Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Tempji Megalitiċi
ta' Malta u Għawdex
Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO
Ġgantija
Post Malta
Li jinkludi t-tempji li ġejjin:
  1. Ġgantija
  2. Ħaġar Qim
  3. Mnajdra
  4. Ta' Hagrat
  5. Skorba
  6. Tarxien
Kriterju (iv)
Referenza 132ter
Iskrizzjoni 1980 (ir-raba' sessjoni)
Estensjonijiet tas-sit 1992, 2015
Erja 3.155 ha
Żona ta' lqugħ 167 ha
Ħaġar Qim

It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex, magħrufa wkoll bħala t-Tempji Megalitiċi ta' Malta, huma għadd ta' tempji preistoriċi, u sitta minnhom ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO.[1] Dawn it-tempji megalitiċi nbnew fi tliet perjodi distinti bejn wieħed u ieħor bejn is-sena 3600 Q.K. u s-sena 2500 Q.K. f'Malta u f'Għawdex. Kien jingħad li huma l-iktar istrutturi antiki wieqfa mingħajr tkaħħil fid-dinja, għall-inqas sal-iskoperta ta' Göbekli Tepe, fit-Turkija.[2] L-arkeologi jemmnu li dawn il-kumplessi megalitiċi huma frott l-innovazzjonijiet lokali fi proċess ta' evoluzzjoni kulturali.[3][4] Dan il-proċess wassal biex jinbnew diversi tempji fil-fażi ta' Ġgantija (3600-3000 Q.K.), sakemm intlaħaq l-iktar livell kkumplikat bil-kumpless kbir tat-Tempji ta' Ħal Tarxien, li baqa' jintuża sas-sena 2500 Q.K.. Wara din id-data, il-kultura tal-bini tat-tempji fil-Gżejjer Maltin għebet għalkollox.[5][6]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Ħafna mill-ismijiet tat-tempji megalitiċi għandhom rabta mal-ġebel (jew ġebel kbir: ħaġar) li ntuża biex inbnew, pereżempju Ta' Ħaġrat u Ħaġar Qim. Il-kelma 'Qim' tfisser hi forma arkajka li tfisser 'wieqaf'.[7]

Ġan Franġisk Abela (1582-1655) magħruf bħala l-missier tal-istorja ta' Malta kien jemmen li t-tempji kienu nbnew minn ġganti, li wasslu għall-isem tat-tempji megalitiċi f'Għawdex, li kienu jitqiesu bħallikieku kienu xi torri tal-ġganti.[8] Il-lingwist Malti Ġużè Aquilina kien jemmen li 'Mnajdra' (bl-Għarbi: منيدرة) kienet id-diminuttiv ta' 'mandra' (bl-Għarbi: مندرة), jiġifieri biċċa raba' mħawwel bis-siġar (bl-Għarbi kollokjali fl-Eġittu għandha l-istess tifsira); mandankollu, semma wkoll il-possibbiltà li 'Mnajdra' kienet ġejja mill-għerq Għarbi 'manzara' (bl-Għarbi: منظرة), jiġifieri 'post b'veduta sabiħa'.[9] Illum nafu li mnajda hi d-diminuttiv ta' mandra, post fejn jinġabru u jieklu l-annimali. It-Tempji ta' Ħal Tarxien ingħataw dak l-isem minħabba l-lokalità li jinsabu fiha, iżda Tarxien jaf ġejja wkoll mill-għerq 'Tirix', jiġifieri ġebla kbira, forsi b'referenza proprju għallġebel tal-isess tempju.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Dati[immodifika | immodifika s-sors]

Il-faħam maħruq li nstab fis-sit ta' Skorba kien kruċjali biex jiġu datati l-fażijiet meta nbnew it-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex

