Difiża ta' Malta fi Żmien l-Ingliżi
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax il-militar Ingliż f'Malta utilizza bosta mill-istess fortifikazzjonijiet li ħalla warajh l-Ordni ta' San Ġwann, biss b'xi tibdiliet, l-aktar fil-Belt Valletta u fis-swar tal-Kottonera. Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax l-Ingliżi bdew jibnu fortizzi ġodda tagħhom, l-aktar wara l-1875. Hu x'inhu, il-militar Ingliż ħadem bis-sħiħ biex itejjeb id-difiża tal-gżejjer Maltin, l-aktar fin-naħa tal-Port il-Kbir fejn il-bastimenti tagħhom kienu rmiġġjati lesti biex jintervjenu f'kull inkwiet politiku u militari li seta' jseħħ fil-Mediterran u l-madwar. Fl-1828 il-Kaptan Jones ippreżenta lill-gvern kolonjali rapport ta’ kif kellhom jittejbu s-swar ta’ Malta. Fost affarijiet oħra huwa kien tal-fehma li s-swar tal-Kottonera kellhom ikunu addatatti, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-bosta daħliet. Dawn ħafna minnhom ġew magħluqa, bħal pereżempju id-daħla ta' San Ġakbu, ta' San Lwiġi u dik ta' San Ġwann Tgħuxa.
Fuq in-naħa ta' ġewwa tas-swar tal-Kottonera, is-swar ttaqbu b'casemates minn fejn is-suldati setgħu jisparaw bl-ixkubetti. Donnu hawn kellhom il-ħsieb li s-swar setgħu anki jservu ta' difiża kontra l-għadu li jattakka min-ġewwa.[1]
Fortizzi
[immodifika | immodifika s-sors]Waħda mill-eqdem fortizzi li bnew l-Ingliżi kienet appuntu bejn is-swar ta' barra u dawk ta' ġewwa fuq il-linji tal-Kottonera. Din kienet il-Fortizza Verdala (1852) . Barra din il-fortizza fuq in-naħa ta' Notre Dame Gate inbniet it-trunċiera ta’ San Klement, bl-iskop li jekk l-għadu jirnexxielu jirbaħ s-swar ta' barra u jidħol ġewwa dan isib swar oħra b'difiża soda mis-suldati li setgħu jisparaw għal fuqhom mill-casements.[2]
fl-1854-56 il-Gwerra tal-Krimea ġiegħlet l-Ingliżi jaħsbu. Fl-1866, il-Kurunell william Jervois kien għamel rapport ġenerali tat-titjib fid-difiża tal-gżejjer Maltin.Fl-1871 kemm l-Italja kif ukoll il-Ġermanja irnexxielhom jaslu biex kull wieħed minnhom junifika lilu nnifsu f'pajjiż sovran. Aktar tard, fis-sebgħinijiet. meta l-Ġermanja kif ukoll l-Italja bdew jimmiraw biex ikollhom l-armata, il-flotta u l-kolonji tagħhom, l-Ingilterra bdiet taħseb biex issaħħaħ id-difiża ta' Malta għalli jista' jinqala'.
Hekk kif fil-Mediterran kien irewwaħ xi periklu ta' gwerra l-Ingliżi kienu jduru dawra madwarhom biex jaraw x'jistgħu iżidu b'mod ta' difiża ma' dak li diġa kien hemm. Naturalment, l-esiġenza tat-tibidl fil-kwalità ta' fortifikazzjoni kienet relatata wkoll mal-invenzjoni u l-użu ta' armamenti ġodda. Fost l-ewwel kostruzzjonijiet ta’ difiża kien hemm il-fortizzi ta’ San Leonardu, Santu Rokku, u l-batterija tal-ponta ta’ tas-Sliema. Fortizzi oħra li ntużaw kienu l-batteriji ta' żmien l-Ordni, l-aktar f'bajjiet ma' kull naħa ta' Malta, l-aktar daqs disa’ batteriji qrib il-port ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir.
Fost l-iktar fortizzi importanti li nbnew kien hemm dawk ta’ Cambridge f'Tas-Sliema, u tar-Rinella, fil-Kalkara. Inbniet fortizza oħra f'Tas-Sliema li llum nafuha bħala l-Fortizza fuq ix-Chalet / Għar id-Dud. Fiż-żewġ fortizzi ta' Cambridge u tar-Rinella tqiegħdu żewġ kanuni Armstrong tal-100 tunnellata l-wieħed biex dawn iwasslu 'l bogħod u anki jgħarrqu bastimenti li jazzardaw jersqu lejn il-Port il-Kbir biex jattakkaw il-vapuri fil-port. Minn dawn iż-żewġ kanuni għad fadal biss dak ta’ Forti Rinella.
