Aqbeż għall-kontentut

Ipoġew ta' Ħal Saflieni

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Ipoġew ta’ Ħal Saflieni)
Ipoġew ta' Ħal Saflieni
Ritratt tal-Ipoġew li ttieħed minn Richard Ellis
Ismijiet alternattivi Ipoġew Preistoriku ta' Ħal Saflieni (isem uffiċjali) jew Ipoġew
Post Ħal Saflieni, Malta (qrib Raħal Ġdid)
Koordinati 35°52′10.5″N 14°30′24.5″E
Erja 500m2
Storja
Materjal Franka
Stabbilit xi 4000 Q.K. (l-iktar fdalijiet bikrin)
Abbandunat xi 2500 Q.K.
Perjodu Preistoriku il-fażi ta' Ħal Saflieni
Noti dwar is-sit
Dati tal-iskavi 1903-1908, 1990-1993
Arkeologi Manuel MagriTemi Zammit
Kundizzjoni Preservat u rrestawrat l-aħħar fl-2017
Sjieda Gvern ta' Malta
Ġestjoni Heritage Malta[1]
Aċċess pubbliku Iva (limitat)
Sit Web Heritage Malta
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO
Isem uffiċjali “Ħal Saflieni Hypogeum” (Ipoġew ta' Ħal Saflieni)
Tip Kulturali
Kriterju iii
Deżinjazzjoni 1980 (ir-raba' sessjoni)
Nru ta' Referenza 130
Reġjun L-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq

L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni huwa struttura Neoltika taħt l-art li tmur lura għal żmien magħruf bħala l-fażi ta' Ħal Saflieni, jiġifieri 3300 – 3000 Q.K., fil-preistorja Maltija, u jinsab proprju f'Ħal Saflieni, qrib Raħal Ġdid. Sikwit huwa magħruf sempliċement bħala l-Ipoġew (jew Hypogeum bl-Ingliż), li litteralment huwa terminu li ġej mill-Grieg li jfisser ‘taħt l-art'. Jingħad li l-Ipoġew kien jintuża bħala santwarju u bħala nekropoli. L-arkeologi ddokumentaw il-fdalijiet ta' xi 7,000 persuni.[2] L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni jitqies bħala fost l-aqwa eżempji ppreservati tal-kultura tal-bini tat-tempji fil-Gżejjer Maltin li pproduċiet ukoll it-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex u ċ-Ċirku tax-Xagħra.

L-Ipoġew ġie skopert b'kumbinazzjoni fl-1902 waqt li xi ħaddiema li kienu qed iwettqu xi xogħlijiet biex jgħaddu l-ilma għal proġett ta' żvilupp residenzjali ġdid, laqtu s-saqaf tas-sit.[3][4] Għall-ewwel, il-ħaddiema ppruvaw jaħbu t-tempju, iżda eventwalment instab. L-istudju tal-istruttura twettaq l-ewwel minn Manuel Magri, li minn Novembru 1903 iddirieġa l-iskavi f'isem il-Kumitat tal-Mużewijiet.[5] Matul l-iskavi, parti mill-kontenuti tal-Ipoġew, inkluż fdalijiet tad-dfin u fdalijiet umani, ġew żvujtati u skartati mingħajr ma ġew katalogati kif suppost.[6] Biex tkompli tgħaxxaq, Magri miet fl-1907 waqt li kien qed jagħmel xogħol tal-missjoni fit-Tuneżija u r-rapport tiegħu dwar l-Ipoġew intilef.[3]

L-iskavi tkomplew taħt ir-responsabbiltà ta' Sir Temi Zammit, li pprova jagħmel ħiltu biex ikompli fejn ħalla l-predeċessur tiegħu.[6] Zammit beda jippubblika sensiela ta' rapporti fl-1910 u kompli jiskava sal-1911. Id-differenza ewlenija fl-iskavi tiegħu kienet li minflok jiskarta l-materjal, iddepożita l-materjal u s-sejbiet tiegħu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, fil-Belt Valletta.[7] L-Ipoġew infetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba fl-1908, waqt li l-iskavi kienu għadhom għaddejjin.[8]

L-erbat idjar li kienu nbnew fuq is-sit tal-Ipoġew ġew demoliti u minflok inbena mużew.[9] L-ewwel tentattivi reali ta' preservazzjoni tas-sit bdew fl-1991 meta s-sit ingħalaq għal għaxar snin. Fl-2011, ġie mniedi programm iktar intensiv ta' monitoraġġ tad-deterjorament tas-sit. Bejn Awwissu 2015 u Mejju 2017, is-sit reġa' ngħalaq biex jitwettaq proġett ta' konservazzjoni u biex jinbena perkors għall-viżitaturi b'sistema ta' ġestjoni ambjentali.[10][11]

