Aqbeż għall-kontentut

Karin Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Karin Grech
Ħajja
Twelid Londra, 1962
Nazzjonalità Malta
Mewt Sptar San Luqa, 28 Diċembru 1977
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Kawża tal-mewt omiċidju (splużjoni)
Familja
Missier Edwin Grech
Edukazzjoni
Lingwi Ingliż
Okkupazzjoni

Karin Grech (Londra, Ingilterra, 25 ta' Lulju 1962 - Malta, 28 ta' Diċembru 1977), bint il-Professur Edwin Grech u Pearl, kienet tfajla li nqatlet ta’ 15-il sena, kawża ta’ splużjoni li seħħet minn pakkett bomba mgeżwer f’karti tal-Milied, li ntbagħat fid-dar tal-ġenituri tagħha f'San Ġwann nhar it-28 ta' Diċembru 1977.

Fil-preżenza ta’ ħuha Kevin, li dak iż-żmien kien għad kellu għaxar snin, Karin kienet fetħet il-pakkett li kien indirizzat lil missierha, li ħasbitu xi rigal. Hija mietet nofs siegħa wara fl-Isptar San Luqa, kawża tal-ġrieħi li ġarrbet minħabba ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha.

Fil-quddiesa tal-Funeral, l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien sejjaħ il-qtil ta' Karin Grech "l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż."

Il-qabar ta’ Grech fil-qabar tal-familja b’bust tagħha fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid.

Karin kienet l-ewwel wild tal-Professur Edwin Grech li fl-1958 kien tela' l-Ingilterra biex jispeċjalizza fil-ġinekoloġija. Fl-1961, iżżewweġ f'Barth lil Pearl Theresa Bryant minn Somerset. Dik is-sena marru jgħixu Londra.

Karin tgħammdet fil-Knisja Kattolika ta' St. Albans, fil-Majjistral ta' Londra, fit-12 ta' Awwissu 1962. In-nanniet tagħha, il-ġenituri ta' missierha, Vincent u Maria kienu l-parrini tagħha.

Fl-1964, il-Professur mar bil-familja f'Kampala, l-Uganda, fejn damu sal-1973. Ta' sentejn u nofs, Karin bdiet tattendi l-Kindergarten ta' Kampala. Fl-1972, daħlet fi skola tal-borders sal-1974. Kienet tifla kreattiva u taf iddoqq sew il-pjanu.

Fl-1971 kienet ġiet Malta u għamlet xi żmien fl-Iskola tad-Dorotej l-Imdina.

Fl-1974, il-Professur mar bil-familja fiż-Żambja.

F'Awwissu 1977, Karin kienet għall-vaganzi tas-sajf f'Malta mal-familja.

F'Settembru 1977, Karin marret l-Ingilterra għax f'Jannar 1978 riedet tagħmel l-eżamijiet tal-GCE.

Fil-15 ta' Diċembru 1977, Karin ġiet Malta għall-vaganzi tal-Milied.

Fit-28 ta’ Diċembru 1977, inqas minn tliet xhur wara li missierha beda jirrendi s-servizzi tiegħu lill-Gvern ta’ Malta, wasal bil-posta fir-residenza tagħhom envelopp kbir kannella li fih kien imgeżwer pakkett b’wrapping paper tal-Milied, li għall-ħabta tan-12.30p.m., meta ġie miftuħ minn Karin, sploda peress illi kien jikkontjeni materjal splussiv fih.

Karin, li dak iż-żmien kellha 15-il sena, sofriet ġrieħi gravi fl-isplużjoni u mietet nofs siegħa wara fl-Isptar San Luqa. Ħuha Kevin ukoll kien sofra ġrieħi gravi u kellu bżonn kura barra mill-pajjiż.

Ftit qabel, il-Professur Grech kien ġie mwissi, f’daru stess u fil-prezenza tal-familja tieghu, bil-kliem "don't forget that you have children" — kliem li kellu jirrizulta tragikament profetiku.

Il-Kwistjoni tat-Tobba

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta ta’ Awwissu 1977, il-Professur Edwin Grech kien qiegħed għall-vaganzi f'Malta u kien qed jaħseb biex imur lura jagħti s-servizzi tiegħu fir-Renju Unit, meta f’Malta kienet għaddejja kwistjoni industrijali bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba, il-MAM. Kien il-Gvern Malti li kkuntattja lill-Professur Grech u talbu jibqa' Malta biex ikompli jagħti s-servizzi tiegħu bħala Konsulent u Kap tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa.