It-tempji kienu frott diversi fażijiet ta' kostruzzjoni mis-sena 3500 Q.K. sas-sena 2200 Q.K. Hemm evidenza li aktar qabel f'Malta kien hemm attività umana fil-Gżejjer Maltin mill-Perjodu Neolitiku (madwar 5000 - 3500 Q.K.); kif jixhdu l-biċċiet tal-fuħħar, il-fdalijiet ta' fuħħar u oġġetti oħra.[10][11] L-eżerċizzju biex jiġu datati u mifhuma d-diversi fażijiet ta' attività fit-tempji mhuwiex wieħed faċli. Il-problema ewlenija hija li n-natura tas-siti stess hija evoluzzjonarja, u kull tempju suċċessiv li nbena ġab miegħu tibdil u iktar reqqa u ħila fl-iżvilupp arkitetturali. Barra minn hekk, f'xi każijiet, il-popli ta' Żmien il-Bronż li ġew wara, użaw l-istess siti ta' dawn it-tempji, u b'hekk dan l-aspett kompla kkonfonda l-ewwel riċerkaturi li ma kellhomx it-teknoloġija moderna biex permezz tar-radio carbon dating jaslu għad-data li fiha nbnew it-tempji megalitiċi. Sir Temi Żammit, arkeologu Malti importanti tas-seklu dsatax, kien ħaseb li t-tempji Neolitiċi kienu nbnew lejn is-sena 2800 Q.K. u li l-kultura ta' Żmien il-Bronż tat-Tempji ta' Ħal Tarxien kienet teżisti lejn is-sena 2000 Q.K.[12] Għall-ewwel, dawn id-dati ġew ikkunsidrati żbaljati b'xi nofs millenju kull wieħed mill-istudjużi ta' warajh,[13][14] iżda mbagħad, anke permezz tal-avvanz fit-teknoloġija, instab li Sir Temi Zammit kellu raġun.[15] B'hekk intwera li t-teorija li kienet tressqet li l-arti tat-tempji megalitiċi kienet b'xi mod konnessa ma' kultura li kienet toriġina mill-Eġew ma kellha l-ebda bażi.[16]

Fażijiet tal-bini tat-tempji[immodifika | immodifika s-sors]

Kronoloġija preistorika tal-Gżejjer Maltin

(Abbażi ta' analiżi avvanzata tal-faħam maħruq)

Perjodu Fażi Dati Q.K.
Perjodu Neolitiku

(5000-4100 Q.K.)

Għar Dalam 5000-4500 Q.K.
Skorba Griża 4500-4400 Q.K.
Skorba Ħamra 4400-4100 Q.K.
Perjodu tat-Tempji

(4100–2500 Q.K.)

Żebbuġ 4100–3800 Q.K.
Mġarr 3800-3600 Q.K.
Ġgantija 3600-3000 Q.K.
Ħal Saflieni 3300-3000 Q.K.
Ħal Tarxien 3000-2500 Q.K.
Żmien il-Bronż

(2500–700 Q.K.)

Ċimiterju ta' Ħal Tarxien 2500–1500 Q.K.
Borġ in-Nadur 1500–700 Q.K.
Baħrija 900–700 Q.K.

L-iżvilupp tal-fażijiet kronoloġiċi, billi jiġi datat fdalijiet organiċi, qasam iż-żminijiet min-Neolitiku sa Żmien il-Bronż fil-Gżejjer Maltin f'għadd ta' fażijiet. L-ewwel evidenza ta' insedjamenti umani fin-Neolitiku tmur lura għall-fażi ta' Għar Dalam, madwar is-sena 5000 Q.K. Il-perjodu tal-kultura li wara ċertu żmien bdiet tibni t-tempji, bejn wieħed u ieħor mis-sena 4100 Q.K. sal-2500 Q.K. Dan il-perjodu jinqasam f'ħames fażijiet; madankollu, l-ewwel żewġ fażijiet, dak taż-Żebbuġ l-Imġarr ma nbnew l-ebda tempji.[17]

Il-fażi ta' Ġgantija (3600-3200 Q.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fażi ta' Ġgantija hija msemmija wara t-tempji tal-Ġgantija f'Għawdex. Dan il-fażi jirrappreżenta żvilupp importanti fl-evoluzzjoni kulturali tan-Neolitiċi fil-Gżejjer Maltin. L-iktar tempji antiki ġew datati għal din il-fażi. Mill-pjanta wieħed jinnota l-għamla ta' żewġ apsidi, bħal kilwa, bħal dik tat-tempji tal-Lvant tal-Imġarr, Malta, li biż-żmien żviluppat fgħamla ta' tliet apsidi, bħal dik ta' Skorba, ta' Kordin u ta' diversi siti minuri, u f'għamla ta' ħames apsidi bħal dik tat-tempji tan-Nofsinhar tal-Ġgantija u tal-Lvant ta' Ħal Tarxien.[18]

Il-fażi ta' Ħal Saflieni (3300-3000 Q.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Altar imnaqqax bl-ispirali fil-kumpless tat-Tempji ta' Ħal Tarxien.