Mappa tas-sit tal-Ipoġew li saret f'Ottubru 1907

Xi skavi arkeoloġiċi li saru iktar 'il quddiem jindikaw li xi darba l-Ipoġew kellu xi għamla ta' santwarju jew niċċa oħra fil-wiċċ (fejn issa hemm il-mużew) li kienet taqdi l-funzjoni ta' daħla għall-Ipoġew. Għalkemm ma fadal kważi xejn minn din l-istruttura tal-wiċċ, x'aktarx li bis-saħħa tal-qerda tagħha stess, l-istruttura ta' taħt l-art intesiet u baqgħet moħbija għal eluf ta' snin. L-istruttura ta' taħt l-art jaf oriġinat minn għar naturali, li tkabbar maż-żmien permezz tat-tħaffir direttament fil-blat b'għodod primittivi, bħal qrejjen tal-annimali, żnied, chert (blata sedimentarja magħmula kważi għalkollox mis-siliċe) u ossidjana.[12] Il-kompartimenti jew kmamar mortwarji fil-livell ta' fuq tal-Ipoġew imorru lura għall-fażijiet bikrin tal-Perjodu tat-Tempji Megalitiċi Maltin, filwaqt li l-kompartimenti mortwarji ta' taħt tħaffru wara. Is-sit jaf diġà kien jintuża fis-sena 4000 Q.K., u x'aktarx baqa' jintuża sa madwar is-sena 2500 Q.K., abbażi tal-analiżi tal-kampjuni tal-fdalijiet tal-fuħħar u abbażi tal-eżaminar tal-fdalijiet umani.[3]

Il-Mara r-Rieqda, figurina tat-tafal mill-Ipoġew, li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta

L-Ipoġew donnu wkoll struttura ta' tempju li tuża bir-reqqa d-direzzjoni tad-dawl mill-wiċċ biex jiddawlu l-kompartimenti ta' taħt. Fih disinni mpinġija bl-okra ħamra b'ħila u b'sengħa liema bħalha fuq partijiet mis-saqaf, flimkien mat-tinqix ta' tikek, spirali u għamliet qishom ta' xehda. Milli jidher, wieħed mill-kompartimenti ewlenin, meqjus bħala l-iktar post sagru (imsejjaħ Sanctum Sanctorum bil-Latin jew Holy of Holies bl-Ingliż), huwa orjentat b'tali mod li d-dawl mis-solstizju tax-xitwa jdawwal il-faċċata tiegħu mid-daħla oriġinali tal-wiċċ.[13]

Niċċa ta' riżonanza mħaffra fil-kompartiment tan-nofs, imsejħa l-Kamra tal-Oraklu, x'aktarx kienet iddisinjata biex tipproġetta l-kant jew il-ħoss tat-tnabar fil-bqija tal-Ipoġew.[14][15]

Firxa wiesgħa ta' oġġetti nstabu mis-sit, inkluż kontenituri tal-fuħħar b'dekorazzjoni kkumplikata, żibeġ tal-ġebel u tat-tafal, buttuni tal-qxur tal-frott tal-baħar, amuleti, fdalijiet ta' mnanar, u figurini mnaqqxin b'għamla ta' bnedmin u ta' annimali.[3][12] L-iktar skoperta notevoli kienet dik tal-Mara r-Rieqda, figurina tat-tafal li jingħad li tirrappreżenta alla materna jew tal-fertilità u li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-figurini għandhom stil li jvarja mill-astratt għar-realistiku, b'diversi temi li jingħad li huma marbuta mal-venerazzjoni tal-mejtin u mat-trasformazzjoni spiritwali. Hemm ukoll diversi tekniki artistiċi kumplessi li huma rrappreżentati, bħal fil-każ ta' skutella unika kbira tal-fuħħar li fiha temi naturalistiċi kif ukoll stilizzati. Fuq naħa tagħha hemm aspett realistiku b'annimali bovini, ħnieżer u mogħoż, u fuq in-naħa l-oħra hemm tjur moħbija f'aspett iktar astratt b'disinni ġeometriċi kumplessi.[2]

Wieħed mill-kompartimenti tal-Ipoġew imħaffer fil-franka

Fl-Ipoġew instabu l-fdalijiet ta' xi 7,000 individwu, u għalkemm ħafna mill-għadam kienu ntilfu fl-ewwel skavi, il-biċċa l-kbira tal-kranji ġew depożitati fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Persentaġġ żgħir mill-kranji għandhom elongazzjoni kranika abnormali, li tixbah dik tal-kranji tal-qassisin tal-Eġittu Antik, u dan qanqal spekulazzjoni dwar in-nies li bnew l-Ipoġew, il-prattiki tagħhom u t-twemmin tagħhom.[16][17]

