Aqbeż għall-kontentut

Kristjaneżmu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Insara)
Is-Salib Latin huwa simbolu globali tal-Kristjaneżmu.
Ġesù Kristu huwa l-figura ċentrali fil-Kristjaneżmu u l-fundatur tagħha.

Il-Kristjaneżmu jew ir-Reliġjon Nisranija, tinkludi l-knejjes kollha li kienu jiffurmaw parti mill-ewwel moviment ta' twemmin fil-verità u l-eżistenza f'Ġesù Kristu. Dawn jissejħu Kristjani jew Insara. Ir-Reliġjon Nisranija, hija l-ikbar reliġjon fid-dinja u tinsab fil-kontinenti kollha fejn jgħixu n-nies. Iktar minn 2 biljun ruħ huma Insara. Iżda fost dawn l-Insara jeżistu differenzi, uħud minnhom mhux żgħar, għalkemm iħaddnu ħafna twemmin komuni li jgħaqqadhom flimkien.

It-termini Kristjan u Nisrani

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan it-terminu jintuża qabel xejn għall-perjodu tal-ewwel elf sena qabel ma seħħew ix-xiżmi bejn l-Insara tal-Punent, li baqgħu mal-Papa, u l-Insara tal-Lvant, magħquda taħt il-mant tal-Patrijarka ta' Kostantinopli. Dan il-perjodu jibda mal-mewt ta' Ġesu Kristu u jagħlaq fl-1054 meta seħħet ix-Xiżma.

It-terminu Kristjani jew Insara wara l-1054 jista' jintuża għal kwalunkwe denominazzjoni tal-Kristjaneżmu: prinċipalment, il-Kattoliċiżmu Ruman (dawk l-Insara li żammew lill-Papa bħala mexxej spiritwali tagħhom), l-Ortodossi (dawk li ma xtaqux lill-Papa u baqgħu taħt il-Patrijarki tagħhom) u, wara ftit sekli, il-Protestanti li huma stess huma ssuddiviżi fil-Luterani, il-Kalvinisti u l-Anglikani, fost l-oħrajn.

Jeżistu wkoll ammont ta' setet li jsejħu lilhom infushom bħala Kristjani, imma ħafna mid-drabi dawn ma jiġux rikonoxxuti mil-friegħi l-oħra ħabba konnessjoni ma' xi ideat, li skont l-oħrajn huma ereżiji hekk kif deskritti fil-Konċilji tal-Knisja fl-ewwel sekli tal-eżistenza tagħha.

Twemmin bażiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Waħda mill-ewwel stqarrijiet tal-Fidi hija l-Kredu, hekk imsejjaħ "tal-Appostli".

"1. Jiena nemmen f'Alla l-Missier li jista' kollox, li ħalaq is-sema u l-art

2. u f'Ġesu Kristu, Ibnu wieħed Sidna,

3. li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Vergni,

4. bata taħt Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh,

5. niżel bejn l-imwied, fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet,

6. tela' fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t'Alla l-Missier, li jista' kollox,

7. minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.

8. Nemmen fl-Ispirtu s-Santu,

9. il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-xirka tal-qaddisin,

10. il-maħfra tad-dnubiet,

11. il-qawma tal-imwiet,

12. u l-ħajja ta' dejjem. Amen."

Stqarrija oħra bikrija ta' fidi hija l-Kredu ta' Niċea-Kostantinopli:

"Jiena nemmen f' Alla wieħed, il-Missier li jista' kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx. U f'Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta' Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien. Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier: u bih sar kollox. Niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna. U ħa l-ġisem bis-setgħa ta' l-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skond il-Kotba Mqaddsa, u tela' s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. U għandu jerga' jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja: li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u ma' l-Iben: hu li tkellem b'fomm il-profeti. U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika. Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet. U nistenna l-qawma mill-imwiet, u l-ħajja taż-żmien li ġej. Amen."

Għall-Insara kollha, il-persuna ta’ Ġesù Kristu hija waħda ċentrali. L-insara jaqblu li ħajtu għandha tittieħed bħala eżempju u li t-tagħlim tiegħu dwar l-imħabba u d-dixxipulat għandhom ikunu s-sisien tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin.

