Aqbeż għall-kontentut

Knisja Kattolika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Kattoliċiżmu)
Il-Pjazza tal-Vatikan

Il-Knisja Kattolika (mill-Grieg: καθολικός, katholikòs, jiġifieri "universali") hija l-Knisja Nisranija li tagħraf il-primat tal-awtorità tal-Isqof ta' Ruma, jiġifieri l-Papa, għax dan skont il-fidi Kattolika, huwa s-suċċessur tal-appostlu Pietru fuq il-katedra ta' Ruma.

L-isem jindika l-universalità tal-Knisja mwaqqfa minn Ġesù Kristu, li tinsab fil-Knisja Kattolika, bla ma tiċħad il-preżenza ta' ħafna elementi ta' din il-verità fil-Knejjes l-oħra mifrudin minnha.

Fost il-Knejjes Insara, dik Kattolika għandha l-ikbar numru ta' fidili, iktar minn biljun ruħ, b'perċentwali għoljin fl-Amerika Latina u fl-Ewropa.

Min jemmen fiha jissejjaħ Kattoliku. Il-liturġija Kattolika hija ċċentrata fuq l-Ewkaristija. Il-Kattoliċi iqimu lill-Verġni Marija bħala Omm Alla, bħala mnissla mingħajr dnub u li ġiet imtellgħa fis-sema.

Il-Knisja Kattolika hija fost l-eqdem istituzzjonijiet fid-dinja u kellha rwol prominent fl-istorja taċ-ċiviltà oċċidentali.

Statistika tal-Kattoliċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Kattoliċi (%)

L-aħħar statistiċi (dawk tal-2009) juru li hawn ftit inqas 1.2 biljun Kattoliku. Fl-1950 kien hawn 437 miljun, u fl-1970, 654 miljun. Iż-żieda mis-sena 2000 għal 2008 kienet ta' 33% fl-Afrika, iżda 1.2% biss fl-Ewropa. Żieda ta' 16% fl-Asja, 11% fl-Oċeanja, u 11% fl-Amerki. Il-Kattoliċi huma 18% of tal-popolazzjoni totali Afrikana, 63% tal-Amerki, 3% tal-Asja, 40% tal-Ewropa, 26% tal-Oċeanja, u 17.4% tal-popolazzjoni tad-dinja.

In-numru ta’ Kattoliċi madwar id-dinja żdied b’1.3% bejn l-2008 u l-2009, jew madwar 19-il miljun, minn 1,166 miljun għal 1,181 miljun. Dan joħroġ mill-Annwarju Pontifiċju 2011 li kien ippreżenat lill-Papa Benedittu XVI mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone.

Kważi nofs il-Kattoliċi fid-dinja jgħixu fl-Ameriki (49%). Kwart jgħixu fl-Ewropa waqt li fl-Afrika u l-Asja jgħixu 15% u 11% tal-Kattoliċi rispettivament. Il-bqija, madwar 0.8% jgħixu fl-Oċeanja.

In-numru ta’ Isqfijiet żdied minn 5,002 għal 5,065. Is-saċerdoti fl-aħħar għaxar snin żdiedu minn 405,178 fl-2000 għal 410,593 fl-2009. Id-djakni permanenti żdiedu bi 2.5 fil-mija minn 37,203 fl-2008 għal 38,155 fl-2009. Ir-reliġjużi nisa naqsu minn 739,067 fl-2008 għal 729,371 fl-2009. Is-seminaristi żdiedu b’0.82 fil-mija minn 117,024 għal 117,978 bejn l-2008 u l-2009.

Sal-aħħar tal-2007 kien hawn 408,024 qassis Kattoliku fid-dinja, 762 iktar milli kien hemm fil-bidu ta' dik is-sena. Żdiedu l-aktar fl-Asja u l-Afrika, b'żieda ta' 21% u 28% rispettivament. Bejn l-2000 u l-2007, fl-Ewropa naqsu b'7% u fl-Oċeanja b'5.5%. Fl-2009, in-numru ta’ saċerdoti żdied bi 809 mis-sena ta' qabel. Fuq medda ta’ għaxar snin, iż-żieda kienet ta’ madwar 5,600. Fl-aħħar tal-2009 kien hemm 410,593 saċerdot li minnhom 275,542 kienu djoċesani u 135,051 reliġjużi. Waqt li żdiedu b’mod sinjifikanti n-numru ta’ saċerdoti djoċesani (minn 265,012) kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ reliġjużi (139,997 fl-1999). Iċ-ċaqliq fin-numru ta’ saċerdoti kien inekwu madwar id-dinja b’żieda fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod speċjali fl-Amerika Latina.