Il-fażi ta' Ħal Saflieni hija magħmula minn fażi tranżizzjonali bejn żewġ perjodi maġġuri ta' żvilupp.[19] L-isem ġej mis-sit tal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. Dan il-perjodu wasslilna l-istess karatteristiċi tal-għamliet tal-bċejjeċ tal-fuħħar tal-fażi ta' Ġgantija, iżda wasslilna wkoll skutelli bikoniċi ġodda.[20]

Il-fażi ta' Ħal Tarxien (3150-2500 Q.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fażi ta' Ħal Tarxien tirrappreżenta l-quċċata taċ-ċivilizzazzjoni tal-kultura tat-tempji. Isem din il-fażi ġej mill-kumpless tat-tempji ta' Ħal Tarxien. L-aħħar żewġ stadji fl-iżvilupp tal-pjanta tat-tempji tappartjeni lil din il-fażi. It-tempju tal-Punent tal-Ġgantija, flimkien ma' unitajiet oħra fit-tempji ta' Ħal Tarxien, ta' Ħaġar Qim u tal-Imnajdra, jirrappreżentaw l-istadju ta' qabel tal-aħħar fl-iżvilupp, jiġifieri l-introduzzjoni ta' niċċa baxxa minflok apsida fit-tarf tat-tempju. L-istadju finali jista' jiġi apprezzat biss f'tempju wieħed, jiġifieri l-unità ċentrali tat-tempji ta' Ħal Tarxien, bi tliet pari simmetriċi ta' apsidi.[21] Il-kultura tat-tempji laħqet il-quċċata tagħha f'dan il-perjodu, kemm fir-rigward tas-sengħa fil-bċejjeċ tal-fuħħar, kif ukoll fir-rigward tad-dekorazzjoni tal-iskulturi, kemm dawk weqfin kif ukoll dawk imnaqqxin mal-ħitan.[22]

It-tinqix forma ta' spirali li nstabu fit-tempji ta' Ħal Tarxien, jingħad li fl-imgħoddi kienu jiddekoraw it-tempji tal-Ġgantija wkoll, iżda b'xorti ħażina dawn spiċċaw kważi fix-xejn u jistgħu jiġu apprezzati biss f'sensiela ta' tpinġijiet li kien għamel l-artist Charles de Brochtorff fl-1829, immedjatament wara l-iskavi tat-tempji.[23] Il-fażi ta' Ħal Tarxien hija kkaratterizzata minn varjetà rikka ta' għamliet ta' bċejjeċ tal-fuħħar u ta' teknika fil-mod kif kienu ddekorati. Il-biċċa l-kbira tal-għamliet tal-fuħħar f'din il-fażi kienu angolari, bi kważi l-ebda manku jew maqbad. It-tafal jidher li kien jitħejja sew u jitħalla fin-nar sakemm jibbies ħafna, filwaqt li s-superfiċe tal-bċejjeċ b'tinqix dekorattiv kienet tiġi illustrata ħafna wkoll (Ing. burnished). Din id-dekorazzjoni bit-tinqix baqgħet tintuża ħafna, iżda saret iktar elaborata u eleganti maż-żmien. L-iktar motiv popolari kien l-ispiral.[24]

Arkitettura u kostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjanta ta' parti mit-Tempju ta' Kordin III b'żewġ apsidi

Il-kumplessi tat-tempji megalitiċi nbnew f'diversi postijiet madwar il-Gżejjer Maltin u matul firxa wiesgħa ta' snin. Filwaqt li kull sit individwali għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu, is-siti kollha għandhom arkitettura komuni bejniethom. Quddiem id-daħla tat-tempji kien ikun hemm biċċa art ovali li kienet tiġi ċċattjata jekk l-art kienet tinzerta ġejja għan-niżla. Fuq naħa waħda ta' din il-biċċa art kien ikun hemm il-faċċati tat-tempji, li kienu jħarsu lejn in-Nofsinhar jew lejn ix-Xlokk. Il-faċċati u l-ħitan interni tat-tempji kienu jkunu magħmula minn ortostati, jiġifieri ringiela ta' ħaġar wieqaf kbir.[25]

