Gżejjer ta' San Pawl

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-gżira/gżejjer ta' Selmunett

Il-Gżejjer ta' San Pawl, magħrufa wkoll bħala Selmunett hija gżira mdaqqsa li tinsab viċin il-gżira ta' Selmun, lejn il-grigal tal-gżira amministrattiva ta' Malta. Kultant, il-gżira ta' San Pawl hija diviża f'żewġ gżejjer meta l-baħar ikun qawwi. Il-gżira ilha diżabitata minn mindu l-uniku bidwi abbanduna l-abitazzjoni u l-għelieqi tiegħu snin ilu, u għalhekk wieħed jasal għall-konklużjoni li din kienet u għadha l-ikbar gżira fit-territorju Malti li għadha diżabitata.

Il-Gżejjer ta' San Pawl

In-Nawfraġju ta' San Pawl[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sena 60 WK, il-gvernatur Ruman tal-Palestina Porcius Festus ħalla lil San Pawl (Pawlu minn Tarsu) imur minn Ċesarea Marittima sa Ruma biex jidher quddiem l-Imperatur Neruni akkużat b'ereżija. Għalhekk ittieħed fuq xini, flimkien ma' nies oħrajn, li kienu jinkludu lil ħbiebu San Luqa u Aristarku. Kif telgħu fuq ix-xini, it-temp kien diġà qaleb għall-ħazin u kulħadd beda jibża', però San Pawl serraħ moħħ kulħadd billi qalilhom, "Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. Għalhekk għamlu l-qalb u trejqu b'xi ħaġa tal-ikel, u jwetikom f'saħħithom, għax ħadd minnkom mhu se jitlef xagħra waħda minn rasu". Hu beda jiekol biex ikun eżempju għall-oħrajn.

U hekk ġara - meta ġew qrib ħafna lejn l-art, xi wħud qabżu ġol-ilma, u oħrajn żammew ma' biċċiet ta' injam mix-xini u għamu sal-art, "Meta ħlisna mill-għarqa," jgħidu l-Atti tal-Appostli "sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bil-ħlewwa liema bħalha." Ħadd ma kien miet u l-276 passiġġier kollha salvaw.

Il-Gżejjer ta' San Pawl huma l-post fejn probabbilment seħħ in-nawfraġju tax-xini imma xi nies ma jaqblux ma' dan. Din il-ġrajja titfakkar fl-10 ta' Frar, li hija festa pubblika fil-Gżejjer Maltin, fil-parroċċa ta' San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]