Kemmuna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Il-baħar ċelesti tal-lagu l-blu

Kemmuna hija gżira li tifforma parti mill-arċipelagu Malti bejn il-gżejjer ta' Malta u Għawdex fil-Baħar Mediterran, fejn tkopri żona ta' 1.35 mili kwadru. Imsemmija wara Cuminum cyminum, li kienet tip ta' ħaxixa li kienet tinbet fuq din il-gżira, Kemmuna hija popolari għat-trankwillità li toffri. Għandha popolazzjoni permanenti ta' erba' residenti biss. Qassis u pulizija jservu lil din il-gżira minn Għawdex, biex jagħtu s-servizz tagħhom lill-popolazzjoni lokali u lill-viżitaturi sajfin. Din l-gżira zgħira hija parti ntrinsika mil-lokalita' ta' Għajnsielem, f'Għawdex.

Kemmunett hija gżira inabitata li tinsab fir-reġjun tal-Mediterran, u tagħmel parti mill-kosta tat-tramuntana ta' Malta. Din il-gżira ċkejkna tkopri żona ta' 0.25 kilometru kwadru u tinsab xi 100 metru lejn il-majjistral 'il bogħod minn Kemmuna. Bejn Kemmuna u Kemmunett wieħed jista' jsib il-baħar ċar u trasparenti tal-lagu l-blu, dan ir-reġjun tant maħbub mit-turist huwa konoxxut permezz tat-terminoloġija "Bejn il-Kmiemen". Bosta kienu dawk li ħadu xi ritratt tal-lagu l-blu, il-post speċjali fejn irnexxielha tisboq in-natura li biha huma mogħnijin il-gżejjer Maltin. Bajja pittoreska li tikkonsisti minn bażi ta' ramel bajdani u li hija sinjura bil-ħajja akwatika, tant apprezzata mill-għaddasa u mill-għawwiema. Bajjiet oħrajn fuq il-gżira ta' Kemmuna jinkludu r-ramla ta' Santa Marija u l-bajja ta' San Niklaw.

Ambjent[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gżira ta' Kemmuna għandha pajsaġġ karst jisostjieni makkja b'arbuxxelli sklerofilli. Riċentament saret afforestazzjoni limitata bis-siġar tal-arżnu. L-Għeriem tar-ramel fil-bajja ta' Santa Marija fihom parti mill-veġitazzjoni nattiva tal-gżira, inklużi hemm is-siġar tal-Vitex u tat-Tamarisk. Il-gżira ġiet identifikata bħala żona importanti għall-għasafar mill-għaqda internazzjonali ta' Bird Life, dan għaliex fuqha hemm bejn 50 sa 80 par ta' Garni li jbejtu fuq din il-gżira.


Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa magħruf li Kemmuna kienet abitata mill-bdiewa matul il-perjodu Ruman, imma qatt ma kellha popolazzjoni li setgħet issejħilha tagħha ghax il-gżira kienet meqjusa bħala proprjetà privata jonkella għax ġiet abbandunata għal kollox. Il-kosta ta' din il-gżira hija mogħnija bl-isbaħ irdum tal-franka u hija miżgħuda b'għerien fondi li kienu popolari mal-pirati u mal-ħallelin tal-baħar, li kienu jduru madwar il-Mediterran fi żmien il-Medju-Evu. L-għerien u l-ħofor ta' Kemmuna kienu użati ta' sikwit bħala bażijiet naturali minn fejn wieħed ikun jista' jattakka lil dawk id-dgħajjes li kellhom il-ħsieb jaqsmu l-fliegu ta' bejn Malta u Għawdex sabiex ikunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni mixtieqa. Iktar tard, il-kavallieri ta' Malta bdew jagħmlu użu importanti minn Kemmuna, u għalhekk innominawha l-gżira tal-kaċċa u tar-rikreazzjoni. Il-kavallieri kienu protettivi ħafna f'dak kollu li kien jirrigwarda l-kaċċa fuq din il-gżira, dan għaliex fuqha kienu jabitaw ċerti speċi bħall-majjal salvaġġ u l-fenek tal-Grixti. Ħadd ħlief il-kavallieri ma kellu l-permess li jikkaċċja fuq Kemmuna, u għalhekk kull min kien imur kontra din il-liġi kien jispiċċa jeħel piena pjuttost twila ta' tliet snin skjav, jaħdem xogħol iebes fil-kċina tax-xini tal-iskjavi.

Fis-sekli 16 u 17 Kemmuna serviet bħala post ta' priġunerija jew ta' eżilju għall-kavallieri messaġġiera. Dawk il-kavallieri li kienu jinstabu ħatja li wettqu xi att kriminali ta' gravità minuri kienu jiġu ssentenzjati jagħmlu l-kompitu solitarju u perikoluż, dak li jintrama t-torri ta' Santa Marija. Fil-passat kif ukoll fis-seklu 20, meta l-ibħra kienu jkunu mqallba żżejjed sabiex il-patri Għawdxi jkun jista' jaqsam il-fliegu sa Kemmuna għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, il-komunità lokali kienet tinġemgħa fuq il-blat f'dik il-parti tal-gżira meqjuma bħala 'tal-Ħamra', fejn joqogħdu jħarsu 'il bogħod lejn il-baħar mezzan li jifred il-gżejjer sakemm jilmħu l-kappella tal-madonna tal-blat, f'Ħondoq ir-Rummien, Għawdex, il-post fejn tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Huma kienu jsegwu l-progressjoni tal-quddiesa sat-tmiem.

