Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Indja
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Indja rratifikat il-Konvenzjoni fl-14 ta' Novembru 1977, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox l-Indja għandha 43 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 35 kulturali, seba' naturali u wieħed imħallat. L-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Indja żdiedu fl-1983: l-Għerien ta' Ajanta, l-Għerien ta' Ellora, il-Forti ta' Agra, u t-Taj Mahal. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Indja huma l-Moidams – is-Sistema tat-Tumbati Funebri tad-Dinastija Ahom, fl-2024. Fi żminijiet differenti, żewġ siti tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu: is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas tniżżel bejn l-1992 u l-2011 minħabba l-insib u l-attivitajiet tal-milizji Bodo, u l-monumenti f'Hampi tniżżlu bejn l-1999 u l-2006 minħabba riskji miż-żieda fit-traffiku u l-kostruzzjonijiet ġodda fil-madwar. Sit ta' Wirt Dinji wieħed huwa transnazzjonali, ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, li huwa kondiviż ma' sitt pajjiżi oħra.
Siti ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post | Kriterji tal-Għażla | Erja
f'ettari (akri) |
Sena tad-deżinjazzjoni | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|---|
Għerien ta' Ajanta | Maharashtra | kulturali: (i), (ii), (iii), (vi) | — | 1983 | L-Għerien ta' Ajanta jirrappreżentaw kollezzjoni ta' arti Buddista minn żewġ perjodi. L-ewwel monumenti jmorru lura għas-sekli 2 u 1 Q.K. u nħolqu mill-prattikanti tal-Buddiżmu Teravada. Iktar monumenti żdiedu fis-sekli 5 u 6 W.K., matul id-dinastija Vakataka, mill-prattikanti tal-Buddiżmu Maħajana. Il-monumenti huma kapulavuri tal-arti Buddista u kellhom influwenza qawwija fl-Indja u fir-reġjun usa', speċjalment f'Ġava.[5] | |
Għerien ta' Ellora | Maharashtra | kulturali: (i), (iii), (vi) | — | 1983 | L-Għerien ta' Ellora jinkludu 34 tempju u monasteru li tħaffru f'irdum tal-bażalt twil żewġ kilometri (1.2 mil) bejn is-sekli 7 u 11. Peress li nbnew mill-prattikanti tal-Buddiżmu, tal-Induiżmu u tal-Ġainiżmu, joħorġu fid-dieher it-tolleranza reliġjuża tal-perjodu meta nbnew. L-ikbar tempju huwa t-Tempju ta' Kailasa (fl-istampa), li huwa mżejjen b'mod elaborat bl-iskulturi u bil-pitturi.[6] | |
Forti ta' Agra | Uttar Pradesh | kulturali: (iii) | — | 1983 | Il-Forti ta' Agra huwa fortizza imperjali tal-Mugal tas-seklu 16 f'Agra. Ingħata l-konfigurazzjoni attwali tiegħu taħt l-Imperatur Akbar. Il-kumpless fih diversi palazzi (fl-istampa jidher il-Jahangiri Mahal), swali tal-udjenzi, u żewġ moskej. Stilistikament, huwa wieħed mill-ogħla espressjonijiet tal-arkitettura Indo-Iżlamika, b'influwenzi mill-arkitettura Persjana u Timurida.[7] | |
