Aqbeż għall-kontentut

Muammar al-Gaddafi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Muammar Gaddafi)
Muammar al-Gaddafi
President tal-Unjoni Afrikana

2 Frar 2009 - 31 Jannar 2010
Jakaya Mrisho Kikwete (en) Translate - Bingu wa Mutharika (mul) Translate
Prim Ministru tal-Libja

16 Jannar 1970 - 16 Lulju 1972
Mahmud Sulayman al-Maghribi (en) Translate - Abdessalam Jalloud (en) Translate
Mexxej tal-Fratellanza u Gwida tar-Rivoluzzjoni

1 Settembru 1969 - 23 Awwissu 2011
← no value - no value →
Ħajja
Isem propju معمر محمد أبو منيار القذافي
Twelid Qasr Abu Hadi, 7 Ġunju 1942
Nazzjonalità Kingdom of Libya (en) Translate
Libyan Arab Republic (en) Translate
Great Socialist People's Libyan Arab Jamahiriya (en) Translate
Residenza Bab al-Azizia (en) Translate
Mewt Sirt, 20 Ottubru 2011
Post tad-dfin Deżert Libjan
Kawża tal-mewt omiċidju (ferita b'tir ta' arma tan-nar)
Mudell:P Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali
Familja
Missier Mohammed Abdus-Salam
Omm Aisha Ben Niran
Konjuga/i Fathia Nuri Khalid (en) Translate  (1969 -  1970)
Safia Farkash (en) Translate  (10 Settembru 1970 -  20 Ottubru 2011)
Ulied
Tribù Qadhadhfa (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Akkademja tal-Università Militari ta' Benghazi
Kulleġġ tal-Persunal u tal-Kmand tas-Servizzi Konġunti
Università tal-Libja
Fu Hsing Kang College, National Defense University (en) Translate
Livell tal-edukazzjoni Dottorat fix-Xjenza
Lingwi Għarbi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
kittieb
uffiċjal militari
Tul 185 cm
Xogħlijiet importanti Il-Ktieb l-Aħdar
Third International Theory (en) Translate
Premjijiet
Moviment Pan-Għarbiżmu
antikolonjaliżmu
Arab nationalism (en) Translate
Third International Theory (en) Translate
Nasserism (en) Translate
Servizz militari
Fergħa militari Libyan Army (en) Translate
Grad kurunell
Iġġieldu Gwerra Ċivili Libjana tal-2011
Gwerra Libjana-Eġizzjana
Gwerra bejn l-Uganda u t-Tanżanija
kunflitt bejn iċ-Chad u l-Libja
l-Ewwel Gwerra Ċivili Liberjana
Gwerra tat-Toyota
it-Tieni Gwerra tal-Kongo
Battalja ta' Tripli
Gwerra Ċivili Etjopjana
kolp ta' stat Libjan tal-1969

Muammar Muħammad Abu Minjar al-Gaddafi (bl-Għarbi: مُعَمَّر القَذَّافِي‎, Muʿammar al-Qaḏḏāfī Ar-Muammar al-Qaddafi.ogg awdjo ; magħruf ukoll bħala Muammar Gaddafi jew Kurunell Gaddafi; Surt, 7 ta' Ġunju 1942Surt, 20 ta' Ottubru 2011) kien politiku Libjan, li mill-1969 serva bħala l-kap ta' pajjiżu sat-tneħħija mill-poter fl-2011. Wara li ħa t-tmexxija permezz ta' kolp ta' stat fl-1969 li temm il-monarkija ta' Sajjid Ħasan I, hu impona l-ideoloġija politika tiegħu li ġiet ippubblikata fil-Ktieb l-Aħdar. Wara 42 sena ta' tmexxija, hu waqa' mill-poter kawża tar-Rivoluzzjoni Libjana tal-2011 li fiha ħalla ħajtu.