Iċ-ċentru tal-faċċati s-soltu kien ikollu spazju għad-daħla tat-tempji permezz ta' daħla trilitika ewlenija, jiġifieri par ortostati b'ħaġra kbira mimduda fuqhom.[26][27] Diversi daħliet trilitiċi oħra jiffurmaw passaġġ, li dejjem kien ikun pavimentat bil-ġebel. Dan il-passaġġ iwassal għal spazju miftuħ, li mbagħad jagħti għall-ispazju li jmiss tat-tempji, li jagħti għal par kompartimenti f'għamla tal-ittra D, li s-soltu jiġu riferiti bħala 'apsidi', kull waħda fuqkull naħa tal-passaġġ. L-ispazju bejn il-ħitan tal-apsidi u l-ħajt ta' barra nett, ġeneralment kien jiġi mimli b'xi ġebel żgħir u ħamrija, u xi kultant bi fdalijiet oħra bħal bċejjeċ imkissrin tal-fuħħar.[28]

Il-varjazzjoni prinċipali fit-tempji hija l-għadd ta' apsidi tagħhom, li kien ivarja minn tliet apsidi sa sitt apsidi. It-tempji bi tliet apsidi kienu jkunu miftuħin direttament mill-ispazju ċentrali f' għamla ta' trifolju.[29] F'ċertu tempji iktar kumplessi, kien jinbena t-tieni passaġġ, bl-istess tip ta' kostruzzjoni trilitika, li mill-ewwel par ta' apsidi kien iwassal għat-tieni par, u mbagħad jagħti għall-ħames apsida ċentrali jew inkela għal niċċa. F'każ partikolari, fit-tempju ċentrali ta' Ħal Tarxien, il-ħames apsida jew niċċa ġiet sostitwita minn passaġġ ulterjuri, li jagħti għal par aħħari ta' apsidi flok apsida ċentrali waħda. Il-pjanta tipika tat-tempji tgħinna niskopru mat-tletin tempju madwar il-Gżejjer Maltin, allavolja hemm ċertu varjazzjoni kemm fl-għadd ta' apsidi kif ukoll fit-tul kumplessiv tat-tempji, li jvarja bejn 6.5 metri fit-tempju tal-Lvant tal-Imnajdra għal 23 metru fit-tempju ċentrali ta' Ħal Tarxien li fih sitt apsidi.[30]

Bosta drabi, il-ħitan esterni kienu jkunu magħmula minn ħaġar ġej mill-ewwel saff tal-blat tal-Gżejjer Maltin, jiġifieri blat tal-qawwi ta' fuq, li huwa ferm iktar iebes mill-franka li kienet tintuża għas-sezzjonijiet interni tat-tempji.[28][31] Il-franka, peress li hija iktar ratba, kienet tintuża għall-element dekorattivi fit-tempji, bħal ngħidu aħna t-tinqix. Dawn il-karatteristiċi s-ġieli kienu jkunu mnaqqxa b'riljiev, li jirrrappreżentaw veġetazzjoni jew annimali.[32] Ġieli kien ikollhom motivi bi spirali.[33] Għalkemm fil-forma attwali tagħhom it-tempji mhumiex imsaqqfin, l-esperti jemmnu li dawn it-tempji kienu xi darba masqqfa jew bil-ġebel inkella bi travi tal-injam u tafal biex jagħlaq.[34][35]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1980, it-tempji ta' Ġgantija (f'Għawdex) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed tal-UNESCO. Imbagħad, fl-1992, il-Kumitat għall-Wirt Dinji tal-UNESCO estenda dan is-sit billi inkluda ħames tempji megalitiċi oħra. Dawn huma t-tempji ta' Ħaġar Qim (il-Qrendi, Malta), tal-Imnajdra (il-Qrendi, Malta), Ta' Ħaġrat (l-Imġarr, Malta), ta' Skorba (iż-Żebbiegħ, Malta) u ta' Ħal Tarxien (Ħal Tarxien, Malta). L-UNESCO ddeżinjat dawn is-sitt tempji megalitiċi ta' Malta u Għawdex bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed abbażi tal-kriterju (iv) tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO, jiġifieri “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”. It-Tempji Megalitiċi ta' Malta u Għawdex huma notevoli mhux biss minħabba li jispikkaw l-oriġinalità, il-kumplessità u l-proporzjonijiet enormi tagħhom, iżda anke minħabba l-ħila teknika konsiderevoli meħtieġa fil-kostruzzjoni tagħhom.[36] Is-sitt tempji jiġu ġestiti minn Heritage Malta, filwaqt li s-sjieda tal-art tal-madwar tvarja minn sit għall-ieħor.[37][38]

