bil-qawwa kollha possibbli.

a) L-offizi gravi bil-fomm, bil-kitba jew għemil kontra l-arċisqof u l-kleru;

b) L-appoġġ lill-mexxejja tal-M.L.P., sakemm dawn jibqgħu fi stat ta' gwerra mal-Knisja, u f'kuntatt mas-soċjalisti, il-komunisti u l-AAPSO;

ċ) Il-kitba, il-qari u l-bejgħ ta' "Il-Ħelsien" u l-"Voice of Malta" sakemm dawn ikomplu jimxu fuq il-linja li mixjin biha fil-preżent, minkejja li dawn diġà kienu pubblikament imwiddba mill-awtoritajiet ekklesjatiċi; l-istess jgħodd għal "The Whip";

L-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof iwissi wkoll lill-ġenituri bir-responsabilità kbira li għandhom fuq spallejhom quddiem Alla, meta huma jħallu lil uliedhom jiffrekwentaw il-Brigata tal-M.L.P., fejn jitgħallmu jistmerru l-awtoritajiet ekkleżjastiċi, u fil-pieni serji li joħorġu minn dan. Billi jidher li xi whud jitqarbnu anke ta' sikwit, u dawn id-dnubiet ma jqerruhomx, il-konfessuri, bhalma huwa d-dover taghhom, għandhom, skont ir-regola tal-prudenza, jistaqsu lill-penitenti d-domandi meħtieġa.

Għandna niftakru li fil-Knisja s-setgħa qiegħda fil-kapijiet, magħżula minn Alla u mhux mill-poplu, u għalhekk meta, fl-ambjent taghħa hija toħroġ direttivi, ħadd m'għandu d-dritt jikkritikaha, u inqas u inqas, bħal ma ntqal, li jikkundannaha... 

L-Elezzjonijiet tal-1962

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar l-4 ta' Frar 1962, l-Arċisqof Gonzi xandar ittra pastorali dwar l-elezzjonijiet li kienu fil-qrib. Hu wissa lill-votanti li kellhom id-dmir u l-obbligu li jużaw il-voti biex jgħinu lil dawk il-partiti li kienu jappoġġjaw lill-Knisja. Minkejja dan, fl-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1962, kważi 51,000 Malti (34% tal-elettorat) ivvutaw lill-Partit Laburista, li beda jsejħilhom "suldati tal-azzar".

Wara l-Elezzjonijiet, nhar is-7 ta' Marzu 1962, l-Arċisqof Gonzi ħareġ struzzjonijiet bil-Latin biex jitqassmu biss bl-idejn:

 A) Lill-Konfessuri

1) L-ewwel haga, il-konfessuri ghandhom jistaqsu lil min imur iqerr jekk kienx ivvota jew le.

2) Jekk, il-penitent ma kienx mar jivvota, il-konfessur ghandu jistaqsih ghaliex kien skarta li jaqdi obbligu tant gravi:

i) Jekk il-penitent kien skarta dan l-obbligu bi traskuragni waqt li kien jaf bil-gravità ta'dil-haga, allura ghandu jigi akkuzat b´ommisjoni serja; imma jekk ikollu rieda tajba, ghandu jinghata l-assoluzzjoni.

ii) Jekk kien skarta dan l-obbligu ghax ma kellu fiducja f´ebda wiehed mill-kandidati tal-partiti l-ohrajn (barra minn dawk il-kandidati ta'´dak il-partit kontra l-Knisja) ghandu dan jigi mdawwar bl-argumenti u ghandu jigi mfiehem kemm kienet gravi din l-omissjoni; b´danakollu m´ghandux jinghata assoluzzjoni jekk ma jaccettax fedelment id-direttivi, li ghandhom x´jaqsmu ma'dan, li kienu hargu f´Mejju 1961, kontra l-kelliema tal-partit politiku ta'kontra t-taghlim ta'Ommna l-Knisja Mqaddsa.

iii) Jekk ma kienx ivvota ghax kien marid serjament, ghandu jigi skuzat u tinghatalu l-assoluzzjoni.

iv) Jekk fil-fatt kien skarta dan l-obbligu malizzjozament, ghandu jigi michud l-assoluzzjoni, jekk il-konfessur ma jkunx assolutament cert mid-dispozizzjoni sinciera tal-penitent.

3) Jekk il-penitent ikun ivvota ghal dak il-partit ostili ghall-Knisja, il-konfessur ghandu jistaqsih jekk, meta ghamel dan, kienx dineb privatament jew fil-pubbliku (tali agir pubbliku jfisser jew li ghamel l-intenzjoni tieghu maghrufa jew ikkanvazzja ghal dak il-partit).

i) Jekk il-penitent jiddikjara li kien dineb privatament, biex tinghatalu l-assoluzzjoni jkun jiddependi mis-sincerita tieghu u kif se jimxi nkwantu d-direttivi msemmijin izjed 'il fuq.

ii) Jekk, min-naha l-ohra, ikun dineb fil-pubbliku, m´ghandux jinghata assoluzzjoni jekk u sakemm ma jindimx fil-pubbliku u onestament iwieghed li, fejn hu possibli, jaghmel reparazzjonijiet tal-istess daqs tal-hsara li kien ghamel lill-Knisja,lill-isqfijiet, lill-qassisin u lill-ohrajn kollha li seta' offenda.