Il-Professur aċċetta li jinżel Malta u jkompli bis-servizzi tiegħu sakemm tintemm it-tilwima industrijali. Ġara li l-kwistjoni industrijali twalet ferm u ferm aktar milli qatt kien maħsub, tant li l-Professur kien għadu f’pajjiżna meta seħħet it-traġedja fid-dar tiegħu, fit-28 ta’ Diċembru, 1977.

L-Investigazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li għaddew ħafna snin, il-każ għadu u mhux solvut u għadu mhux stabbilit min wettaq id-delitt, l-investigazzjonijiet tal-pulizija fuq il-każ għadhom għaddejjin, u-Inkjesta Maġisterjali għadha miftuħa. Mill-2008 'l hawn, il-Pulizija kienet qiegħda tkellem grupp ta’ persuni li fl-investigazzjonijiet ta' qabel, ma kinux ġew interrogati mill-Pulizija.

Fl-2009, il-ġurnal It-Torċa irraporta li l-Pulizija Maltija tefgħet għajnejha fuq numru żgħir ħafna ta’ tobba Maltin residenti fl-Ingilterra, li kienu magħrufa għar-rabtiet fil-qrib mal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien l-istrajk tat-tobba tal-1977. Irraporta ukoll li kienu investigati wkoll kitbiet fil-British Medical Journal li dehru fl-1977.

Kumpens lill-familja

[immodifika | immodifika s-sors]

Sadanittant, fl-aħħar ta' Novembru 2010, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lill-Prim Ministru, bħala l-Kap tal-Gvern Malti, biex jagħti s-somma ta’ €419,287 lill-Professur Edwin Grech u lill-familja tiegħu bħala kumpens għall-qtil politiku ta’ Karin. Fil-kummenti tiegħu għal din l-aħbar, il-Professur Grech qal li din tiftaħlu ħafna bibien fl-investigazzjoni tiegħu biex jgħin lill-Pulizija tasal għall-qattiel jew qattiela. Fl-istess waqt, huwa wera diżappunt kbir għall-mod kif il-Pulizija investigat il-qtil ta’ bintu.

L-Imħallef Raymond Pace, li ppresieda l-kawża, fisser in-nuqqas tal-Gvern milli jagħti kumpens għal dawn is-snin kollha bħala trattament diskrimi­natorju fuq bażi politika. Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef għamilha ċara li d-delitt seħħ bħala konsegwenza tas-servizzi li l-Professur Grech ta lill-Gvern Malti u fisser id-deċiżjoni tal-Gvern li jirrifjuta li jagħti kumpens bħala aġir diskrimintorju.

Delitt mediku-politiku

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Imħallef Pace sostna li mill-provi, jirriżulta li l-Gvern ikkumpensa lil diversi persuni li spiċċaw vittmi minħabba ċirkostanzi pubbliċi għax taw servizz lill-Gvern jew minħabba li sofrew atti vjolenti, madankollu naqas milli jagħmel l-istess mal-familja Grech. Huwa sostna li d-delitt ta’ Karin Grech kien wieħed ta’ natura mediko-politika, frott tal-klima partikolari li nħolqot fil-kwistjoni industrija­li bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba.

Żied jgħid li d-deċiżjoni tal-Professur Grech li jaċċetta li jkompli jaqdi lill-pubbliku bis-servizzi mediċi tiegħu kienet suġġett ta’ tensjoni kbira għalih u għall-familja tiegħu.

Iżda l-Gvern ħabbar, ftit tal-jiem wara, li se jappella minn din is-sentenza. Minkejja li qal li se jaċċetta li jħallas il-kumpens, qal li ma jaqbilx mal-Qorti li dan kien każ politiku għax id-delitt għadu mhux solvut u għadu mhux stabbilit min wettaq id-delitt.

Nhar il-11 ta' April 2011, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell imressaq mill-Gvern u kkonfermat is-sentenza li kienet tat il-Qorti Ċivili li l-qtil ta’ Karin Grech, li seħħ fit-28 ta’ Diċembru, 1977 kellu motivazzjonijiet mediċi-politiċi.

Għalkemm il-Gvern kien ikkontesta d-dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti huwa ħallas il-kumpens lill-ġenituri ta’ Karin Grech. Għaldaqstant, la darba huwa aċċetta, u fil-fatt ħallas il-kumpens, skont il-Qorti Kostituzzjonali, dan ifisser li l-Gvern aċċetta d-dikjarazzjoni li wasslet għall-ordni tal-kumpens u għalhekk ma jistax jikkontesta iktar id-dikjarazzjoni li ngħatat.