Tfulija u żgħożija

[immodifika | immodifika s-sors]

Twieled f'tinda tal-bedwini fid-deżert qrib Surt, li sa dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-provinċja Taljana ta' Misurata, f'familja Iżlamika iben mara Lhudija Razale Tammam, minn Bengażi, li żżewġet Mislem kontra r-rieda ta' missierha (dwar dan mhux l-istoriċi kollha jaqblu). Familtu ġejja minn tribù żgħir ta' berberi arabizzati, imsejħa l-Qaddadfa, li kienu jrabbu l-bhejjem fl-oażi ta' Unn. Meta Gaddafi kellu sitt snin tilef żewġ kuġini tiegħu u hu nnifsu weġġa' f'idu meta splodiet landmine Taljana ta' żmien il-gwerra. Bejn l-1956 u l-1961 attenda l-iskola Koranija ta' Surt, li fiha tħabbeb mal-ideat ta' Gamal Abd el-Nasser. Temm l-istudji sekondarji tiegħu taħt tutor privat f'Miżurata, u kien jinteressah ħafna l-istudju tal-istorja.

Fl-1961 Gaddafi daħal fl-Akkademja Militari ta' Bengażi. Karriera militari kienet toffri opportunità ġdida biex wieħed jikseb edukazzjoni ogħla, u jimxi 'l quddiem ekonomikament u soċjalment, u għal ħafna l-uniku mezz biex wieħed jagħmel azzjoni politika u jġib bidla ta' malajr. Għal Gaddafi u ħafna mill-uffiċjali sħabu, li kienu mqanqla min-nazzjonaliżmu Għarbi tip Nasser u minn mibegħda kbira lejn Israel, karriera militari kienet sejħa għar-rivoluzzjoni. Wa

ra żmien qasir ta' ta' taħriġ fl-Ingilterra u l-Greċja, sar kurunell tal-armata fl-età ta' 27 sena. It-telfiet li ġarrbu l-Għarab fl-1967 fuq tliet fronti minn Israel, kienu umiljazzjoni għas-suldati Libjani li ssaħħew iktar fil-fehma li jagħtu sehemhom għall-unità Għarbija u jibdew billi jwaqqgħu l-monarkija Libjana.

Kolp ta' Stat

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar l-1 ta' Settembru 1969 uffiċjali militari mmexxija mill-Kurunell Muammar Gaddafi għamlu rivoluzzjoni u neħħew mis-setgha lir-Re Idris li dak inhar kien fuq żjara medika fit-Turkija u meqjus wisq servili lejn l-Istati Uniti u Franza. Suldati u tankijiet daħlu Tripli fis-sigħat bikrin ta' filgħodu u f'sagħtejn ħadu f'idejhom postijiet strateġiċi. Il-palazz irjali kif ukoll il-kwartieri ġenerali tal-armata u s-sigurta' ġew iċċirkondati, inqatgħu l-komunikazzjonijiet mad-dinja ta' barra waqt li ġie mpost curfew. Il-Princep Eredi Hassan ħabbar l-appoġġ tiegħu għar-reġim il-ġdid, li l-ġunta militari tat l-isem ta' Ġamaħarija Libjana Għarbija Soċjalista tal-Poplu. L-Eġittu u l-Iraq għarfu r-reġim il-ġdid. Il-Kunsill Rivoluzzjonarju, li beda jmexxi l-pajjiż, ħabbar li l-għan tar-rivoluzzjoni kien: l-għaqda, il-ħelsien u s-soċjalizmu. Fit-8 ta' Settembru tħabbar kabinett ġdid. Il-Kurunell Gaddafi, li kellu 27 sena, laħaq Kap Kmandant tal-Qawwiet Armati.

Relazzjonijiet barranin

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit wara li tela' fil-poter Gaddafi qata' r-relazzjonijiet kollha mal-Punent u beda jfittex ħbiberiji ma’ pajjiżi Għarab bħall-Eġittu u s-Sirja. Kien fost dawk l-iktar li tħabtu kontra l-ftehim ta’ paċi bejn l-Iżrael u l-Eġittu li ntlaħaq f’Camp David fl-Istati Uniti. Taħt Gaddafi l-Libja kellha relazzjonjiet ħżiena anke ma' ċerti pajjiżi Għarab, fosthom l-Għarabja Sawdita u anke iċ-Ċad. Fl-aħħar snin il-Gvern Libjan kien qed jerġa' jibda bil-mod jiftaħ il-bibien tiegħu lill-Punent. Fl-2003 Gaddafi iddikjara li l-Libja kienet se tabbanduna l-programm tal-armi tal-qerda tal-massa waqt li ta aċċess lill-ispetturi tal-Ġnus Magħquda.