Taj Mahal | Uttar Pradesh | kulturali: (i) | — | 1983 | It-Taj Mahal huwa l-ifjen eżempju tal-arkitettura Indo-Iżlamika. Inbena f'Agra max-xatt tax-xmara Yamuna bħala mawżolew ta' Mumtaz Mahal, il-mara Persjana tal-imperatur Mugal Shah Jahan, bejn l-1631 u l-1648. Ġie ddisinjat minn Ustad Ahmad Lahori u nbena bl-irħam abjad ingastat b'ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż. Il-qabar huwa mdawwar b'erba' minareti weqfin għalihom. Il-kumpless jinkludi wkoll id-daħla prinċipali, moskea, binja għall-mistednin u l-ġonna ta' madwar.[8] | |
Tempju tax-Xemx, Konârak | Odisha | kulturali: (i), (iii), (vi) | — | 1984 | It-tempju Induista nbena fis-seklu 13 u huwa wieħed mill-ifjen eżempji tal-arkitettura Kalinga. Jirrappreżenta l-karru tad-divinità tax-xemx Surja: fuq il-partijiet esterni għandu 24 rota, imnaqqxin fil-ġebel u mżejnin b'mod mirqum, u huwa miġbud minn sitt żwiemel. Motivi dekorattivi oħra jinkludu iljuni, mużiċisti, żeffiena, u xeni erotiċi.[9] | |
Grupp ta' Monumenti ta' Mahabalipuram | Tamil Nadu | kulturali: (i), (ii), (iii), (vi) | — | 1984 | Il-monumenti madwar ir-raħal ta' Mamallapuram inbnew fis-sekli 7 u 8, taħt id-dinastija Pallava. Hemm tipi differenti ta' monumenti: rathas, li huma tempji b'għamla ta' karru (Dharmaraja Ratha), mandapas (tempji mħaffrin fil-blat), riljievi fil-blat, inkluż in-Niżla Kbira tax-Xmara Ganges, it-Tempju tax-Xatt (fl-istampa) u tempji u fdalijiet arkeoloġiċi oħra. L-espressjoni artistika tal-monumenti kienet influwenti fir-reġjun usa', inkluż fil-Kambodja, fil-Vjetnam u f'Ġava.[10] | |
Park Nazzjonali ta' Kaziranga | Assam | naturali: (ix), (x) | — | 1985 | Il-Park Nazzjonali ta' Kaziranga jinsab fil-pjanuri fejn tfur ix-xmara Brahmaputra. Huwa wieħed mill-aqwa santwarji tal-organiżmi selvaġġi fid-dinja, u fih l-ikbar popolazzjoni ta' rinoċeronti Indjani (fl-istampa), kif ukoll tigri, iljunfanti Asjatiċi, bufli selvaġġi tal-ilma, u dniefel tax-xmara Ganges. L-artijiet mistagħdra huma importanti għall-ispeċijiet tal-għasafar tal-passa.[11] | |
Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas | Assam | naturali: (vii), (ix), (x) | — | 1985 | Is-santwarju tul ix-xmara Manas ikopri l-bwar tal-ħaxix fil-pjanuri tal-għargħar u l-foresti fl-artijiet baxxi u fl-għoljiet. Iż-żona għandha bijodiversità rikka u tospita diversi speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni, fosthom ir-rinoċeronti Indjani, l-iljunfanti Asjatiċi (fl-istampa), il-bufli selvaġġi tal-ilma, it-tigri, l-orsijiet Asjatiċi, iċ-ċingjali nani, il-langurs ta' Gee, u l-florikan tal-Bengal. Il-foresti jiġġeddu b'mod kostanti wara l-għargħar u l-bidliet fil-flussi tax-xmara. Bejn l-1992 u l-2011, is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu minħabba l-insib u l-attivitajiet tal-milizji Bodo.[12] | |
Park Nazzjonali ta' Keoladeo | Rajasthan | naturali: (x) | — | 1985 | Il-Park Nazzjonali ta' Keoladeo inizjalment kien riżerva għall-kaċċa tal-papri għall-Maharaja. Huwa art mistagħdra artifiċjali u miżmuma tajjeb. Il-park huwa importanti kemm għall-għasafar residenti kif ukoll għall-għasafar tal-passa, speċjalment l-għasafar tal-ilma. Iżjed minn 350 speċi ta' għasafar ġew irreġistrati fil-park, inkluż 15-il speċi ta' russetti, il-grawwi Siberjan, u l-ajkla l-kbira tat-tikek. Fl-istampa jidher grupp ta' wiżż Indjani u damiġelli jtiru flimkien fil-park. Il-park huwa protett ukoll fil-qafas tal-Konvenzjoni Ramsar.[13] | |