Għibien ta' Evidenza?

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-17 ta' Novembru 2017, xahar waral-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, il-familja ta’ Karin Grech, ressqet protest ġudizzjarju fejn qed iżomm lill-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tal-Qrati responsabbli għall-għibien ta’ evidenza meqjusa bħala kruċjali.

Il-Protest ikompli l-persuni msemmija huma responsabbli tan-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni, iktar u iktar meta dan l-aħħar saru jafu li biċċiet mill-envelope li kellu traċċi tal-isplussiv, apparentement għebu mill-kustodja tal-Qrati. Il-familja Grech qalet li din l-evidenza setgħet tixħet dawl fuq ir-reat grazzi għal teknoloġiji u żviluppi ġodda fix-xjenza forensika f’dawn l-aħħar 40 sena.

Iżda ġimgħa wara, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u d-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja sostnew li mhux vera ntilfet xi evidenza ewlenija mill-każ tal-assassinju ta’ Karin Grech. Huma argumentaw bi tweġiba lill-Qorti li s-suspetti huma infondati. Żiedu jgħidu li minn investigazzjonijiet li saru, dawn id-dokumenti għadhom fil-pussess tal-Maġistrat Inkwirenti.

Il-Każ tat-Tabib Paul Chetcuti Caruana

[immodifika | immodifika s-sors]

Paul Chetcuti Caruana, tabib u Membru Parlamentari Laburista bejn l-1976 u l-1981, kien irċieva bil-posta bomba li ma ħaditx fl-istess jum u ħin li pakkett simili kien impustat lit-Tabib Edwin Grech u li kienet qatlet lil bintu Karin. Bdew jinxterdu xnigħat li għax ma ħaditx il-bomba li kien irċieva Chetcuti Caruana, kien hu li għamel il-bomba li qatlet lil Karin Grech.

F'intervista li ta fl-2007, Chetcuti Caruana meta mistoqsi jafx min qatel lil Karin Grech wieġeb: “Fid-Depot naħseb jafu min hu u naħseb anki f’Tal-Pietà jafu min hu.” Qal li skond ma qalulu l-esperti l-bomba tiegħu ma ħaditx għax kien hemm xi molol imsaddin, u stqarr li hu kien se jkun “vittma ta’ frame-up mill-Pulizija” fuq dan il-każ, u akkuża lill-esperti ta’ Scotland Yard li għenu fl-investigazzjonijiet li kienu “kważi viċin li jkomplu bil-frame-up.”

Qal li fl-1991 kien hemm tentattiv li jerġa’ jsir frame-up fuqu meta programm televiżiv kien reġa’ qabad il-każ u kien wassal biex il-Pulizija televa l-marki tal-pala ta’ idejn it-tabib biex tqabbilhom ma’ dawk elevati minn fuq il-karti li kienu mgeżwra l-pakketti splussivi li ntbagħtu fl-1978, iżda spjega li kollox kien reġa’ waqa’ fil-muta wara li l-marki tal-id la qablu ma’ tiegħu u lanqas ma’ ta’ Reginald Cini li kien jgħix fl-Awstralja.

Fil-Parlament, nhar id-19 ta’ Ġunju 1985, il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami meta kien qiegħed iwieġeb għall-intervent tal-Ministru Laburista Alex Sciberras Trigona, kien qal: "Ngħidlek xi darba dwar Karin Grech, meta nkunu aħna fil-Gvern ngħidlek min, tikkonfondix. Nagħmlu l-investigazzjonijiet bis-serjetà u ngħidlek, mela le!"

Wara l-bidla fil-Gvern fl-1987, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien ta struzzjonijiet lill-Pulizija biex jagħtu prijorità lil numru ta’ każijiet fosthom il-każ ta’ Karin Grech, iżda tul is-snin qatt ma tressaq ħadd il-qorti fuq il-każ. F'intervista li Fenech Adami ta fl-2010 huwa qal li hu kien għamel dak kollu possibbli biex il-każ ikun solvut.

Fl-2009, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li "l-qtil ta' Karin Grech u l-qtil ta' Raymond Caruana, kienu delitti li saru minħabba intolleranza politika. Din l-intolleranza hija marda kiefra li l-poplu Malti u Għawdxi għandu jibqa’ jikkumbatti. Lil hinn mill-politika partiġġjana, f'dawn id-delitti ma nxteridx demm blu jew aħmar, imma demm innoċenti."