Fis-sebgħinijiet u tmeninijiet, ir-relazzjonijiet tal-Libja ta' Gaddafi mal-Istati Uniti ħżienu ħafna. Allegatament, ir-reġim ta' Gaddafi kien jiffinanzja hijacks, qtil u rivoluzzjonijiet. Wara li r-reġim tiegħu kien wara attakk fuq diskoteka f’Berlin, li fih kien tilfu ħajjithom żewġ suldati Amerikani, l-Istati Uniti rrispondiet billi attakkat il-kumpless tiegħu fi Tripli. Dakinhar, allegatement inqatlet it-tifla adottata tiegħu - Aisha.

Sentejn wara, fl-1988, seħħ il-każ ta’ Lockerbie. Gaddafi kien akkużat li kien wara dan l-attakk ukoll. Dan il-każ kien wassal għal sanzjonijiet li kissru l-ekonomija Libjana. Il-poplu Libjan sofra minħabba l-aġir tad-dittatur li kien imexxih. Iżda mhux hekk biss - fl-aħħar xhur kien żvelat kif min kien jitkellem kontra r-reġim tiegħu kien jintbagħat il-ħabs. Eluf inqatlu u ħadd ma jaf x'sar minnhom. Il-media kienet tal-istat u bil-liġi, kull dar u ħanut ried ikollha ritratt tiegħu.

Gaddafi żar l-ewwel darba l-Italja nhar l-10 ta' Ġunju 2009. Qagħad f'tinda f'Villa Doria Pamphili, l-ikbar ġnien pubbliku fil-kapitali Ruma, għat-tlett ijiem li dam fl-Italja. Mal-wasla tiegħu fl-Italja, fuq l-uniformi tiegħu Gaddafi kellu mwaħħal ritratt ta' meta t-Taljani kienu arrestaw lill-eroj tar-reżistenza Libjana kontra l-ħakma Taljana, Omar Al-Mukhtar, u li kien inqatel fl-1931. Miegħu għal dan iż-żjara ħa wkoll iben al-Mukhtar li llum hu raġel anzjan. Mal-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, Gaddafi iffirma diversi ftehim bilaterali. Gaddafi, li dak iż-żmien għandu l-Presidenza tal-Unjoni Afrikana, irritorna l-Italja ix-xahar ta' wara bħala delegat għas-summit tal-G8, il-grupp tat-tmien pajjiżi l-aktar industrijalizzati. Fil-passat il-Libja kienet kolonja tal-Italja u llum il-ġurnata l-akbar kummerċ fil-Libja hu mal-Italja. Matul din iż-żjara, Gaddafi kellu laqgħat ma' xi wħud mit-Taljani li kien keċċa fl-1970 minħabba l-okkupazzjoni Taljana tal-Libja bejn l-1911 u l-1941. Din iż-żjara saret possibbli wara li f'Awwissu 2008 ż-żewġ pajjiżi ffirmaw trattat li bih l-Italja investiet 3.4 biljun ewro fil-Libja bi tpattija għas-snin li dan il-pajjiż fit-Tramuntana tal-Afrika kien kolonja tagħha.

Qabel l-elezzjoni tal-1971, Dom Mintoff kien wiegħed li jekk jitla' hu se jġib għajnuna mil-Libja. Il-Partit Nazzjonalista u Mabel Strickland kkritikaw ir-rabtiet ta' Mintoff mal-Libja. Kif Mintoff rebaħ l-elezzjoni, mill-ewwel bdew it-taħdidiet mal-Libja. Il-Libja tat lill-Gvern ta' Mintoff 3 miljun lira Maltija kif telqet il-marina Ingliża minn Malta, bil-kundizzjoni li l-faċilitajiet militari ta' Malta qatt ma jerġgħu jintużaw biex jintbagħtu missjonijiet ta' provista lil Iżrael (kif Gaddafi allega li kien ġara fil-Kriżi tal-Kanal tas-Swejs tal-1956 u l-Gwerra tal-1967).