Knejjes u Kunventi ta' Goa | Goa | kulturali: (ii), (iv), (vi) | — | 1986 | Iċ-ċentru storiku ta' Goa kien il-belt kapitali tal-Indja Portugiża, kolonja li damet 450 sena sal-1961. Is-sit jinkludi seba' knejjes u kunventi li nbnew fis-sekli 16 u 17 bi stili Gotiċi, Manwelini, Manjeristi u Barokki, iżda ġew adattati wkoll għat-tekniki u għar-riżorsi lokali. Kienu influwenti fit-tifrix tal-influwenzi arkitettoniċi lejn pajjiż fl-Asja fejn ġew stabbiliti l-missjonijiet Kattoliċi. Il-Bażilika ta' Bom Jesus, fejn huwa midfun il-qaddis San Franġisk Xavier, tidher fl-istampa.[14] | |
Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho | Madhya Pradesh | kulturali: (i), (iii) | — | 1986 | Dan is-sit huwa magħmul minn 23 tempju, kemm Induisti kif ukoll Ġain, li nbnew fis-sekli 10 u 11, matul id-dinastija Chandela. It-tempji nbnew bl-istil Nagara. Ġew imżejna b'mod rikk bit-tinqix u bl-iskulturi tal-ġebel b'motivi sagri u lajċi, inkluż xeni tal-ħajja domestika, mużiċisti, żeffiena u koppji ta' maħbubin. Fl-istampa jidher dettall tat-Tempju ta' Lakshmana.[15] | |
Grupp ta' Monumenti ta' Hampi | Karnataka | kulturali: (i), (iii), (iv) | — | 1986 | Hampi kienet il-belt kapitali tal-Imperu Vijayanagara sa ma ġiet abbandunata wara li r-rikkezzi tagħha nsterqu mis-sultanati tad-Dekkan fl-1565. Għal madwar 200 sena, kienet belt multikulturali prosperuża b'diversi monumenti bi stil Dravidjan kif ukoll Indo-Iżlamiku. Il-fdalijiet jinkludu binjiet reliġjużi u lajċi kif ukoll strutturi difensivi. It-Tempju ta' Virupaksha jidher fl-istampa. Fl-2012 saret bidla żgħira fiż-żona ta' lqugħ tas-sit. Bejn l-1999 u l-2006, is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu minħabba r-riskji taż-żieda fit-traffiku u l-kostruzzjonijiet ġodda.[16] | |
Fatehpur Sikri | Uttar Pradesh | kulturali: (ii), (iii), (iv) | — | 1986 | Għal madwar għaxar snin fit-tieni nofs tas-seklu 16, Fatehpur Sikri kienet il-belt kapitali tal-Imperu tal-Mugal taħt l-Imperatur Akbar, sa ma l-kapitali tressqet lejn Lahore fl-1585 u l-belt fil-biċċa l-kbira ġiet abbandunata. Is-sit jinkludi kollezzjoni kbira ta' monumenti u tempji bl-istil tal-Mugal, bħall-Jama Masjid (id-Daħla għall-Moskea, il-Buland Darwaza, fl-istampa), il-palazz tal-Panch Mahal, u l-Qabar ta' Salim Chishti.[17] | |
Grupp ta' Monumenti ta' Pattadakal | Karnataka | kulturali: (iii), (iv) | — | 1987 | Dan is-sit jinkludi disa' tempji Induisti u tempju Ġain li nbnew fis-sekli 7 u 8 taħt id-dinastija Chalukya. Inbnew bl-istil Chalukya ta' Badami li jagħmel fużjoni tal-influwenzi mit-Tramuntana u min-Nofsinhar tal-Indja. Fl-istampa jidher it-Tempju ta' Virupaksha.[18] | |