Ġgantija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-faċċata tat-tempju megalitiku tal-Ġgantija, ix-Xagħra, Għawdex

It-tempji tal-Ġgantija jinsabu fi tmiem medda art watja fix-Xagħra, Għawdex, u jħarsu lejn ix-Xlokk. Il-preżenza tat-tempji kienet ilha magħrufa sew, u saħansitra qabel ma kienu għadhom twettqu l-ewwel skavi, lejn l-aħħar tas-seklu tmintax, Jean-Pierre Houël kien pinġa pjanta pjuttost korretta tagħhom.[39] Fl-1827, it-trab u l-ħamrija meqjusa żejda tneħħew mis-sit mingħajr ma ġew eżaminati bir-reqqa li kieku kienu jiġu eżaminati biha fl-iskavi moderni. Madankollu, l-artist Ġermaniż Brochtorff għamel tajjeb għal dan in-nuqqas billi kien għamel diversi tpinġijiet tas-sit qabel u wara t-tneħħija tat-trab u tal-ħamrija mit-tempji tal-Ġgantija. Din hija l-unika evidenza li fadal dwar kif kienu t-tempji qabel l-iskavi.

It-tempji huma mdawra b'ħajt estern. It-tempju lejn in-Nofsinhar huwa l-iktar wieħed antik, u huwa l-iktar wieħed ippreservat tajjeb. Il-pjanta tat-tempji hija maqsuma f'ħames apsidi kbar, bi traċi tal-materjal tat-tkaħħil li x'aktarx kien intuża biex jiksi l-ħitan irregolari tat-tempji.[40]

Ta' Ħaġrat[immodifika | immodifika s-sors]

Id-daħla trilittika tat-tempju Ta' Ħaġrat, l-Imġarr.

It-tempju Ta' Ħaġrat jinsab fil-limiti tal-Lvant tal-Imġarr, Malta, bejn wieħed u ieħor xi kilometru bogħod mit-tempji ta' Skorba.[41] Il-fdalijiet jikkonsistu minn tempju doppju, magħmul minn żewġ kumplessi ħdejn xulxin, it-tnejn li huma b'għamla ta' trifolju. Iż-żewġ partijiet għandhom pjanta inqas regolari u daqs iżgħar minn ħafna mit-tempji Neolitiċi l-oħra fil-Gżejjer Maltin. Barra minn hekk, it-tempju ma fih l-ebda dekorazzjoni.[42] Sir Temi Zammit wettaq l-iskavi f'dan is-sit bejn l-1925 u l-1927. Fis-sit instabu diversi fdalijiet tal-fuħħar ta' insedjament li hu iktar antik mit-tempju stess b'diversi sekli. Dawn il-fdalijiet tal-fuħħar taw l-isem tal-fażi preistorika magħrufa bħala l-fażi tal-Imġarr.[43]