Bejn l-1990 u l-1993 saru skavi ulterjuri minn Anthony Pace, Nathaniel Cutajar u Reuben Grima. Imbagħad, l-Ipoġew ingħalaq għall-pubbliku bejn l-1991 u s-sena 2000 sabiex jitwettqu x-xogħlijiet tar-restawr. Minn mindu s-sit reġa' nfetaħ s'issa, Heritage Malta (il-korp governattiv li jieħu ħsieb is-siti storiċi fil-Gżejjer Maltin) tippermetti li jidħlu mhux iktar minn 80 persuna kuljum, filwaqt li l-mikroklima tas-sit saret tiġi rregolata b'mod rigoruż ħafna.[18][19] Ir-riċerka xjentifika fl-Ipoġew hija kontinwa, u fl-2014, tim internazzjonali ta' xjentisti żar is-sit biex jistudja l-akustika tiegħu.[20]

L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni nbena kważi kollu taħt l-art u fih tliet livelli superimposti mħaffrin fil-franka ratba, b'kurituri u b'kompartimenti interkonnessi permezz ta' labirint ta' taraġ, għatbiet, niċeċ u bibien. Il-livell ta' fuq x'aktarx li nbena u ntuża l-ewwel, u mbagħad il-livelli tan-nofs u ta' taħt ġew imħaffra wara. Uħud mill-kompartimenti tan-nofs għandhom karatteristiċi stilistiċi simili għal dawk tat-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex.[12]

Il-livell ta' fuq

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel livell tal-Ipoġew jinsab biss għaxar metri taħt l-art, u jixbah ħafna l-oqbra li nstabu fix-Xemxija, ħdejn il-Bajja ta' San Pawl. Xi kompartimenti jew kmamar huma għerien naturali li mbagħad ġew estiżi artifiċjalment mill-bniedem. Dan il-livell jikkonsisti minn ħafna kompartimenti u uħud minnhom kienu jintużaw għal skopijiet mortwarji.[12]

Il-livell tan-nofs

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Sanctum Sanctorum, l-iktar post ċentrali u sagru tal-Ipoġew

It-tieni livell tħaffer wara, x'aktarx billi il-blat li ġie mħaffer ġie olzat lejn il-wiċċ b'teknika magħrufa bħala Ċiklopika jew poligonali. F'dan il-livell hemm ħafna kompartimenti jew kmamar:

  • Il-Kompartiment/Kamra Prinċipali: dan il-kompartiment huwa pjuttost ċirkolari u mnaqqax fil-blat. Hemm għadd ta' daħliet trilitiċi rappreżentati, uħud ma jwasslu għal imkien, u oħrajn jagħtu għal xi kompartiment ieħor. Il-biċċa l-kbira tas-superfiċe tal-ħitan ingħatat passata bl-okra ħamra. Il-figurina tat-tafal tal-Mara r-Rieqda kienet instabet hawnhekk.
  • Il-Kamra tal-Oraklu: din il-kamra hija pjuttost rettangolari u hija wieħed mill-iżgħar kompartimenti tal-ġenb tal-Ipoġew. Pekuljarità partikolari ta' din il-kamra hija li tipproduċi riżonanza akustika qawwija minn kwalunkwe ħoss bil-vuċi li jsir minn ġo fiha. Din il-kamra fiha saqaf miżbugħ b'mod elaborat, bi spirali bl-okra ħamra kif ukoll tikek ċirkolari u spirali.
  • Il-Kamra Ddekorata: ħdejn il-Kamra tal-Oraklu hemm kuritur spazjuż ieħor, b'ħitan lixxi li jxaqilbu 'l ġewwa, b'dekorazzjoni rikka b'disinni ġeometriċi magħmula minn spirali. Fuq il-ħajt tal-lemin tad-daħla hemm petrosomatoglifika ta' id ta' bniedem imnaqqxa fil-blat.
  • Is-Sanctum Sanctorum: din x'aktarx hija l-istruttura ċentral u l-iktar post sagru tal-Ipoġew. Milli jidher din il-kamra hija orjentata lejn is-solstizju tax-xitwa, li kien idawwal il-faċċata tagħha mid-daħla oriġinali fis-superfiċe.[13] Waqt l-iskavi, f'din il-kamra ma nstabet l-ebda għadma.[7] Il-punt fokali huwa bokka fi ħdan daħla trilitika, jew struttura magħmula minn żewġ ġebliet vertikali kbar u waħda orizzontali, ġo struttura trilitika, li tinsab ġo struttura trilitika oħra. Is-saqaf imtarraġ tqies bħal ħjiel li t-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex, li nstabu bla saqaf, setgħu kienu msaqqfa b'mod simili.

