Aqbeż għall-kontentut

Ġużeppi Moscati

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġużeppi Moscati
Twelid 25 ta' Lulju 1880
Benevento
Mewt 12 ta' April 1927
Napli
Beatifikazzjoni 16 ta' Novembru 1975, Bażilika ta' San Pietru minn Papa Pawlu VI
Kanonizzazzjoni 25 ta' Ottubru 1987, Bażilika ta' San Pietru minn Papa Ġwanni Pawlu II
L-ikbar santwarju Knisja ta' Gesù Nuovo, Napoli
Festa 12 ta' April
Attributi Tabib tal-foqra[1]

San Giuseppe Moscati (25 ta' Lulju, 1880 – 12 ta' April, 1927) kien tabib Taljan, riċerkatur xjentifiku, professur universitarju magħruf bħala pijunier fil-qasam biokimiku u għall-qdusija tiegħu. Moscati kien iddikjarat qaddis mill-Knisja Kattolika fl-1987; it-tifkira tiegħu ssir fis-16 ta' Novembru.[2]

Tfulija u Studju

[immodifika | immodifika s-sors]

Moscati kien is-seba' minn disat ulied ta' familja nobbli minn Benevento li kienet ġejja mir-raħal ta' Santa Lucia f'Serino, qrib Avellino. Missieru, Francesco, kien magħruf bħala avukat u maġistrat u ommu, Rosa De Luca dei Marchesi di Roseto, kellha demm nobbli.[3]

Meta kellu erba' snin Moscati mar ma' familtu jgħix Napli fejn kellu jqatta' l-biċċa kbira ta' ħajtu. Kienu jqattgħu s-sjuf f'Avellino, u Giuseppe kien jara lil missieru jagħmel is-servizz ta' abbati fil-knisja tal-lokal meta kienu jmorru għall-quddiesa.

Meta kellu għaxar snin familtu ltaqgħet ma' Bartolo Longo u qattgħu xi żmien fid-dar ta' Caterina Volpicelli, li iktar tard kellha ssir direttriċi spiritwali tiegħu.

Fl-1889, Moscati daħal fil-Liceo Vittorio Emmanuele ta' Napli, fejn fost il-professuri tiegħu kellu l-vulkanoloġista Giuseppe Mercalli. Fl-1892 ħuh, Alberto, kellu trawma inkurabbli f'rasu wara li waqa' miż-żiemel waqt is-servizz militari. Il-kura li rċieva ħuh id-dar qanqlet fih ix-xewqa li jistudja l-mediċina kif fil-fatt għamel meta spiċċa mil-Liċeo fl-1897; l-istess sena li fiha miet missieru. Huwa sar tabib fl-1903, bit-teżi tad-dottorat tkun fuq l-uroġenesi epatika.

Karriera medika

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-ewwel ingħaqad mal-Ospedali Riuniti degli Incurabili, u ma damx ma sar l-amministratur tiegħu. F'dan iż-żmien kompla ukoll jistudja u jirriċerka. Fit-8 ta' April 1906 żbroffa l-Vesuvju. Wieħed mill-isptarijiet taħt idejh kien f'Torre del Greco, ftit mili 'l bogħod mill-bokka tal-vulkan. Ħafna mill-pazjenti kienu xjuħ u paralitiċi. Moscati irnexxielu joħroġhom kolha qabel ma waqa' s-saqaf. Meta fl-1911 faqqgħet il-kolera f'Napli, huwa rriċerka l-oriġini tal-marda u l-aħjar mod kif tinqered, u l-awtoritajiet ċivili implimentaw is-suġġerimenti tiegħu. Fl-1911 ukoll, Moscati sar membru tal-Akkademja Irjali tal-Kirurġija, u ħa d-dottorat fil-kimika fiżjoloġika.

Kien responsabbli ukoll mill-Istitut tal-Patoloġija Anatomika. Fis-sala tal-awtopsji tal-Istitut, huwa qiegħed kurċifiss u taħtu l-kwotazzjoni mill-Ktieb ta' Ħosegħa, Kapitlu 13, vers 14: Ero mors tua, o mors (Jiena nkun il-mewt tiegħek, ja Mewt). Ommu mietet bid-dijabete fl-1914; u Moscati sar wieħed mill-ewwel tobba li esperimenta bl-insulina fil-kura ta' din il-marda.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija l-isptar tiegħu ttieħed mill-militar u hu nnifsu kien jgħin madwar 3,000 suldat ferut. Fl-1919, sar direttur ta' skola u tliet snin wara ngħata libera docenza fil-mediċina klinika, li biha seta' jgħallem f'istituti ta' mediċina għolja.

Qabar ta' Ġużeppi Moscati knisja Gesù Nuovo.

12 ta' April 1927 wara li jattendu l-quddiesa u rċeviet tqarbin fil-knisja ta' San Giacomo degli Spagnoli u ħadem bħas-soltu ħidma tiegħu fl-isptar u fl-istudju privata tiegħu, madwar 15 sar ħażin, u miet fl-president tiegħu . Kien 46 sena u 8 xhur.

Moscati kien ħa l-vot tal-kastità u kien jipprattika l-karità fil-ħajja tiegħu ta' kuljum. Ħidmietu kien jara bħala missjoni biex itaffi t-tbatija mhux biex jagħmel il-flus. Kuljum kien iqatta' ħin fit-talb u jieħu sehem fil-quddiesa. Il-fidi tal-pazjent u s-sagramenti kienu jagħmlu parti mill-fejqan tiegħu. Moscati ma kienx iżomm flus lill-pazjenti foqra anzi kien jagħtihom hu l-flus. Ħafna jsostnu li kien iwettaq fejqan mirakoluż, f'każijiet impossibbli.

Kien ibbeatifikat fis-16 ta' Novembru 1975 minn Papa Pawlu VI, u ddikjarat qaddis tnax -il sena wara minn Papa Ġwanni Pawlu II fis-25 ta' Ottubru 1987.

Moscati u Mintoff

[immodifika | immodifika s-sors]

Patri Dijonisju jirrakkonta fatt marbut ma' ħuh, il-Priministru Duminku Mintoff. Jgħid li meta Mintoff ingħata wkoll borża ta' studju mill-Fondazzjoni Sir Cecil Rhodes u pproċeda f'Hartford College, fl-Università ta' Oxford, fil-vjaġġ tiegħu għamel waqfa f'Napli u hemm irċieva telegramma li biex jidħol fl-università ta' Oxford ried ikollu ċertifikat li jikkonferma li kien b'saħħtu u għalhekk mar ifittex tabib. Sab lit-tabib Giuseppe Moscati (li kien ġie ddikjarat qaddis) li wara li għamillu ċ-ċertifikat ma ħadlux flus u minflok qallu, "Mur u agħmel il-ġid."

  1. ^ Antonio Tripodoro, Giuseppe Moscati: il medico dei poveri, Edizioni Paoline, 2004 - ISBN 88-315-2713-4
  2. ^ Beatrice Immediata, Giuseppe Moscati un uomo un medico un santo, Paoline Editoriale Libri, 2008 - ISBN 88-315-3421-1
  3. ^ Ercolano Marini Il prof. Giuseppe Moscati della Regia Università di Napoli, F. Giannini e Figli, Napoli 1930 pag.11

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]