Skorba[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet ta' Skorba

L-importanza ta' dan is-sit tinsab fil-fdalijiet tiegħu iktar milli mill-informazzjoni li nġabret mill-iskavi tiegħu.[44] Dan it-tempju għandu pjanta tipika bi tliet apsidi tal-fażi ta' Ġgantija, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-ewwel żewġ apsidi u l-faċċata kollha nqerdu u ntilfu għalkollox. Li fadal huma l-pavimentar tal-ġebel tal-passaġġ tad-daħla, bil-perforazzjonijiet, l-art bit-torba, u ħaġra wieqfa kbira tal-qawwi ta' fuq.[45] Il-ħajt tat-Tramuntana jinsab fi stat aħjar; oriġinarjament id-daħla kienet tagħti għal fetħa ċentrali, iżda din imbagħad ġiet magħluqa għalkollox fil-fażi ta' Ħal Tarxien, u minflok tpoġġew altari fl-irkejjen iffurmati b'dan l-għeluq.[46] Fil-fażi ta' Ħal Tarxien ġie miżjud kumpless ieħor fil-Lvant ta' dan it-tempju, b'erba' apsidi u niċċa ċentrali.[47] Mill-fdalijiet li nstabu fil-madwar, jidher li fiż-żona kien hemm insedjament ferm iktar antik u li kienu ilhom jgħixu hemm għal xi tnax-il seklu.

L-iktar struttura antika hija l-ħajt dritt ta' ħdax-il metru lejn in-naħa tal-Punent tad-daħla tal-ewwel kumpless. Fid-depożiti madwar dan il-ħajt, instab materjal mill-ewwel fażi magħrufa ta' bniedem li kienu jokkupaw dawn il-Gżejjer, jiġifieri l-fażi ta' Għar Dalam. Fost id-depożiti domestiċi li nstabu f'dan il-materjal kien hemm faħam maħruq, ċereali karbonizzati, diversi frammenti ta' tkaħħil maħruq, eċċ. Mill-analizi moderna tal-frammenti ħareġ li kienu jmorru lura għas-sena 4850 Q.K.[48][49]

Ħaġar Qim[immodifika | immodifika s-sors]

Ħaġar Qim protett b'tinda

It-tempju ta' Ħaġar Qim jinsab qrib żona bix-xagħri u l-irdumijiet, xi żewġ kilometri bogħod mill-Qrendi u mis-Siġġiewi.[50] It-tempju nbena bil-franka ratba mill-irdumijiet viċin.[51] L-effetti ta' din l-għażla fil-kostruzzjoni tat-tempju jidhru ċar fil-ħajt estern tan-Nofsinhar, fejn l-ortostati l-kbar huma esposti għar-riħ u għall-baħar. Fejn il-ġebel baqa' mikxuf il-ħsarat mill-elementi matul is-sekli huma aktar evidenti. Illum hemm tinda li tgħatti u tipproteġi l-ġebel tat-tempju mix-xemx u x-xita. (Bħala hemm oħra fuq l-Imnajdra kif ukoll Ħal Tarxien).[52]

Il-faċċata tat-tempju hija tipika, bid-daħla trilitika, b'ġebel wieqaf u mimdud, tal-aħħar jaqsam min-naħa għal oħra tad-daħla. Mal-faċċata hemm qisu bank twil tal-ġebel. Mid-daħla prinċipali wieħed jidħol dritt fl-ewwel bitħa tat-tempju.[53] Dan il-passaġġ tad-daħla u l-fetħa ċentrali jsegwu d-disinn tat-tempji megalitiċi tal-Gżejjer Maltin, għalkemm hemm għadd ta' modifiki konsiderevoli.[54] Daħla separata tagħti aċċess għal erba' kompartimenti oħra li ma jinfdux u li huma indipendenti minn xulxin, u jissostitwixxu l-apsida tal-Majjistral.[55]

Mnajdra[immodifika | immodifika s-sors]

L-istrutturi trilittiċi (jiġiferi, tliet ġebliet) tal-Imnajdra

It-tempji tal-Imnajdra jinsabu daqs 500 metru 'il bogħod minn Ħaġar Qim, u jitqiesu bħala kumpless ta' tempji għalihom.[56] Hawn jinsabu tliet tempji kollha mwaħħla ma xulxin, biss kull wieħed b'bieb għalih. It-tempju ta' isfel (tan-Nofsinhar) hu magħmul minn barra minn ġebel tal-qawwi. Din il-binja hi eqdem mit-tempju tan-nofs għaliex mingħajr din il-binja it-tempju tan-nofs ma jżommx waħdu. Fuq in-naħa tal-lemin estrem, jiġifieri n-naħa tat-Tramuntana hemm nitfa ta' tempju, għamla ta' trifolju, li jmur lura għall-fażi tal- Ġgantija. Fih jidhru ħafna toqob żgħar biex jiddekoraw it-tempju. toqob simili jidhru wkoll fit-tempji l-oħra tal-Imnajdra. Il-kompartiment jew it-tempju tan-nofs, jidher li nbena l-aħħar fil-fażi ta' Ħal Tarxien, wara s-sena 3100 Q.K. Dan għandu erba' apsidi biss ma għandux l-apsidi tan-nofs. Minflok hemm qisu niċċa.[57]