Għerien ta' Elephanta | Maharashtra | kulturali: (i), (iii) | — | 1987 | Il-kumpless ta' għerien, li jinsab fil-Gżira ta' Elephanta fil-Port ta' Mumbai, inbena b'mod prinċipali fis-sekli 5 u 6, bi fdalijiet ta' okkupazzjoni umana li jmorru lura għas-seklu 2 Q.K. It-tempji huma ddedikati lil Xiva. L-għerien huma mżejna b'tinqix fuq il-blat u wħud minnhom huma kolossali. Fl-istampa tidher statwa ta' Trimurti Shiva, bid-dvarapalas ma' kull naħa.[19] | |
Tempji Ħajjin Kbar taċ-Ċola | Tamil Nadu | kulturali: (ii), (iii) | — | 1987 | Dan is-sit jinkludi tliet tempji Induisti li nbnew fis-sekli 11 u 12 taħt id-dinastija taċ-Ċola. Dawn jirrappreżentaw uħud mill-aqwa eżempji ta' arkitettura Dravidjana ta' żmien iċ-Ċola. Huma magħmula mill-ġebel u huma mżejna bil-ġebel u bl-iskulturi tal-bronż. Inizjalment, it-Tempju ta' Brihadisvara (fl-istampa) biss kien tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, imbagħad żdiedu żewġ tempji oħra u t-Tempju ta' Airavatesvara fl-2004 u s-sit ingħata t-titlu attwali.[20] | |
Park Nazzjonali tas-Sundarbans | Punent tal-Bengal | naturali: (ix), (x) | — | 1987 | Il-park nazzjonali jkopri l-parti Indjana tas-Sundarbans, id-delta tax-xmajjar Ganges u Brahmaputra. Il-park huwa l-ikbar foresta tal-mangrovji fid-dinja u l-iżjed waħda rikka, fejn ġew irreġistrati madwar 78 speċi ta' mangrovji. Il-park għandu bijodiversità kbira u jospita popolazzjoni kbira ta' tigri tal-Bengal (fl-istampa), u huwa wkoll ħabitat importanti għad-dniefel tax-xmajjar Irrawaddy u Ganges, diversi speċijiet ta' għasafar u fkieren tal-baħar. Fil-Bangladesh, is-Sundarbans huwa mniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO separat.[21] | |
Parks Nazzjonali ta' Nanda Devi u tal-Wied tal-Fjuri | Uttarakhand | naturali: (viii), (x) | — | 1988 | Dan is-sit huwa magħmul minn żewġ parks nazzjonali fil-Punent tal-Himalayas, il-Park Nazzjonali tal-Wied tal-Fjuri (fl-istampa) u l-Park Nazzjonali ta' Nanda Devi. Hemm tipi differenti ta' ħabitats f'altitudni għolja, minn qċaċet għoljin tal-muntanji bħal Nanda Devi, li tlaħħaq is-7,817-il metru (25,646 pied), li hija t-tieni l-ogħla muntanja fl-Indja, għal mergħat Alpini. Apparti l-bosta speċijiet tal-pjanti tal-muntanji, fl-inħawi jgħix l-ors iswed Asjatiku, il-leopard tal-borra, l-ors kannella u l-baral. Il-Park Nazzjonali ta' Nanda Devi oriġinarjament tniżżel waħdu fl-1988 u l-Park Nazzjonali tal-Wied tal-Fjuri żdied fl-2005.[22] | |
Monumenti Buddisti ta' Sanchi | Madhya Pradesh | kulturali: (i), (ii), (iii), (iv), (vi) | — | 1989 | Sanchi huwa wieħed mill-eqdem santwarji Buddisti eżistenti u kien strumentali fit-tifrix tar-reliġjon fis-subkontinent Indjan. Sar importanti taħt l-Imperatur Ashoka tal-Imperu Mawrjan fis-seklu 3 Q.K. Il-fdalijiet ta' pilastru minn dak iż-żmien ġew ippreservati. Stupi (fl-istampa tidher l-Istupa nru 1), palazzi, tempji u monasteri ġew ippreservati fi stati differenti ta' konservazzjoni, u l-biċċa l-kbira jmorru lura għas-sekli 2 u 1 Q.K. Il-belt naqset fl-importanza tagħha fis-seklu 12.[23] | |