Dak li nafu dwar Ġesu, storikament insibuh fl-Evanġelji tat-Testment il-Ġdid fil-Bibbja. Kotba oħra tat-Testment il-Ġdid jiġbor fil-qosor it-twemmin tal-knisja Nisranija tal-bidu. San Pawl, ngħidu aħna, kien jemmen li Ġesu ma kienx biss il-perfezzjoni tal-ħajja umana iżda li kien ukoll Alla. Ġesu kien isejjaħ lil Alla “Missier” u għalhekk l-Insara jsejħu lil ġesu “l-Iben ta’ Alla.”

Il-mewt bit-tislib u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu, għamlu mis-salib iċ-ċentru tal-fidi Nisranija u s-simbolu ewlieni ta’ l-imħabba ħelliesa ta’ Alla l-Missier.

Din l-imħabba, fit-Testment il-ġdid u fit-tagħlim Nisrani, hija l-iktar attribut (kwalita) importanti f’Alla. L-Insara jemmnu li Alla huwa omnipotenti, ġust, infinit u immutabbli, iżda fuq kollox li “Alla huwa mħabba.” Il-ħolqien mix-xejn tad-dinja u l-ħolqien tal-bniedem kienu espressjonijiet ta’ dik l-imħabba, kif kienet ukoll il-miġja ta’ Kristu.

Il-pożizzjoni speċjali ta’ Kristu wasslet lill-ewwel Insara biex ‘ipoġġuh’ flimkien mal-Missier u iktar tard ma’ “l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier bagħat fl-isem ta’ Ġesù” - kif tinsab fil-forma użata fis-sagrament tal-magħmudija u f’ħafna kredi tal-ewwel sekli. Wara ħafna kontroversji u riflessjoni, dik l-istqarrija ħadet il-forma tad-duttrina ta’ Alla bħala Trinità, Alla wieħed fi tliet persuni.

Il-Magħmudija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-magħmudija “fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” kienet sa mill-bidu l-mod kif Insara ġodda jidħlu fil-Knisja.

L-Ewkaristija

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-ritwal l-ieħor aċċettat fost l-Insara huwa l-Ewkaristija, jew l-Ikla tal-Mulej, li fiha l-Insara jaqsmu flimkien il-ħobż u l-inbid, li permezz tagħhom jesprimu u jagħrfu r-realta tal-preżenza ta’ Kristu hekk kif ifakkruh fl-għaqda ta’ dawk li jemmnu. L-Ewkaristija iżda saret ukoll waħda mill-iktar kwistjonijiet jaħarqu fost l-Insara, li ma jaqblux dwar il-“preżenza” ta’ Kristu fil-ħobż u nbid ikkonsagrat u dwar l-effett li tħalli f’min jirċeviha.

Aspett fundamentali tal-fidi Nisranija hija l-komunita Nisranija nnifisha — il-knisja. Kristu wiegħed lid-dixxipli li se jibqa’ magħhom “għal dejjem, sal-aħħar taż-żmien” u dan seħħ fil-“ġisem mistiku tiegħu fid-dinja,” il-knisja kattolika (universali). Ir-relazzjoni ta’ din il-knisja għad-diversi forom ta’ Kristjanita madwar id-dinja kollha hija l-ikbar fattur ta’ konflitt bejn dawn il-forom ta’ knisja. Il-Kattoliċi Rumani jemmnu li huma l-Knisja vera u xi Protestanti wkoll jemmnu li huma l-knisja vera. Iżda, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar l-Insara ta’ kull denominazzjoni, qed jaħdmu għall-għaqda mill-ġdid bejn il-knejjes Insara.

