Muniti tal-ewro ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-flus tal-Ewro ta' Malta juru tliet disinni separati, disinn komuni għal: €0.01, €0.02 u €0.05, disinn ieħor għal: €0.10, €0.20 u €0.50 u disinn ieħor li juri s-Salib ta' Malta jinsab fuq il-€1.00 u €2.00. Malta ilha membru tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta' Mejju 2004 u hija membru tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Kompliet it-tielet fażi tal-UEM u addottat l-ewro bħala l-munita uffiċjali tagħha fl-1 ta' Jannar 2008.

Selezzjoni tad-disinn[immodifika | immodifika s-sors]

Is-selezzjoni tad-disinji tal-ewro ta' Malta kienet deċiża b'konsultazzjoni puvblika bbażata fuq żewġ fażijiet. L-ewwel fażi ta' konsultazzjoni kienet bdiet fl-14 ta' Jannar 2006 u ntemmet fid-29 ta' Jannar 2006. Matul dan il-prejodu, il-pubbliku Malti seta' jipparteċipa fil-proċess billi jagħżel minn total ta' tnax-il għażla, maqsuma f'erba' temi – Malta fil-preistorja, Malta fir-Rinaxximent, l-identità Maltija u l-arċipelagu Malti. Tliet għażliet differenti kienu preżentati għal kull tema.

Ir-riżultat tal-ewwel fażi tal-votazzjoni kienu l-magħmudija ta' Kristu li tinsab fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann (3498 voti), l-arma ta' Malta (2742 voti) u l-altar tal-Imnajdra (1872 voti). Id-disinn tal-Forti Sant’Anġlu kien ġab 2037-il vott, imma ma kienx ġie inkluz f'dawn it-tliet għażliet għax il-magħmudija ta' Kristu kienet ġabet l-aktar voti f'dik it-tema.

Apparti minn dawk id-disinji, il-pubbliku kien ingħata l-għażla li jissuġġerixxi xi disinji oħra. L-aktar disinji suġġeriti kienu is-salib ta' Malta u Dun Karm, il-poeta nazzjonali Malti. Il-kummitat tal-addozzjoni tal-ewro fl-aħħar iddeċieda li jinkludi s-salib ta' Malta ma' dawk id-disinji li kienu diġa magħżula mill-poplu.

L-erba' disinji finalisti kienu mibgħuta lil disinjatur Noel Galea Bason. Dan għamel l-istrutturi tal-muniti b'dawn id-disinji biex imbagħad il-poplu jivvotta fuq l-aħjar tlieta u fl-aħħar isiru l-muniti ta' Malta. Fit-tieni fażi li kienet mid-29 ta' Mejju sad-9 ta' Ġunju il-poplu kien mitlub jivvota għal darb'oħra. F'din it-tieni fażi l-poplu ddeċieda, b'permezz ta' messaġġ fuq il-mowbajl, li aħjar disinji għall-ewro kienu s-salib ta' Malta, l-arma ta' Malta u l-altar tal-Imnajdra u għalhekk id-disinn tal-magħmudija ta' Kristu ġiet eliminata.

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareg id-disinji finali fid-19 ta' Frar 2007 u fit-23 ta' Ottubru tal-istess sena, id-disinji ġew ippublikati fil-ġurnal uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Adozzjoni tal-Ewro[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-16 ta' Mejju 2007, il-kummisarju tal-Ekonomija u l-Affarijiet Finanzjarji tal-UE, Joaquín Almunia, irrakomanda li Malta tadotta l-ewro kif kien skedat. Fl-10 ta' Lulju din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata mill-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi.

F'dik il-ġurnata wkoll, kien sar obbligatarju li l-prezzijiet ikunu kemm bil-lira Maltija kif ukoll bl-ewro, waqt li l-ewwel muniti tal-ewro Maltin ġew prodotti fiż-żekka ta' Pariġi. L-ewwel muniti Maltin kienu disposti għall-pubbliku fl-1 ta' Diċembru 2007, meta pakketti mimlija bl-ewro għan-negozjanti ħargu għall-bejgħ, il-prezz kien ta €131. L-għan ta' dan kien biex in-negozjanti jimlew il-"cash registers" bi tħejjija għall-ewro. Fl-10 ta' Diċembru ħargu għal-bejgħ "mini-kits" ta' €11.65 biex il-pubbliku jħejji wkoll ruħu għal din il-bidla storika u jidra l-muniti tal-ewro.

F'Diċembru 2007, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għall-bidla għal ewro, il-Belt Valletta kienet miksija bi twapet li juru l-muniti tal-ewro. Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom f'lejliet is-sena l-ġdida, fejn sar logħob tan-nar fil-Port il-Kbir. L-attività l-oħra li kienet sa ssir barra kellha ssir ġewwa minn ħabba x-xita. Eżatt f'nofs il-lejl, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ġibed l-ewwel karti tal-ewro minn ATM tal-BOV. Din issimbolizzat id-dħul tal-ewro f'Malta u għalhekk id-dħul ta' Malta fiż-żona Ewro.

Kwantità ta' muniti prodotti[immodifika | immodifika s-sors]

Valur 2008
€2.00 10,000,000
€1.00 14,000,000
€0.50 15,000,000
€0.20 40,000,000
€0.10 41,000,000
€0.05 34,000,000
€0.02 36,000,000
€0.01 10,000,000

Muniti ta' kollezzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Muniti fl-2008[immodifika | immodifika s-sors]

Bħala parti mill-preparazzjoni għall-bidla għall-ewro, il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ 33,000 starter kit għan-negozjanti u 330,000 mini-starter kits għall-pubbliku inġenerali. Fl-1 ta' Diċembru 2007, il-Bank Ċentrali ħareġ ukoll 40,000 sett ta' muniti tal-ewro ta' Malta ġo kaxxi lussużi u ppreżentati b'ċertifikat ta' awtentiċità.

Fl-1 ta' Diċembru 2007, il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ għall-bejgħ l-ewwel sett tal-ewro. Dan is-sett kien magħmul apposta għall-kollezzjonisti, apparti t-tmien muniti tal-ewro, għandu wkoll ingnott kommemorattiv u ċertifikat, kollox ippreżentat ġo kaxxa tal-injam.

Kull "starter kit" li ngħata lin-negozjanti kien fih; €2.00 – 1 roll × 25 muniti, €1.00 – 1 roll × 25 muniti, €0.50 – 1 roll × 40 muniti, €0.20 – 2 rollijiet × 40 muniti, €0.10 – 3 rollijiet × 40 muniti, €0.05 – 2 rollijiet × 50 muniti, €0.02 – 2 rollijiet × 50 muniti, €0.01 – 2 rollijiet × 50 muniti.

Kull "mini-starter kit" għall-pubbliku kien fih; €2.00 × 2 muniti, €1.00 × 3 muniti, €0.50 × 5 muniti, €0.20 × 6 muniti, €0.10 × 6 muniti, €0.05 × 5 muniti, € 0.02 × 3 muniti, € 0.01 × 4 muniti.

Muniti fl-2009[immodifika | immodifika s-sors]

Malta flimkien mal-pajjiżi l-oħra taż-żona ewro, fl-1 ta' Jannar 2009, sa joħorġu munita kommemorattiva taż-€2.00 biex jikkommemoraw it-twelid tal-munita ewro għaxar snin ilu (1999-2009). Id-disinn kien magħżul miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea b'kompetizzjoni fuq l-internet.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]