Mill-1973 Mintoff beda politika ta' rapprochement kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi, li Mintoff kien isejħilhom aħwa mid-demm. Beda x-xogħol fuq moskea f'Kordin, immexxija minn fondazzjoni Libjana, l-‘Għaqda Misilmija Dinjija'. Infetħu Istituti Kulturali Libjani f'Tas-Sliema u l-Belt u mijiet ta' Maltin sabu impjiegi fil-Libja. Dak li għal 26 sena kien is-St Michael's Training College f'Ta' Ġiorni, fejn il-Freres ta' De La Salle kienu jħarrġu lill-għalliema rġiel, sar skola Libjana Al Fateh. Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt għola fil-kriżi tal-1973, Mintoff laħaq ftehim mal-Libja, li kellha tagħti lil Malta ż-żejt kollu li kellha bżonn għall-ekonomija tagħha bi prezz preferenzjali. L-ewwel darba li Gaddafi żar Malta kien fil-25 ta' Novembru 1973, hu u sejjer lura Tripli minn Pariġi. Kien żar it-Tarzna u kien milqugħ bil-ferħ minn ħafna Maltin. Fid-19 ta' Diċembru kien reġa' żar Malta u kien indirizza lill-istudenti tal-Polytechnic, kif reġa' għamel fit-tielet żjara tiegħu fit-22 ta' Mejju 1976, meta l-Gvern Malti kien tah l-unur ta' Ġieħ ir-Repubblika. Ir-raba' darba kienet fl-1 ta' Lulju 1978, fejn dakinhar kien żar għall-ewwel darba Għawdex u qiegħed l-ewwel ġebla tal-moskea f'Raħal Ġdid.

Fl-1979 Gaddafi wiegħed "appoġġ totali" lil Malta, hekk kif l-aħħar suldati Ingliżi telqu minn Malta. Għaċ-ċerimonja ta' Jum il-Ħelsien, Gaddafi kien l-uniku mexxej ta' pajjiż preżenti, b'delegazzjoni kbira ħafna. Il-media oċċidentali spekulat fuq il-possibiltà li Malta tallinea ruħha militarment mal-Libja imma dan qatt ma ġara. F'din il-ħames żjara tiegħu Gaddafi kien indirizza lill-pubbliku f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Fl-1980 inqalgħet tilwima bejn il-Libja u Malta, meta Saipem 2 – rig taż-żejt Taljan ikkummissjonat mit-Texaco biex ifittex iż-żejt f'isem il-Gvern Malti – kien avviċinat minn gunboats u sottomarin Libjani u mġiegħel jieqaf iħaffer fil-Medina bank, 68 mil nawtiku fix-xlokk ta' Malta. Iż-żewġ pajjiżi jgħidu li għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali fuq dik iż-żona tal-Pjattaforma Kontinentali, u fl-1982 il-kwistjoni marret quddiem il-Qorti Internazzjonali fl-Aja, wara żjara mhux mistennija ta' Gaddafi f'Malta (is-sitt waħda) fit-13 ta' Mejju 1982.

Minkejja dan, bejn l-1982 u l-1984 ir-relazzjonijiet kulturali u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jikbru. Iċ-ċertifikat tal-matrikola f'Livell Ordinarju fl-Għarbi sar obbligatorju biex tidħol l-Università ta' Malta. Ġie ffirmat Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, li kien jinkludi protokoll ta' sigurtà li bih il-forzi Libjani riedu jħarrġu u jarmaw lis-suldati Maltin. U l-Libjani ma kellhomx bżonn aktar ta' visa biex jidħlu Malta. Dan sar f'Novembru 1984 fis-seba' u l-aħħar żjara ta' Gaddafi f'Malta.

Nhar il-15 ta' April 1986 bombers Amerikani attakkaw Tripli taħt l-ordnijiet tal-President Ronald Reagan, attakk li kien ħalla diversi vittmi, fosthom it-tifla adottiva tal-mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Karmenu Mifsud Bonnici kien avża ftit minuti qabel lil Gaddafi b'dan l-attakk imminenti wara li kien twaqqa' ajruplan Amerikan mil-Libjani fil-Golf ta' Sirte li l-Libja kienet issostni li kien baħar intern tagħha. Il-preavviż ta' Mifsud Bonnici kien salva ħajjet il-mexxej Libjan.