4) Izjed, f´dawk il-kazi fejn tighata l-assoluzzjoni, ghandu jkun hemm certezza assoluta li l-penitent ikun ihoss bis-sincerita kollha l-gravita tal-hazin li ghamel; meta ma tistax tinghata assoluzzjoni, il-penitent ghandu jigi trattat bil-hlewwa u bil-pacenzja jigi mistieden biex jerga jhejji ruhu biex ikun denn tal-assoluzzjoni

B) Lill-Predikaturi 5) Il-predikaturi jistghu jkunu tassew siewja biex il-Knisja terga tirriasserixxi ruhha fuq materji sew civili kemm politici skond kif titlob l-okkazjoni; biex jergghu jintrebhu l-erwieh mitlufin minhabba materji politici. Fil-priedki u t-tahditiet taghhom huma ghandhom ifiehmu dawk il-veritajiet li ghandhom x'jaqsmu hafna mal-htigijiet spiritwali u temporali tal-lum; huma jenfasizzjaw l-ezistenza, il-htiega u l-assertazzjoni (anke pubblika) ta' religjon wahda u Alla wiehed; ghandhom jitkellmu dwar l-influwenza divina tal-Knisja biex issehh socjeta perfetta kemm privata kif ukoll pubblika; dwar is-setgha divina tal-Knisja u l-gudizzju li qatt ma jizbalja taghha wkoll fuq il-ligijiet civili fejn ikun hemm il-bzonn; ghandhom jitkellmu fuq il-gravita tad-dnub il-mejjet, il-formazzjoni oggettiva tal-kuxjenza, fuq il-kastig ta´l-Infern ghal dejjem, fuq ic-censura u l-kastig tal-Knisja, siewja u fil-waqt, fuq l-edukazzjoni tajba tat-tfal u zghazagh, fuq il-htiega tal-ghaqdiet kattolici u fuq materji bhal dawn.

Fil-priedki taghhom, il-predikaturi m´ghandhomx jitghajru imma ghandhom ikunu sodi; ghandhom ikunu helwin u prudenti sabiex jirbhu l-erwieh ghal Ommna l-Knisja u mhux igerrxuhom ´il boghod minnha. Hemm veri qassisin li jqieghdu l-htigijiet tal-Knisja qabel kull kunsiderazzjoni taghhom. Bil-prudenza u l-karita nisranija ghandhom ifiehmu l-qerq tal-ghedewwa tal-Knisja li juzaw id-duttrina socjalista taghhom biex iqarrqu u jwaddbu fl-infern dal-gens Nisrani. 

Fl-1966, il-Partit Laburista, li kien għadu sanzjonat mill-Knisja ġab 43% tal-voti - żieda ta' 11,000 vot.

Ftehim bejn il-MLP u l-Knisja

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar l-4 ta’ April 1969, tħabbar il-Ftehim bejn il-MLP u l-Knisja, f'dokument li kien jgħid:

 Fis-Soċjetà moderna huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-komunità politika u l-Knisja. In-natura stess tal-Knisja tesiġi li din ma tindaħalx fil-politika. L-Awtorità tal-Knisja għandha d-dmir u l-jedd li tħares l-interess spiritwali u temporali tagħha, u meta jkun hemm il-bżonn tgħallem liema huma l-prinċipji tajba u ħżiena. Il-Knisja ma timponix id-dnub mejjet bħala ċensura. Bil-pjaċir kollu niddikjaraw li fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Malta Labour Party tjiebu ħafna. Nittamaw li bil-għajnuna ta’ Alla ’l quddiem din ir-rieda tajba sservi biex issaltan il-paċi fostna. 

Mintoff u Gonzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li Dom Mintoff tela' fil-Gvern fl-1971, ir-relazzjoni bejnu u l-Arċisqof Gonzi tjiebet ħafna. Gonzi kien anki ta' għajnuna għall-Gvern Laburista tas-sebgħinijiet. Meta fid-19 ta' Ġunju 1998, Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 ll-poplu tagħna jaf kemm iġġieled miegħi Gonzi. Lili hu tani l-iskomunika, u n-neputi tiegħu li qiegħed hawn jaf imma żgur qatt ma semagħni ngħid xi ħaġa personali kontra tiegħu għax l-affarijiet personali m'għandhomx x'jaqsmu. U malli Gonzi bidel l-ideat tiegħu u beda jimxi magħna, jien sirt ħabib tiegħu u tgħidx kemm iddefendejtu kontra l-Arċisqof tal-lum (Ġużeppi Mercieca). Jiena ma ridtx li jkollna l-Arċisqof tal-lum imma ridt li jibqa' Gonzi. Forsi neputih din ma kienx jafha imma jiena lil Gonzi ddefendejtu quddiem il-Papa Pawlu VI biex iħallih hemmhekk għaliex kienu se jneħħuh. Kienu jgħidulu żmagat imma dan ma kien veru xejn. Kien trux, bħalma qed nittarrax jien, imma naħseb li ħadd minnkom li qed tisimgħuni hawnhekk m'hu se jgħid li sema' lil dak l-iżmagat! U hekk ukoll jien ma kontx ngħid li Gonzi huwa żmagat imma li huwa trux. 

(Dibattitu fil-Parlament, 19 ta' Ġunju 1998)

  • Storja 78 (ed. Henry Frendo, 1978), L-Arċisqof Gonzi intervistat minn Prof Andrew Vella, pp 121-133
  • Bonnici, Alexander, Malta tas-Seklu Għoxrin.
  • Bonnici, Arthur (1975), History of the Church in Malta, Vol III, Veritas Press.
  • Fenech, D. (1976), The making of archbishop Gonzi, Union Press.
  • Galea, M. & Tonna, E. (1984), L-arċisqof Gonzi, Valletta: Associated News.
  • Grech, Sergio (2004), Patri Feliċjan Bilocca.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
Predeċessur
Mauro Caruana (isqof)
Arċisqof ta' Malta
1976–2006

Suċċessur
Ġużeppi Mercieca