Għawdex (stat indipendenti)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
In-Nazzjon Għawdxi
La Nazione Gozitana
1798-1801
Location Gozo Malta.svg Mappa ta' Għawdex
Kapitali Rabat
Lingwi Taljan
Malti
Gvern Proviżjonali
Re: Ferdinand III
Gvernatur-Ġenerali:
Saverio Cassar
Munita Skud Malti
Preċedut minn Flag of France.svg Okkupazzjoni Franċiża ta' Malta
28 ta' Ottubru 1798
Suċċedut minn Flag of Great Britain (1707–1800).svg Protettorat ta' Malta
20 ta' Awissu 1801

Il-gżira ta Għawdex, kienet stat indipendenti għal kważi tliet snin bejn l-1798 u l-1801, waqt il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. F'dan iż-żmien, Għawdex kienet magħrufa bħala La Nazione Gozitana bit-Taljan.

Sa Ġunju 1798, il-gżejjer Maltin kienu għadhom maħkuma mill-Ordni ta' San Ġwann. Meta Napuljun keċċihom, il-Franċiżi ħadu kontroll ta' Malta u anke Għawdex, speċifikament iċ-Ċittadella u l-Forti Chambray.

Fit-2 ta' Settembru 1798, il-Maltin irribellaw kontra l-Franċiżi fl-Imdina, u l-Għawdxin għamlu l-istess fit-3 ta' Settembru. L-arċipriet u kappillan tar-Rabat, Saverio Cassar, kien magħżul bħala l-mexxej tal-irvell fit-18 ta' Settembru. Il-kwartieri ġenerali tar-ribelli ġiet stabbilita fil-Banka Ġuratali (illum is-sede tal-Kunsill Lokali tar-Rabat). Cassar organizza d-dejma u ġabar il-flus biex iħallas it-truppi taħt il-kmand tiegħu. Nies li ġew suspettati li kienu favur il-Franċiżi ġew arrestati.

Eventwalment, Alexander Ball irnexxielu jinnegozja mal-217 suldat Franċiż li kien hemm ġoċ-Ċittadella, u dawn ċedew mingħajr ġlieda fit-28 ta' Ottubru. Il-Franċiżi ċedew il-gżira u l-fortifikazzjonijiet, 24 kanun, kwantità kbira ta' munizzjon u 3,200 xkejjer ta' dqiq lill-Ingliżi.

Jum wara, l-Ingliżi taw kontroll taċ-Ċittadella u l-kumplament tal-gżira lill-Għawdxin. Il-poplu ddikjara lil Ferdinand III ta' Sqallija bħala re, u twaqqaf gvern proviżorju mmexxi minn Saverio Cassar li kien maħtur bħala Gvernatur-Ġenerali. Dan il-gvern kien jinkludi diversi rappreżentanti Maltin u Ingliżi, u l-ewwel azzjoni tagħhom kien li jiddistribwixxu l-provvisti ta' ikel lis-16,000 persuna li kienu jgħixu fil-gżira.

Cassar talab ukoll li Għawdex isir djoċesi separata. Id-Djoċesi ta' Għawdex eventwalment inħalqet fit-22 ta' Settembru, 1864, 65 sena wara l-petizzjoni ta' Cassar. Matul iż-żmien li Għawdex kien indipendenti, Cassar organiżża l-amministrazzjoni, fetaħ il-qrati u ġew eletti ġurati ġodda, u anke fetaħ dar tad-dwana.

Eventwalment, il-Franċiżi fil-Belt Valletta ċedew f'Settembru 1800, u Malta saret protettorat tal-Gran Brittanja. Cassar kompla jmexxi l-gżira Għawdxija sal-20 t'Awissu 1801, meta l-Kummissarju Ċivili ta' Malta, Charles Cameron, neħħieh mill-kariga tiegħu u poġġa lil Emmanuele Vitale minfloku.

Cassar miet fis-16 ta' Diċembru 1805, fl-età ta' 58 sena.