Il-Priministri Karmenu Mifsud Bonnici, Eddie Fenech Adami u Alfred Sant ilkoll kellhom diversi laqgħat ma' Gaddafi. L-aħħar mexxej ta' stat li ltaqa' ma' Gaddafi fil-Libja qabel l-irvellijiet ta' Frar 2011 kien il-Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi nhar it-8 ta' Frar 2011. Fil-laqgħa sar aġġornament ta' ftehim ta' ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll kienu diskussi l-oqsma ta' kooperazzjoni u l-possibilità ta' iktar investimenti bejn iż-żewġ pajjiżi Mediterranji. Il-Prim Ministru Gonzi ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda pożittiva li tkompli tikkonsolida r-relazzjoni bejn Malta u l-Libja filwaqt li tenna s-s-sehem ta' Malta f'li titwassal l-importanza tan-naħa t'isfel tal-kontinent Ewropew. Malta trid tibqa' ssegwi l-iżviluppi f'pajjiżi ġirien tagħha minħabba li l-iżvilupp ekonomiku ta' Malta jiddependi fuq stabbilita' fir-reġjun kollu tal-madwar. Gonzi qal ukoll li hemm ħsieb li l-mexxej Libjan issirlu stedina formali biex jagħmel żjara f'Malta. L-aħħar laqgħa qabel din bejn Gonzi u Gaddafi kienet saret f'Novembru 2010, fl-aħħar tas-summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, li kien organizzat fi Tripli, il-Libja.

Wara l-Irvelli tal-Libja tal-2011

[immodifika | immodifika s-sors]
Muammar Gaddafi waqt is-summit tal-Unjoni Afrikana fl-2009

Nhar il-21 ta' Frar 2011, erbat ijiem wara li bdew l-irvellijiet kontra Gaddafi, żewġ ajruplani militari Libjani u żewġ ħelikopters niżlu fl-ajruport Internazzjonali ta' Malta wara li ħarbu mill-Libja. Huma niżlu wara li għamlu sejħa ta' emerġenza minħabba nuqqas ta' fuel. Iż-żewġ ħelikopters ċivili kienu tat-tip Super Puma b'reġistrazzjoni Franċiża. Fuq wieħed mill-ħelikopters kien hemm 4 persuni, filwaqt li fuq l-ieħor kien hemm 3. Dawn l-ajruplani tat-tip Mirage F1 tal-Forza Libjana waslu Malta fi 3 minuti wara li ttajru fil-baxx ħafna. Iż-żewġ piloti tal-ajruplani huma kurunelli tal-armata li telqu mill-bażi ta' Okba-Bin-Nafe. Huma ġew ordnati jibbumbardjaw lin-nies ċivili, izda ma obdewx dawn l-ordnijiet u ħarbu mill-ispazju tal-ajru Libjan. Dan wara li ajruplani militari Libjani bdew jittajru fuq Tripli u jisparaw fuq in-nies li ħarġu fit-toroq jipprotestaw. Il-piloti inżammu mill-Pulizija Maltija għal aktar investigazzjonijiet. Dawn talbu lil Malta kenn politiku u għal status ta’ refuġjati, u din it-talba qiegħda tkun ikkonsidrata mill-Kummissarju għar-Refuġjati. Nhar is-27 ta' Frar Gonzi qal l-Gvern Malti ma laqax it-talba tal-Gvern Libjan biex ikunu ritornati l-ajruplani Mirage F1. Fit-23 ta' Frar kien hemm ajruplan li kien ġej mid-direzzjoni tal-Libja b’sitt piloti abbord li kienu ġejjin biex jieħdu lura l-ajruplani Mirage F1, uli ma kellux permes s jinżel Malta. Fuqu kien hemm xi piloti Libjani, u l-Gvern Malti ma taħx permess jinżel fl-ajruport ta’ Malta. Iżda Gonzi ċaħad rapporti fil-midja li abbord l-ajruplan kien hemm it-tifla ta’ Gaddafi.

Wara li fil-bidu l-Gvern Malti kien żamm kawt fuq is-sitwazzjoni fil-Libja, nhar is-27 ta' Frar 2011 il-Prim Ministru Gonzi iddikjara li quddiem is-sitwazzjoni li qiegħda tiżviluppa fil-Libja, ma jistax ikun evitat aktar it-tmiem tat-tmexxija tal-Kurunell Gaddafi. Qal li jekk Gaddafi jibqa’ fil-poter, se jkun hemm aktar u aktar vjolenza fil-Libja. Iddikjara wkoll li Malta bdiet timplimenta s-sanzjonijiet li impona l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Hu kkundanna l-vjolenza u qal li din m’għandhiex iċċaħħad lill-poplu Libjan mill-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu. Qal li jidher li fis-sigħat li ġejjin is-sitwazzjoni se tkompli teskala u dan se jdaħħal lil Malta fi rwol ġdid, jiġifieri li tagħti l-għajnuna b’di­versi modi oħrajn u dan biex il-Libjani ma jkollhomx għalfejn jitilqu mil-Libja. Id-dikjarazzjoni ta' Gonzi saret wara li l-Ambaxxatur Malti fil-Libja, Joe Cassar kien fi triqtu lejn Malta abbord katamaran li telaq minn Tripli.