Il-Moviment Ekumeniku

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moviment Ekumeniku huwa moviment li jaħdem għall-koperazzjoni u għall-għaqda bejn il-knejjes Insara. Il-kelma ekumeniku ġejja mill-Grieg oikoumene (“universali”); għalhekk il-konċilji ekumeniċi tal-knisja, li l-ewwel wieħed sar f’Niċea fis-sena 325, kienu jissejħu hekk għax ir-rappreżentanti kienu jiġu mill-knejjes ta’ minn madwar id-dinja kollha magħrufa dak iż-żmien. Fis-seklu 19, il-kelma ekumeniku saret tfisser il-ħidma tal-Knisja Kattolika għall-għaqda ta’ l-Insara u għat-tiġdid tal-Knisja. Sas-seklu 20, ftit li xejn saru sforzi biex l-Insara jerġgħu jingħaqdu flimkien wara sekli ta’ firdiet, ir-Riforma Protestanta u kwistjonijiet oħra. Kienu l-Protestanti li fil-bidu tas-seklu 20 bdew jaħdmu fil-moviment ekumeniku.

Il-World Missionary Conference tal-1910, li sar f’Edinburgh, kien il-bidu ta’ l-ekumeniżmu kif nafuh illum. Fl-1948 twaqqaf il-World Council of Churches, li fil-bidu tas-snin tmenin kien jinkludi iktar minn 295 knisja f’iktar minn 90 pajjiż. Dan kollu sar mill-Protestanti sakemm fl-1920, il-Patrijarkat ta’ Kostantinopli ħareġ enċiklika li ssejjaħ lill-Insara kollha biex jingħaqdu. Il-Knejjes Ortodossi tal-Lvant ilhom membri tal-World Council sa mit-twaqqif tiegħu. Iżda l-Knisja Kattolika baqgħet ma aċettatx dan il-moviment. Għall-Knisja, l-għaqda tal-knisja kienet tfisser li s-“setet” xiżmatiċi jerġgħu lura lejn il-“knisja waħda u vera”.

Il-bidla ġiet fl-1959, meta l-Papa Ġwanni XXIII sejjaħ il-Konċilju. Il-Papa ħoloq Segretarjat għall-Għaqda ta’ l-Insara. Għall-ewwel darba, fl-1961 huwa ppermetta li osservaturi Kattoliċi jattendu uffiċjalment għall-assemblea tal-World Council of Churches. Meta Vatikan II fetaħ il-bibien tal-Basilika ta’ San Pietru fl-1962, l-osservaturi Protestanti u Ortodossi ingħataw postijiet ta’ unur u ġew inklużi fil-ħidma kollha tal-Konċilju. L-2500 isqof Kattoliku li attendew il-Konċilju (1962-65) trattaw l-għaqda ta’ l-Insara. Id-digriet tagħhom, li ħareġ fl-1964, ma kienx jitkellem fuq “xiżmatiċi” iżda fuq “aħwa mifrudin minna” u kkundanna dnubiet kontra l-għaqda li saru tul is-snin, kemm minn Kattoliċi, kif ukoll minn Protestanti.

Is-suċċessur tiegħu, Papa Pawlu VI, fl-1964 kellu laqgħa storika u ta’ ħbiberija mal-Patrijarka Ortodoss f’ġerusalemm, l-ewwel laqgħa bejn il-mexxejja taż-żewġ knejjes wara 500 sena. Fl-1966, l-arċisqof ta’ Canterbury, kap tal-Knisja Anglikana żar lill-Papa Pawlu VI, u fl-1967 il-Papa żar lill-Patrijarka Ortodoss fit-Turkija.

Fit-tmeninijiet, il-moviment ekumeniku ra qbil fuq kwistjonijiet duttrinali li qabel kienu jqajmu ħafna diżgwid, u koperazzjoni fil-livelli kollha. Dan sar minħabba diskussjonijiet li kienu saru fis-snin sebgħin bejn id-diversi knejjes Insara—Anglikani, Ortodossi, Protestanti, u Kattoliċi. Il-Kattoliċi u l-World Council of Churches ħadmu flimkien f’oqsma bħal ħidma għall-pai, studji dwar żvilupp dinji, u għajnuna għall-vittmi tad-diżastri. Dawk li qed jaħdmu għall-għaqda bejn il-knejjes jagħmluha ċara, li huma mhumiex ifittxu għaqda li tinsa d-differenzi bażiċi ta’ twemmin. Ħafna jsostnu li baqa' ħafna ostakli iżda progress jista’ jsir jekk jagħfsu iktar fuq dak li jgħaqqadhom milli fuq dak li jifridhom.