F'Marzu tal-1889, il-vapur tal-battalja Ingliż HMS Sultan kien ħabat ma blata mhux immarkata fuq il-mappa fil-baħar ta' Kemmuna, kollużjoni li ċartet qiegħ il-vapur. Il-vapur beda jegħreq bilmod u żelaq minn fuq il-blata u għereq fl-14 ta' Marzu tal-1889. Il-kumpanija Taljana Baghino & Co rnexxielha ttella' 'l vapur minn qiegħ il-baħar f'Awwissu tal-1889 marbut bi ħlas ta' £50,000. Is-Sultan inġieb lura Malta fis-27 ta' Awwissu.

It-Torri Prominenti ta' Santa Marija fuq Kemmuna

It-Torri ta' Santa Marija[immodifika | immodifika s-sors]

It-Torri ta' Santa Marija huwa l-iktar bini prominenti li jinsab fuq il-gżira ta' Kemmuna. L-isfond tipiku ta' dan it-torri jmur lura għall-1416, fiż-żmien meta l-Maltin ddeċidew li kellhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom permezz ta' petizzjoni li tappoġġja l-kostruzzjoni ta' torri fuq Kemmuna, intenzjonat sabiex iservi ta' sistema ta' twissija bikrija filkaż ta' xi invażjoni li tista' taħbat għall-gżejjer Maltin, u biex ikun ta' skoraġġjament għat-Torok, għall-pirati, għall-ħallelin u għal kursara bil-ħsieb li jużaw 'il Kemmuna bħala moħba jew bħala post ta' waqfien minn xi vjaġġ twil. Sentejn wara, ir-re Alfonsu V ta' Aragona kien eleva taxxa speċjali fuq l-inbid importat sabiex jinġabru l-fondi neċessarji għal dan il-proġett, però dan l-involviment ma ssodisfax ix-xewqa tant mixtieqa tal-poplu Malti għax il-flus kienu qegħdin imorru fit-teżor tar-re minflok ma bdew jintefqu għad-difiża ta' Kemmuna. Għalhekk il-gżira ċkejkna ta' Kemmuna baqgħet nieqsa mid-difiża għal mitejn sena oħra.

It-torri ta' Santa Marija nbena fi żmien il-kavallieri ta' San Ġwann, taħt l-ordni tal-Gran mastru Wignacourt. It-torri jinsab mibni bejn wieħed u ieħor fiċ-ċentru tal-kosta tan-nofsinhar tal-gżira. It-torri kien jifforma parti mill-katina tat-torrijiet difensivi--It-torrijiet ta' Wignacourt, Lascaris, u De Redin ippożizzjonati f'postijiet vantaġġjużi madwar il-kosta tal-gżejjer Maltin u għen fit-titjib tal-komunikazzjonijiet bejn iż-żewġt igżejjer prinċipali ta' Malta u Għawdex. It-torri ta' Santa Marija huwa kbir, b'forma kwadra u għandu erba' turretti f'kull kantuniera. It-torri jinsab xi 80 metru (262 Pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u huwa madwar 12-il metru għoli, b'ħitan li huma bejn wieħed u ieħor 6 metri wesgħin. It-torri huwa elevat fuq pjattaforma u fuq bażi kwadra li huma ta' xi 8 metri għoli.

Matul l-imblokk Franċiż (1798-1800) it-torri ta' Santa Marija serva ta' priġunerija għall-ispiji ssuspettati. Fl-1829, il-militar Brittaniku kien abbanduna 'l dan is-sit. Għall-bosta diċenji, dan it-torri strateġiku kien meqjus bħala l-proprjetà tal-awtoritajiet ċivili u lokali, u jista' jkun li kien qed jiġi użat bħala sptar ta' iżolazzjoni jonkella bħala maqjel għall-annimali tal-għalqa, kenn mill-kefrija tal-istaġun kiesaħ tax-xitwa. It-torri ta' Santa Marija reġa' beda jintuża b'mod regolari matul iż-żewġ gwerer dinjija. It-torri kien meqjus bħala l-proprjetà tal-forzi armati ta' Malta mill-1982. Illum, dan it-torri jservi l-irwol ta' għassies kontra l-kuntrabandu u l-kaċċa illegali tal-għasafar, li jkollhom bżonn ipassu minn fuq il-baħar.

It-torri ta' Santa Marija għadda minn restawr estensiv bejn l-2002 u l-2004. Illum, jibqa' konoxxut bħala l-iktar struttura notevoli fuq il-gżira mezzana ta' Kemmuna, u jservi ta' destinazzjoni għat-turisti li jabitaw il-gżira temporanjament sabiex jiskopru l-maġija moħbija li toffri din il-gżira hekk maqtugħa minn ġensha, fil-kwiet fl-imħabba mal-baħar li jdawwarha.

Folklor[immodifika | immodifika s-sors]

Skont il-Folklor Malti, xi drabi eremita mistiku li jismu Kerrew jaqsam il-fliegu ta' bejn Malta u Kemmuna fuq il-mantell tiegħu bl-iskuża li għandu bżonn jiltaqa' mal-kabbalist magħruf, Abulafja (Abraham ben Samwel Abulafja li twieled Saragozza fl-1240 u skont it-tradizzjpni miet Kemmuna).

L-industrija tal-films[immodifika | immodifika s-sors]

Kemmuna hija lokazzjoni popolari għall-produtturi tal-films. Din il-gżira tidher f'films bħal: Troy, The count of Monte Cristo u fi Swept Away. It-torri tant prominenti ta' Santa Marija fuq Kemmuna deher fil-film The count of Monte Cristo, fejn irdoppjat bħala x-Château d'If.