Nhar it-18 ta' Marzu filgħaxija Gonzi ta konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja li fiha qal li “l-prijorità assoluta tiegħi u tal-Gvern li mmexxi hi li nħarsu u niżguraw is-sigurtà tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna”. Rigward id-deċiżjonijiet li ttieħdu l-jum ta' qabel mill-Kunsill tas-Sigurtà li kienet awtorizzata żona bla titjir u miżuri oħra biex tkun imħarsa l-popolazzjoni ċivili, qal: “Din id-deċiżjoni torbot lil pajjiżna, kif torbot lill-pajjiżi kollha membri tal-Ġnus Magħquda... Aħna ser nosservaw l-obbligi tagħna bħala membri tal-Ġnus Magħquda. Imma nixtieq nagħmilha ċara li Malta mhix se tiġi wżata bħala bażi militari biex tiġi nfurzata n-no-fly zone.” Fakkar ukoll li f’dawk l-aħħar ġimgħat il-Gvern Malti għen biex jgħaddu minn Malta fi triqthom lejn pajjiżhom madwar 16,000 ħaddiem minn kważi mitt nazzjonalità differenti. Qal li sa dakinhar Malta ma kienet irċeviet ebda theddida mil-Gvern Libjan u li l-interess ewlieni ta’ Malta dejjem kien u se jibqa’ dak li tingħata l-għajnuna umanitarja neċessajra lill-poplu Libjan. Tard filgħaxija tal-istess jum il-Gvern Malti qal li kien qed jeżamina talba li saritlu mill-Gvern Libjan biex flimkien maċ-Ċina, it-Turkija u l-Ġermanja, jara li l-waqfien mill-ġlied iddikjarat mil-Libja stess ikun rispettat. Dan wara li erba’ sigħat qabel il-Gvern Malti kien ċaħad rapporti li dehru fil-midja internazzjonali li kienu jgħidu li kienet saret talba mill-Gvern Libjan “biex il-Gvern Malti jissorvelja u jimplimenta waqfien mill-ġlied”. Finalment il-Gvern Malti ddeċieda li ma jilqax it-talba tal-gvern Libjan.

L-irvell kontra Gaddafi tal-2011

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-17 ta' Frar 2011, issejħu protesti kbar (ispirati minn ġrajjiet simili fit-Tuneżija u l-Eġittu) fil-Libja kontra l-gvern ta' Gaddafi. Fil-ġimgħa ta' wara l-protesti kibru u saru iktar vjolenti. Allegatament Gaddafi ġab ħafna merċenarji minn pajjiżi Afrikani biex jiġġieldu lid-dimostranti. Hu stmat li f'ġimgħa 10,000 ruħ inqatlu fl-attakki li wettaq Gaddafi kontra l-poplu tiegħu stess. Nhar it-22 ta' Frar Gaddafi kellem lill-poplu Libjan fuq l-istazzjon nazzjonali televiżiv, u qal li mhux se jitlaq mill-poter: "Se niknes dar b'dar jekk m'intomx se tieq­fu tipprotestaw kontrija... Ma nitlaqx mill-poter… immut martri f'pajjiżi. Jien ma nistax nirreżenja għax jiem mhux President, iżda jien mexxej ta' Rivoluzzjoni u se nibqa' niddefendi din ir-rivoluzzjoni sal-aħħar." Waqt ħafna mid-diskors Gaddadi wera l-ponn u talab lil poplu biex jinżel fit-toroq u juru appoġġ lejh.