Knejjes fil-komunjoni sħiħa Kattolika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja Kattolika hija kostitwita mill-komunjoni ta' diversi Knejjes, ħafna minnhom Orjentali, imsejħin sui iuris:

  • Knisja Latina, li tinkludi kemm ir-rit Ruman, kif ukoll dak Ambrosjan u riti oħra;
  • Kattolika Armena;
  • Kattolika Kaldea u Siro-Malabriża
  • Kattolika Kopta u Etijopika;
  • Kattolika Maronita;
  • Kattolika Greko-Melkita;
  • Kattolika Sirjaka u Siro-Malankriża;
  • Knejjes Greko-Kattoliċi

Duttrina Dommatika

[immodifika | immodifika s-sors]

“Il-wirt imqaddes” tal-fidi, id-depositum fidei (“Timotju, ħares dak li mogħti f’idejk” (I Tim 6,20); “Ħares it-tagħlim sabiħ mogħti lilek bil-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina.”) jinsab fit-Tradizzjoni u fl-Iskrittura u ġie fdat mill-appostli lill-Knisja kollha (KKK 84) Il-poplu qaddis ta’ Alla kollu, huwa u jintrabat ma’ dan il-wirt, flimkien mar-rgħajja tiegħu, jibqa’ dejjem sħiħ fit-tagħlim tal-appostli, fl-għaqda bejn kulħadd, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb, hekk li fil-ħarsien, fil-ħajja u fl-istqarrija tal-fidi li twasslitlu, ikun hemm bejn ir-rgħajja u l-fidili, għaqda fl-ispirtu tassew singulari. (Dei Verbum, 10)

Id-dmir tat-tifsir b’mod awtentiku tal-Kelma ta’ Alla ġie fdat biss lill-Maġisteru ħaj tal-Knisja, jiġifieri lill-isqfijiet li huma f’xirka mas-suċċessur ta’ San Pietru, l-isqof ta’ Ruma. (DV) Dan il-maġisteru mhux aqwa mill-Kelma ta’ Alla imma hu għall-qadi tagħha, billi jgħallem dak biss li ġie trasmess... (DV)

L-insara kollha għandhom sehem fl-għarfien u fit-trasmissjoni tal-verita rivelata. Huma rċevew l-unzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħallimhom (KKK 91): “Imma intom għandkom id-dlik mill-qaddis u għandkom l-għerf intom ukoll. Ma ktibtilkomx għax ma tafux il-verita, imma għax tafuha.” (I {w 2,20. L-Ispirtu s-Santu jwassalhom għall-verita kollha: “Meta jiġi hu, l-Ispirtu s-Santu, jmexxikom fil-verita kollha.” ({w 16, 13)

Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu tista’ tikber kemm l-intelliġenza tar-realtajiet kif ukoll tal-kliem tal-wirt tal-fidi: (KKK 94)

  • bil-kontemplazzjoni u bl-istudju (teoloġija)
  • bl-intelliġenza intima tal-veritajiet spiritwali li jkollhom dawk li jemmnu
  • bil-predikazzjoni

Hi mela ħaġa ċara li t-Tradizzjoni, l-Iskrittura u l-Maġisteru tal-Knisja , huma hekk marbuta u mseħbin ma’ xulxin, li waħda ma tistax tkun mingħajr l-oħrajn, u lkoll flimkien, kull waħda bil-mod tagħha, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-santu jagħtu sehemhom biex tassew isseħħ is-salvazzjoni tal-erwieħ. (DV 13)

Bil-fidi l-bniedem kollu kemm hu jintrabat personalment ma’ Alla li jirrivela lilu nnifsu. Il-fidi trid li l-bniedem jilqa’ bl-intelliġenza u r-rieda kollha tiegħu r-rivelazzjoni li Alla għamillu tiegħu nnifsu b’għemilu u bi kliemu. (KKK 176) Il-fidi hi don sopranaturali ta’ Alla. Biex jemmen il-bniedem jeħtieġ għajnuna internament (fir-ruħ) mill-Ispirtu s-Santu. (KKK 179)“Jemmen” il-bniedem ħieles li jaf x’inhu jagħmel: it-“twemmin” hu att li jaqbel mad-dinjita tal-persuna tal-bniedem. (KKK 180)

It-“twemmin” hu att ekkleżjali: Il-fidi tal-Knisja tiġi qabel il-fidi tagħna, tnissilha, tgħinha u tmantniha. Il-Knisja hi Omm dawk kollha li jemmnu. (KKK 181) Ħadd ma jista’ jkollu lil Alla bħala Missier jekk ma jkollux il-Knisja bħala Omm. (San Ċiprijanu) Il-fidi ddewwaqna minn qabel l-għarfien li jagħmilna hienja fil-ħajja ta’ dejjem. (San Tumas t’Aquino)

It-Twemmin f'Alla

[immodifika | immodifika s-sors]

Jiena nemmen f’Alla: l-iktar fundamentali. Il-Kredu kollu jitkellem dwar Alla, u jekk isemmi l-bniedem u d-dinja, isemmihom b’relazzjoni ma’ Alla. L-artikoli kollha tal-Kredu jiddependu mill-ewwel wieħed. (KKK 199)