It-tempju ta' isfel (tan-Nofsinhar) u l-aktar massiċċ. Il-forma tal-faċċata hi konkava bħat-tempji kollha. Fuq quddiem tagħha hemm qisu b'bank tal-ġebel. It-tempju tan-Nofsinhar huwa orjentat astronomikament ma' tlugħ ix-xemx waqt is-solstizji u l-ekwinozji; fis-solstizju tas-sajf, l-ewwel raġġi tax-xemx idawlu t-tarf tal-ħaġra megalitika ddekorata bejn l-ewwel apsidi, filwaqt li fis-solstizju tax-xitwa jiġri l-estess ħaġa fuq ħaġra megalitika oħra fl-apsida opposta.[58] Fl-ekwinozju, ma' tlugħ ix-xemx, ir-raġġi tax-xemx jgħaddu dritt tul id-daħla prinċipali sa ma jaslu fl-iktar niċċa ċentrali fuq ġewwa nett.[59]

Tarxien[immodifika | immodifika s-sors]

Mara bl-għonnella u t-tarbija tagħha fit-tempji ta' Ħal Tarxien. Ritratt antik ta' Luigi Maria Ugolini.

Il-kumpless tat-tempji ta' Ħal Tarxien jinsab daqs 400 metru fil-Lvant mill-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. Fil-bidu tas-seklu 20, l-arkeologu Sir Temi Zammit ħa ħsieb l-iskavi ta' dan is-sit.[60][61] Qabel ma nbena l-bini tal-madwar is-sit arkeoloġiku kien moħbija taħt il-ħamrija tal-għelieqi li kienu jinħadmu. Is-sit arkeoloġiku hu magħmul minn erba tempji megalitiċi, kull wieħed ta' perijodu differenti. L-iktar tempju antik jinsab fil-Grigal u nbenda bejn it-3600 u s-sena u t-3200 Q.K. Dan fadal biss traċċi tiegħu u jintgġarfu mill-forma elliptika tipika tat-tempji.