Il-livell ta' taħt

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-livell ta' taħt ma nstabet l-ebda għadma jew tip ieħor ta' offerta, imma ilma biss. X'aktarx dan il-livell kien jintuża għall-ħżin taċ-ċereali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1980 abbażi tal-kriterju (iii), “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, tal-kriterji tal-għażla tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Ipoġew ta' Ħal Saflieni huwa monument uniku ta' valur universali straordinarju. Huwa l-uniku eżempju Ewropew magħruf ta' ‘labirint' taħt l-art mis-sena 4000 Q.K. sas-sena 2500 Q.K. Minħabba l-kwalità tal-arkitettura tiegħu u l-istat eċċellenti ta' preservazzjoni, l-Ipoġew huwa monument preistoriku essenzjali.[12]

Il-faċċata tal-Mużew wara r-restawr tal-2017

L-Ipoġew u l-mużew tiegħu huma attrazzjoni popolari f'Malta. Il-mużew jiftaħ kuljum mid-09:00 sal-17:00, iżda spiss in-nies jibdew jistennew fi kju biex jixtru l-biljetti li jkun fadal lejn it-08:00. Il-maġġoranza tal-biljetti jinbigħu online mis-sit web tal-Heritage Malta minn diversi xhur qabel. Xi biljetti jinbigħu kuljum għal dakinhar stess mal-ftuħ tal-mużew, u xi 20 biljett għall-għada jinbigħu kuljum mill-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, li jinsab fil-Belt Valletta. Dan l-aħħar il-mużew ġie mmodernizzat b'ċentru li jilqa' l-viżitaturi. Wieħed jista' jżur l-Ipoġew virtwalment mis-sit web tal-Heritage Malta.[8][21]

  1. ^ "Heritage Malta". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  2. ^ a b Sagona, Claudia (2015). The Archaeology of Malta: From the Neolithic through the Roman Period. Cambridge University Press. ISBN 978-1107006690.
  3. ^ a b ċ d McDonald, Neil (2016). Malta & Gozo A Megalithic Journey. lulu.com. ISBN 978-1326598358.
  4. ^ "Vella, Fiona. "Hypogeum skulls to be studied". Times of Malta. p. 13". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  5. ^ ""Il-Għerien ta' Ħal Saflieni"" (PDF). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  6. ^ a b ""The Death Cults of Prehistoric Malta". Scientific American". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  7. ^ a b Haughton, Brian (2008). Haunted Spaces, Sacred Places. New Page Books. p. 232. ISBN 978-1601630001.
  8. ^ a b ""Ħal Saflieni Hypogeum". Heritage Malta". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  9. ^ ""REPORTS on the working of GOVERNMENT DEPARTMENTS for The Year 1991", p. 81" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-01-23. Miġbur 2021-01-31. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  10. ^ "Stacey McKenna, Malta's Hypogeum, One of the World's Best Preserved Prehistoric Sites, Reopens to the Public, Smithsonianmag.com". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  11. ^ ""World Heritage prehistoric cemetery to close temporarily: Heritage Malta" - Xinhua Global Times". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  12. ^ a b ċ d e ""Ħal Saflieni Hypogeum". UNESCO". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  13. ^ a b Magli, Giulio (2009). Mysteries and Discoveries of Archaeoastronomy: From Giza to Easter Island. Copernicus. ISBN 978-0387765648.
  14. ^ Kelly, Lynne (2017). The Memory Code: The Secrets of Stonehenge, Easter Island and Other Ancient Monuments. Pegasus Books. ISBN 978-1681773254.
  15. ^ "Mysterious Ancient Temples Resonate at the 'Holy Frequency', Interestingengineering.com". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  16. ^ ""The Mysterious Disappearance of the Maltese Skulls". Hera Magazine, Italy. 1999". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  17. ^ ""Hypogeum skulls on display at the National Museum of Archaeology". Times of Malta". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  18. ^ ""The Hal Saflieni Hypogeum". maltassist.com". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  19. ^ Pace, Anthony (2004). The Ħal Saflieni Hypogeum Paola. Santa Venera: Midsea Books Ltd. ISBN 9993239933.
  20. ^ ""International team of scientists to study hypogeum acoustics". Times of Malta". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  21. ^ ""VIRTUAL REALITY experience" - Heritage Malta". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)