Nhar il-11 ta' April 2011, il-Partit Laburista rreaġixxa għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Sede Kostituzzjonali billi qal li din tpoġġi responsabbiltà kbira fuq il-Prim Ministru u l-Ka­binett li jmexxi wara li kienu huma li appellaw mid-deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għax ma qablux li d-delitt kien riżultat tax-xogħol li kien qed iwettaq il-Professur Grech fi żmien il-kwistjoni medikol-politika.

Waqt li ddeskriva l-appell tal-Gvern bħala wieħed insensittiv u li offenda kemm lil kull min huwa ta’ rieda tajba kif ukoll lill-familja Grech, il-Partit Laburista qal li l-fatt li l-appell kien miċħud mhux biss juri kemm il-Gvern kien żbaljat meta baqa’ jirrifjuta li jaċċetta li d-delitt kien marbut max-xogħol tal-Professur Grech imma wkoll li l-Gvern “sabbat il-bieb” f’wiċċ dawk kollha li matul is-snin għamlu sforzi kbar biex iġibu l-għaqda fil-pajjiż.

Sptar u Monument

[immodifika | immodifika s-sors]
Fjuri fil-monument fi Ġnien Karin Grech fl-2015.

Fl-1981, il-Gvern Laburista bena sptar għat-tfal maġenb l-Isptar San Luqa fi Gwardamangia li semmieh Sptar Karin Grech.

F'San Ġwann, hemm Ġnien Karin Grech, b'monument tagħha fih. Ta' kull sena, fl-anniversarju tal-qtil tagħha, il-Partit Laburista itella' programm ta' tifkira f'ġieħha bil-preżenza tal-qraba tagħha.

Poeżija ta' Oliver Friggieri

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-poeżija tiegħu "Karin u Raymond", il-poeta Oliver Friggieri ‘jżewweġ’ fil-ġenna lil Karin Grech u lil Raymond Caruana (li nhar is-6 ta’ Diċembru 1986, inqatel meta kien fil-każin Nazzjonalista tal-Gudja u xi ħadd mhux magħruf spara tiri fuq il-każin). Iżewwiġhom fil-ġenna, fejn minn hemm fuq qed jgħassu biex ma jerġax jiġri dak li ġara lilhom.

Għandhom ħolma waħda li mhi ta’ ebda partit politiku, il-ħolma li sseħħ l-għaqda fost ħuthom il-Maltin. Biex din l-għaqda sseħħ, il-Maltin ma jridux jinsew dak li ġara fl-imgħoddi. Il-memorja ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ maqtula għandha tiftħilna għajnejna biex ma ninsewx li aħna lkoll aħwa Maltin.


Karin u Raymond

Hawn fuq iltqajna t-tnejn għall-ewwel darba,

għarajjes li ssaħħarna minn xulxin,

għarajjes li m’hemm xejn li se jifridna,

għarajjes li noħolmu bil-Maltin.


Id’id għarajjes bojod li nittajru

fi żwieġ li ma jixjieħx matul iż-żmien,

żewġ kwiekeb li nittawlu kull flgħaxija

u ngħassu fuqkom dejjem, kullimkien.


Għassiesa t-tnejn mill-għoli fejn ninsabu,

għassiesa li ma norqdu qatt u qatt,

għassiesa biex id-demm li xerridn’aħna

ma jerġa’ jxerrdu ħadd u ħadd u ħadd.


Hemm ħolma bajda fl-għerusija tagħna

li ma jħassarha b’xejn ebda kulur,

hemm ħolma li m’hix blù w anqas m’hi ħamra,

hemm ħolma li fi żwieġ biddlet dulur.


Hemm salm li kiber fina biex nessiena

kull weġgħa, kull tifkira, kull lament,

hemm vleġġa li trid tinfed lill-qlub kollha

f’kull dar, f’kull triq, f’kull sqaq, f’kull parlament.


Hemm blata taħt għajnejna li nonġruha

filgħodu w filgħaxija t-tnejn id f’id,

hemm gżira li nsaqquha biex sa fl-aħħar

minn hawn narawha tikber f’nazzjon ġdid.


Bl-imħabba jħabbtu qlubna taħbit wieħed,

l-imħabba li żewġitna hawn fuq it-tnejn,

l-imħabba nitolbukom biex dal-kalċi

li xrobna ma nkunux xrobnieh għalxejn.


Hemm kmandament li tnissel miż-żwieġ tagħna

biex dawn id-dmija mxerrda ma jinħlewx,

ktibnieh bid-demm, tgħallmuh w għallmuh ‘l uliedkom:

il-kmandament ta’ għada: ‘La tinsewx’.