It-tempji tan-Nofsinhar u tal-Lvant inbnew fil-fażi ta' 'Ħal Tarxien', bejn is-sena 3150 u s-sena 2500 Q.K. It-tieni tempju fih tliet apsidi semiċirkolari paralleli, b'passaġġ kbir, filwaqt li t-tielet tempju fih żewġ settijiet paralleli ta' apsidi, b'passaġġ f'direzzjoni parallela ma' dik tal-ewwel tempju. L-ewwel tempju li wieħed jilħaq hekk kif jibda l-viżita tiegħu hu l-aktar sofistikat għax għandu ħafna ħaġar iddisinjat l-aktar bil-forom tal-ispiral.[27] Il-ħaġriet tal-ħitan tqiegħdu ħdejn xulxin bi preċiżjoni kbira u huma impressjonanti ħafna fis-sempliċità tagħhom.[62] F'rokna li tinsab fit-tempju tan-nofs hemm minquxa fuq il-ħajt żewġ barrin u ħanżira. Hemm ukoll kompartiment tal-ġebel ieħor b'ħofra żgħira magħmul bħallikieku l-annimali ż-żgħar kienu sepparati mill-annimali l-kbar. Fl-art hemm ħofra li kienet tingħalaq b'għatu. Din setgħet serviet biex fiha jitqiegħed xi alf għall-annimali li kienu f'dawn il-kompartimenti tat-tempju.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "21 World Heritage Sites you have probably never heard of" (bl-Ingliż). Daily Telegraph. Miġbur 2021-02-01.
  2. ^ "The Prehistoric Archaeology of the Temples of Malta" (bl-Ingliż). Bradshaw Foundation. Miġbur 2021-02-01.
  3. ^ Blouet, The Story of Malta, p. 22
  4. ^ "Prehistoric Temples of Malta". art-and-archaeology.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-01.
  5. ^ Blouet, The Story of Malta, p. 28
  6. ^ "Malta: Ancient Home to Goddesses and Fertility Cults" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-01.
  7. ^ Wettinger, Godfrey (2008). "Stramberiji fl-Ismijiet tal-Inħawi Maltin". L-Imnara. 9 (32): 8.
  8. ^ De Soldanis, Gozo, Ancient and Modern, Religious and Profane, Book I, pp. 86–88
  9. ^ Aquilina, Maltese- English Dictionary, p. 776.
  10. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 5.
  11. ^ ""Maltese Temples". Arkivjat 04-05-2008". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  12. ^ Evans, Malta. Ancient Peoples and Places series, XI, p. 22.
  13. ^ Evans, Malta. Ancient Peoples and Places series, XI, p. 25.
  14. ^ Evans, Malta. Ancient Peoples and Places series, XI, pp. 46-47.
  15. ^ "Monsarrat, Ann (1994). "The stone age temples of Malta". UNESCO Courier". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  16. ^ Renfrew, Ancient Europe is older than we thought, National Geographic, pp. 614-623.
  17. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, pp. 10-11.
  18. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 55.
  19. ^ Bonanno, An illustrated guide to prehistoric Gozo, p. 14.
  20. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, pp. 223-226.
  21. ^ Bonanno, An illustrated guide to prehistoric Gozo, pp. 14-15.
  22. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 72.
  23. ^ Bonanno, An illustrated guide to prehistoric Gozo, p. 15.
  24. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, pp. 226–232.
  25. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 69.
  26. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 58.
  27. ^ a b ""Neolithic temples of Malta"". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  28. ^ a b Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 71.
  29. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 52.
  30. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 99.
  31. ^ Cassar, Joann (2010). 'The use of limestone in historic context', in Smith, Bernard J. (ed.), "Limestone in the Built Environment: Present-day Challenges for the Preservation of the Past". Geographical Society of London, p. 16-18. ISBN 1862392943. ISBN 9781862392946.
  32. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 92.
  33. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 94.
  34. ^ Chalmers, Alan; Debattista, Kurt (2005). Mudge, Mark; Ryan, Nick; Scopigno, Roberto (eds.). Investigating the Structural Validity of Virtual Reconstructions of Prehistoric Maltese Temples. VAST05: The 6th International Symposium on Virtual Reality, Archaeology and Cultural Heritage. Eurographics. pp. 107–112.
  35. ^ ""Malta: the small island of the giants"". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  36. ^ ""Megalithic Temples of Malta – UNESCO World Heritage Centre". Whc.unesco.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  37. ^ ""Malta Temples and The OTS Foundation". Otsf.org". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  38. ^ David Trump et al., Malta Before History (2004: Miranda Publishers)
  39. ^ Trump, Malta: An Archaeological Guide, p. 156.
  40. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 155.
  41. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 154.
  42. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 142.
  43. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 155.
  44. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 137.
  45. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 145.
  46. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 156.
  47. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 159.
  48. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 138.
  49. ^ "Camilleri, Vladimir. "Skorba". niumalta.com. Arkivjat 06-04-2009". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  50. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 28.
  51. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 95.
  52. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 142.
  53. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 98.
  54. ^ ""Heritage Malta: Ħaġar Qim and Imnajdra". Arkivjat 16-09-2008". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  55. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 31.
  56. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 148.
  57. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 103.
  58. ^ ""Malta temples by Mario Vassallo". Arkivjat 06-06-2008". Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  59. ^ "The Megalithic Temples of Malta: Draft Description, Malta: Heritage Malta, p. 3. Arkivjat 20-10-2007" (PDF). Miġbur 2021-02-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  60. ^ Trump, Malta: An archaeological guide, p. 67.
  61. ^ Zammit, Mayrhofer, The Prehistoric Temples of Malta and Gozo, p. 67.
  62. ^ Trump, Cilia, Malta Prehistory and Temples, p. 122.