Madwar id-dinja kollha saru protesti kbar fejn eluf kbar ta' Libjani ħarġu jipp­rotestaw kontra l-ħakma ta' Gaddafi. L-Ambaxxata f'Lon­dra niżlet il-bandiera ħadra tar-rivo­luzzjoni u tellgħet il-bandiera tad-dimos­tranti li hija l-istess waħda li kien hemm qabel ma ħa l-poter Gaddafi. Fit-22 ta' Frar il-Ministru tal-Intern Abdel Fattaħ Junes al Abidi irreżenja minn kull kariga u mhux se jibqa' jagħti l-appoġġ tiegħu "lir-Rivoluzzjoni 17 ta' Frar". Huwa talab biex kull suldat u uffiċjal tal-armata jin­għaqdu mad-dimostranti biex b'hekk ma jibqgħux imutu aktar nies innoċenti u Gaddafi jitneħħa mill-poter.

Il-Ġnus Magħquda wkoll sejħet laqgħa b'urġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà li kkundanna dak kollu li kien qiegħed jiġri fil-Libja u li dawk kollha li qegħdin iwettqu dawn l-attakki għandhom jinżammu responsabbli u jit­ressqu quddiem il-ġustizzja. Il-Lega Għarbija keċċiet lil Libja minn membru b'mod immed­jat u f'każ li l-Istat ikompli joqtol aktar persuni innoċenti, il-Lega Għarbija kienet se tieħu aktar miżuri kontra r-reġim ta' Gaddafi.

Nhar is-17 ta' Marzu, il-Kunsill tas-Sigurtà approva intervent militari barrani biex jiġu protetti nies ċivili fil-Libja, iżda eskluda li xi forza barranija tokkupa l-pajjiż. Fil-jiem ta' qabel Gaddafi hedded li truppi tiegħu kienu se jidħlu bil-forza f’Benghazi matul il-lejl u ma kienu se juru l-ebda ħniena. Bir-riżoluzzjoni numru 1973 il-Kunsill tas-Sigurtà witta t-triq għal Żona ta’ Bla Titjir, għal attakki mill-arju fuq il-forzi tal-Gvern Libjan u li jittieħdu dawk il-miżuri kollha neċessarji biex jiġu protetti n-nies ċivili u żoni ċivili abitati li qegħdin jiġu attakkati mill-ajru. Għaxra mill-15-il membru tal-Kunsill ivvotaw favur ir-riżoluzzjoni filwaqt li l-ħamsa l-oħra (ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, il-Brażil u l-Indja) astjenew. Dakinhar il-President Amerikan Barack Obama kien qal li l-Istati Uniti se jieħdu sehem fil-missjoni biex jinżamm iż-żona bla titjir, imma li pajjiżu ma kienx se jibgħat suldati fit-territorju Libjan. Obama saħaq li l-waqfien mill-ġlied għandu jsir minnufih, u li l-Gvern Libjan għandu jieqaf milli jwettaq attakki militari kontra r-ribelli. Il-President Amerikan talab ukoll li jerġa' jagħti lura s-servizz tad-dawl u l-ilma. Obama qal ukoll li dawn il-kundizzjonijet ma kinux negozjabbli u jekk il-mexxej Libjan ma jimxix magħhom, il-komunità internazzjonali tkun kostretta tieħu passi.

Nhar id-19 ta' Marzu fis-5.45 p.m. (ħin ta' Malta) beda l-attakk fuq il-Libja meta ajruplani militari Franċiżi fetħu in-nar fuq tankijiet tal-Gvern ta’ Gaddafi. Dan seħħ ftit tas-sigħat biss wara li mexxejja ta’ pajjiżi tal-Punent u mexxejja Għarab iltaqgħu f’Pariġi biex jiftiehmu fuq pjan ta’ azzjoni li se jieħdu biex jieqfu lil Gaddafi. Tliet sigħat wara sar attakk permezz tal-missili ta' kroċiera minn vapuri navali Amerikani li ġew sparati lejn sistema bil-missili ta' difiża itegrata irranġati matul il-kosta Libjana, speċjalment fi Tripli. Issieħbu magħhom ajruplani tal-Forza tal-Ajru tar-Renju Unit.

Nhar is-27 ta' Ġunju, il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġitlu mandat ta' arrest għal delitti li huwa għamel kontra l-umanità u għalhekk jinsab imfittex.

Jitlef il-poter fi Tripli

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-23 t'Awwissu 2011 Gaddafi tilef il-kontroll ta' Tripli meta r-ribelli ħatfu l-kumpless tiegħu ta' Bab al-Għażiżija.