Linji ta' Difiża
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-tmeninijiet tas-seklu tmintax kien ġie deċiż li jinbnew erba' fortizzi fuq l-għoljiet (Ing. ridge) magħrufa bħala tad-Dwejra li jibdew min-naħa ta' Fomm ir-Riħ u jaqsmu l-gżira sal-kosta tat-Tramunta sal-Madliena u Pembroke. Dawn il-fortizzi huma magħrufa bħala ta' : i. Binġemma; ii. Mosta; iii. Madliena; iv. Pembroke. Dan ix-xogħol ħa bosta snin biex jitlesta. Bħala parti minn dan il-proġett imbagħad ittella' ħajt, kultant aktar qisu ċint baxx, biex jaqta' linja u jgħin fil-komunikazzjoni bejn dawn il-fortizzi min-naħa għall-oħra ta' Malta. Dawn bdew jissejħu l-Victoria Lines minħabba li nbnew fi żmien meta r-Reġina Victoria kienet ser tagħlaq 60 sena bħal reġina tal-Imperu Ingliż. Biss, din is-sistema wara ftit uriet li ma kinetx effikaċi kif kien mistenni. Sal-1900 din is-sistema ta' difiża ma kinetx aktar ta' siwi f'għajnejn l-amministraturi militari Ingliż. Mhux talli hekk, talli meta sar 'attakk simulat' l-'għadu' (jiġifieri suldati Ingliżi stess li għamlu l-attakk) irnexxilhom jinfiltraw u jirbħu din id-difiża.
Difiża aktar riċenti
[immodifika | immodifika s-sors]L-istess fortifikazzjonijijet issaħħu meta wasal iż-żmien tal-Ewwel Gwerra u t-Tieni Gwerra Dinjija riispettivament. Ħafna mill-fortizzi ta' madwar il-kosta, kif ukoll dawk ta' fuq l-għoljiet kienu anki rinfurzati bil-konkos (reinforced concrete). Eżempju ta' dan jidher fil-fortizza ta' San Luċjan, f'Marsaxlokk, Il-Fortizza tal-Madliena u l-Fortizzi l-oħra tal-Victoria Lines. F'diversi postijiet, l-aktar mal-kosta, ittellgħu torrijiet żgħar tal-konkos rinfurzati bħala anti-aircraft. Eżempju ta' dawn huma dawk li għadhom jidhru madwar is-swar tal-Belt, l-aktar qrib Sant'Iermu, dik li hemm T'Alla u Ommu u oħrajn.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija dawn il-fortifikazzjonijiet malajr spiċċa l-użu tagħhom għaliex ma kinux jifilħu kontra l-armamenti aktar moderni u effikaċi li dejjem kienu qed ikunu introdotti. Issa wieħed ried anki jaħseb għall-possibilità ta' difiża kontra attakki li setgħu ikunu nukleari. Għal dan kien sar xi tentattif ta' xogħlijiet mill-Ingliżi sakemm wasal iż-żmien li l-Ingliżi bdew jabbandunaw l-ideat tagħhom dwar l-użu ta' Malta bħala kolonja u fortizza, lejn l-aħħar tas-snin ħamsin.
Lista ta' Fortizzi ta' żmien l-Ingliżi
- Fort Verdala, Bormla - 1852,
- Lascaris Battery, Valletta.
- Sliema Point Battery - 1872
- Fort St. Rocco (l/o Żabbar (1872–73)
- Fort Leonardo (l/o Żabbar (1875–78).
- Corradino Lines overlooking The Grand Harbour (1871 - 1880)
- Victoria Lines,(North West Front) (1875 - 1899)
- Fort Binġemma, Fort Madalena and Fort Mosta, Fort Pembroke (1875 - 1989)
- Fort San Lucian nbniet mill-Ordni ta' San Ġwann (rinfurzata: 1874–78)
- Fort Delimara (1876–88)
- Fort Tas-Silġ Marsaxlokk (1879–83).
- Saint Paul's Battery, Marsaxlokk - 1881
- Żonqor Battery, Marsaskala -1882
- Cambridge Battery and Rinella Battery (1878-1886)
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Wismayer, J.M. Captain (2003). A Miscellanea of Historical Records (bl-Ingliż). Printwell Ltd. ISBN 99932-0-209-6.
- ^ Wismayer, J.M. Captain. A Miscellanea of Historical Records.