Il-fidili l-ewwel ħaġa li jistqarru hi li jemmnu f’Alla. (Il-Katekiżmu Ruman)

Il-misteru tat-Trinita Qaddisa hu l-misteru ewlieni tal-fidi u tal-ħajja Nisranija. Hu l-misteru ta’ Alla fih innifsu. Hu għalhekk il-bidu tal-misteri l-oħra kollha tal-fidi, hu d-dawl li jdawwalhom. Hu t-tagħlim l-aktar fundamentali u essenzjali tal-“ġerarkija tal-veritajiet tal-fidi.” (KKK 234) Il-ġrajja kollha tas-salvazzjoni mhijiex ħlief il-ġrajja tat-triq u tal-mezzi li bihom Alla waħdu veru: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, wera lilu nnifsu lill-bnedmin, u wara li reġgħu lura minn dnubiethom, ħabbibhom mill-ġdid u għaqqadhom miegħu.

L-Inkarnazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fidi fl-Inkarnazzjoni tassew ta’ l-Iben ta’ Alla hi sinjal li jagħżel il-fidi nisranija minn kull twemmin ieħor. (KKK 463) L-Ispirtu ta’ Alla tagħrfuh b’dan: li kull Spirtu li jistqarr li Ġesu Kristu sar bniedem, hu minn Alla. (I Ġw 4,2) Din kienet il-konvinzjoni hienja tal-Knisja sa mill-bidu tagħha meta kienet tkanta: “Kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna: Hu deher fil-ġisem.Gesu kien lahjar wiehed fost il- bnedmin”

Ir-Reżurezzjoni ta' Kristu mill-Mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet huwa l-qofol tal-fidi tal-Kattoliċi fi Kristu. L-ewwel komunitajiet Insara emmnuha u għexuha bħala verità fiċ-ċentru ta’ twemminhom. It-Tradizzjoni għaddietha tul iż-żminijiet bħala verita fundamentali, id-dokumenti tat-Testment il-Ġdid iffissawha, u ġiet imxandra bħala parti essenzjali tal-Misteru tal-Għid flimkien mas-salib. (KKK 638)

Il-qawma tal-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġesu

Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesu “fetħilna” s-sema. Il-ħajja tal-beati fis-sema tikkonsisti filli jkollhom il-milja tal-frott tal-fidwa li seħħet bi Kristu, li jsieħeb fil-glorja tiegħu fis-sema lil dawk kollha li emmnu fih u baqgħu fidili għar-rieda tiegħu. (KKK 1026)

Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn l-erba’ attributi tal-Knisja... juru l-karatteristiċi essenzjali tal-Knisja u tal-missjoni tagħha. Dawn l-attributi mhumiex tal-Knisja minnha nnifisha: imma kien Kristu, permezz tal-ispirtu s-Santu, li għamel il-Knisja waħda u hu wkoll isejħilha biex tara li jseħħu dawn l-attributi tagħha. Dawn il-marki iktar milli huma provi għall-Knisja Kattolika iktar huma aspetti jew karatteristiċi fil-misteru tal-Knisja kollha u wkoll għanijiet li għadhom iridu jintlaħqu.

Duttrina Morali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Maġisteru tar-rgħajja tal-Knisja fil-qasam tal-morali ordinarjament jitħaddem fil-katekeżi u l-predikazzjoni, bl-għajnuna tat-teoloġi u l-kittieba spiritwali. (KKK 2033) B’dan il-mod għadda, minn ġenerazzjoni għal oħra, taħt il-ħarsien tar-rgħajja tal-Knisja, dak li nistgħu nsejħulu d-“depożitu” tal-morali Nisranija, magħmul minn ġabra karatteristika ta’ regoli, ta’ kmandamenti u ta’ virtujiet li joħorġu mill-fidi fi Kristu u jieħdu l-ħajja mill-imħabba.

Din il-katekeżi, tradizzjonalment għandha bħala bażi tagħha, flimkien mal-Kredu u l-Missierna, l-Għaxar Kmandamenti, li jħabbru l-prinċipji tal-ħajja morali li jgħoddu għall-bnedmin kollha. Il-fidi u l-prattika tal-Evanġelju jagħtu lil kull wieħed esperjenza ta’ ħajja nisranija “fi Kristu”, li jdawlu u jagħtih il-ħila biex iqis ir-realtajiet ta’ Alla u tal-bnedmin skond l-Ispirtu ta’ Alla. B’dan il-mod l-Ispirtu jista’ jinqeda minn min hu l-aktar ċkejken ħa jdawwal lil min għaref u għandu dinjita għolja. (KKK 2038)

Dan lilna Alla għarrafulna bl-Ispirtu, għax l-Ispirtu kollox jinfed, sal-fond ta’ Alla. Għax liema bniedem jagħraf dak li hemm fil-bniedem ħlief l-ispirtu tal-bniedem li qiegħed fih? (I Kor 2, 10-11)