Nhar l-20 ta' Ottubru 2011 inqabad u nqatel il-Kurunell Muammar Gaddafi. Gaddafi kien mistoħbi f'katusi tad-drenaġġ u beda jgħajjat biex ma jisparawlux meta nstab minn ġellieda ribelli. Gaddafi nqabad fl-istess waqt li eks uffiċjali tar-reġim kienu qed jippruvaw jaħarbu minn Sirte. Eżatt malli ħarġet l-aħbar li din il-belt ġiet kompletament meħlusa mill-qawwiet ta' Gaddafi. Filwaqt li n-NATO attakkat dan il-konvoj mill-ajru, il-qawwiet tal-Kunsill Tranżitorju ikko-ordinaw ir-raid li wassal biex instab Gaddafi.Meta sabuh, Gaddafi kien diġa' midrub, kemm f'saqajh kif ukoll f'rasu. Imbagħad, u jingħad li sakemm ġie trasportat f'ambulanza lejn sptar fil-viċin, Gaddafi miet.

L-aħbar mal-ewwel ġriet mal-pajjiż kollu u wasslet għal ċelebrazzjonijiet kbar madwar il-Libja, inkluż fil-kapitali Tripli - ċelebrazzjonijiet mil-Libjani li sa 10 xhur ilu żgur ma kienux joħolmu li jwarrbu r-reġim ta' Gaddafi.

Ftit wara li ħarġet l-aħbar bdew joħorġu ukoll filmati li juru dak li qed jingħad li huwa l-katavru tal-eks Mexxej Libjan. Rapporti oħra bdew jgħidu li l-ġisem mejjet ta' Gaddafi ttieħed lejn Moskea f'Misurata. Muammar Gaddafi kien ilu ġranet sħaħ ma jidher fil-pubbliku. Hu kien esprima ruħu konvint li ried imut fil-Libja, u mhux jaħrab, fil-fatt hekk ġara.

Reazzjonijiet għall-Qtil ta' Gaddafi

[immodifika | immodifika s-sors]

Malli ħarġet din l-aħbar, kemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso kif ukoll is-Segretarju tal-Ġnus Magħquda Ban Ki-Moon qalu li dan il-jum ifisser it-tmiem ta' era ta' ripressjoni fuq il-poplu Libjan, u l-bidu ta' Libja ġdida mibnija fuq id-demokrazija.

Il-Priministru Ingliz David Cameron qal li l-mewt ta' Gaddafi hija konferma li l-Libja tista' issa tibni l-futur demokratiku tagħha. L-istess sostna l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż Alain Juppe.

Il-President Amerikan Barack Obama qal li l-mewt ta' Gaddafi immarkat it-tmiem ta' kapitlu twil u ta' uġigħ għall-poplu tal-Libja. Huwa kompla jgħid li r-reġim ta' Gaddafi wasal fit-tmiem. Obama saħaq l-impenn tal-Istati Uniti mal-Kunsill Tranżitorju

F'dikjarazzjoni konġunta bejn il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso dwar l-aħbar tal-mewt ta' Muammar Gaddafi, huma rrimarkaw li ġiet fi tmiemha era ta' despotizmu u ripressjoni li minnha l-poplu Libjan sofra għal żmien twil wisq. Illum il-Libja tista' taqleb il-paġna fl-istorja tagħha u tilqa' futur paċifiku, demokratiku ġdid. Iż-żewġ presidenti Ewropej għamlu sejħa lill-Kunsill Transitorju Nazzjonali biex isegwi rikonċiljazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa, fi proċess li jilħaq lil kulħadd u li jippermetti tranżizzjoni demokratika, paċifika u trasparenti fil-pajjiż.

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ħajja personali tiegħu Gaddafi kien persuna eċċentrika. Is-sigurta` tiegħu kienet fdata f’idejn bodyguards nisa u kien dipendenti fuq infermiera Ukrena. Gaddafi iżżewweġ darbtejn. L-ewwel mara tiegħu, Fatiha, iddivorzjaha wara sitt xhur biss. Wara, kien iżżewweg lil Safia. Kellu b’kollox disat itfal, għalkemm wieħed minnhom hu addottat. It-tfal tiegħu kienu Muhammad, Saif al-Islam, Saadi, Mutassim, Hannibal, Saif al-Arab, Khamis, li kien inqatel f'attakk mill-ajru, Aisha u Milad li huwa adottat.