Qabar ta' Humayun, Delhi | Delhi | kulturali: (ii), (iv) | — | 1993 | Il-qabar tal-imperatur Mugal Humayun inbena fis-snin 60 tas-seklu 16 u jirrappreżenta l-ewwel eżempju ta' qabar-ġnien fis-subkontinent Indjan, u daħħal elementi tal-ġonna Persjani. Il-mawżolew monumentali b'żewġ koppli jirrappreżenta qabża fl-arkitettura Mugal u huwa l-predeċessur arkitettoniku tat-Taj Mahal. Il-kumpless jinkludi diversi oqbra iżgħar ta' dak iż-żmien. Fl-2016 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[24] | |
Qutb Minar u l-Monumenti tiegħu, Delhi | Delhi | kulturali: (iv) | — | 1993 | Il-kumpless jinkludi diversi monumenti tal-Indja Iżlamika bikrija tas-sekli 13 u 14, meta s-Sultanat ta' Delhi stabbilixxa l-poter fil-pajjiż. Jinkludi l-Qutb Minar, minaret għoli 72.5 metru (238 pied)(fl-istampa), id-daħla magħrufa bħala Alai Darwaza, il-Moskea ta' Quwwat-ul-Islam fejn diversi pilastri tal-ġebel minn tempi Induisti preċedenti ntużaw mill-ġdid b'funzjonijiet oħra, il-pilastru tal-ħadid, u diversi oqbra u monumenti oħra.[25] | |
Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja | Punent tal-Bengal, Tamil Nadu, Himachal Pradesh | kulturali: (ii), (iv) | — | 1999 | Dan is-sit huwa magħmul minn tliet linji ferrovjarji tal-muntanji li nbnew fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20 biex jagħtu aċċess għall-irħula fl-artijiet għoljin. Jirrappreżentaw trasferiment tat-teknoloġija, f'ambjent kolonjali, u l-kostruzzjoni kienet tinvolvi l-bini ta' pontijiet u ta' mini biex il-linji setgħu jgħaddu minn fuq art tassew imħarbta. Il-linji ferrovjarji pprovdew sostenn għal insedjament uman ulterjuri fl-inħawi kull fejn kien hemm il-kollegamenti u għadhom operattivi għalkollox. Il-Linja Ferrovjarja ta' Darjeeling għall-ewwel tniżżlet waħedha fl-1999. Fl-2005 żdiedet il-Linja Ferrovjarja ta' Nilgiri u fl-2008 żdiedet il-Linja Ferrovjarja ta' Kalka-Shimla (fl-istampa).[26] | |
Kumpless tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya | Bihar | kulturali: (i), (ii), (iii), (iv), (vi) | — | 2002 | Il-kumpless tat-tempju Buddist jimmarka s-sit fejn jingħad li l-Buddha kiseb l-illuminiżmu taħt is-Siġra tal-Bodhi. Dan it-tempju jmur lura għas-sekli 5 u 6 W.K. (matul il-perjodu tal-Gupta) u nbena fuq struttura preċedenti kkummissjonata mill-Imperatur Ashoka fis-seklu 3 Q.K. It-tempju huwa għoli 50 metru (160 pied) u huwa magħmul bil-brikks. Kellu influwenza sostanzjali fuq l-iżvilupp tal-arkitettura fis-sekli ta' wara. Wara sekli ta' abbandun u ta' telqa, it-tempju ġie rrestawrat b'mod estensiv fis-seklu 19.[27] | |
Blat Imkenni ta' Bhimbetka | Madhya Pradesh | kulturali: (iii), (v) | — | 2003 | Dan is-sit jinkludi ħames raggruppamenti ta' blat imkenni fl-għoljiet ta' qabel il-katina muntanjuża ta' Vindhya. Jinkludu tpittir fuq il-blat mis-soċjetajiet ta' kaċċaturi-ġemmiegħa tal-Mesolitiku sal-perjodu storiku. Il-villaġġi fil-qrib għad għandhom xi prattiki kulturali li huma simili għal dawk li jidhru fit-tpittir fuq il-blat.[28] | |
Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji (li qabel kien l-Istazzjon ta' Vitorja) | Maharashtra | kulturali: (ii), (iv) | — | 2004 | L-istazzjon ferrovjarju storiku f'Mumbai nbena fl-aħħar tas-seklu 19. Ġie ddisinjat minn Frederick William Stevens bl-istil Gotiku Vitorjan, u silet influwenzi mill-arkitettura Gotika Taljana u żewwiġhom flimkien mal-influwenzi mill-binjiet tradizzjonali Indjani. Kien simbolu tal-ġid ta' Mumbai bħala port kummerċjali ewlieni fi ħdan il-Commonwealth Brittanika.[29] | |
Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh | Gujarat | kulturali: (ii), (iv), (v), (vi) | — | 2004 | Is-sit jinkludi diversi fdalijiet minn diversi perjodi, mill-Kalkolitiku sal-fdalijiet ta' Champaner, belt kapitali għal żmien qasir tas-Sultanat ta' Gujarat fis-seklu 16. Fost il-binjiet importanti nsibu t-tempju Induista ta' Kalika Mata, it-tempji Ġain, u l-Moskea tal-Ġimgħa (fl-istampa) b'elementi arkitettoniċi Induisti u Iżlamiċi, kif ukoll il-fdalijiet ta' sistemi tal-immaniġġjar tal-ilma, fortifikazzjonijiet u tempji tas-seklu 14.[30] | |
Kumpless tal-Forti l-Aħmar | Delhi | kulturali: (ii), (iii), (vi) | — | 2007 | Il-Forti l-Aħmar inbena taħt l-Imperatur tal-Mugal Shah Jahan f'nofs is-seklu 17. Jirrappreżenta l-quċċata tal-arkitettura tal-Mugal, b'fużjoni ta' elementi tal-kultura Indo-Persjana ma' elementi Timuridi. L-arkitettura tiegħu kellha influwenza qawwija fuq il-palazzi u l-ġonna li nbnew wara fir-reġjun. Fil-Forti l-Aħmar seħħew ukoll diversi avvenimenti storiċi. Ir-rikkezzi tiegħu nsterqu u l-funzjoni tiegħu nbidlet parzjalment mill-Brittaniċi. Kien ukoll is-sit fejn ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba l-indipendenza tal-Indja. Fl-istampa tidher id-Daħla ta' Delhi.[31] | |
Jantar Mantar, Jaipur | Rajasthan | kulturali: (iii), (vi) | — | 2010 | Il-Jantar Mantar f'Jaipur huwa l-iżjed osservatorju astronomiku sinifikanti tal-Indja. Imur lura għall-bidu tas-seklu 18, mill-aħħar tal-perjodu tal-Mugal. Hemm madwar 20 strument astronomiku li ġew iddisinjati u nbnew għall-osservazzjonijiet bl-għajnejn tal-pożizzjonijiet tal-istilel u tal-pjaneti. Intuża wkoll bħala l-punt ta' lqugħ ta' kulturi xjentifiċi differenti.[32] | |
Gati tal-Punent | Maharashtra, Karnataka, Kerala, Tamil Nadu | naturali: (ix), (x) | — | 2012 | Il-Gati tal-Punent huma katina muntanjuża tul il-kosta tas-subkontinent Indjan li kienu miksija b'foresti muntanjużi. Fihom bijodiversità kbira u jilqgħu speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni bħat-tigri tal-Bengal, il-makakki ta' Dhole, it-tar ta' Nilgiri u l-langurs ta' Nilgiri. F'termini ta' storja evoluzzjonarja, l-inħawi huma importanti fid-dawl tat-tkisser ta' Gondwana fil-Ġurassiku bikri. Wara, l-Indja kienet massa ta' art iżolata sal-ħabta mal-Plakka Tettonika Ewrasjatika. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi 30 komponent.[33] | |
Fortijiet fl-Għoljiet ta' Rajasthan | Rajasthan | kulturali: (ii), (iii) | — | 2013 | Dan is-sit huwa magħmul minn sitt fortijiet: il-Forti ta' Chittor, il-Forti ta' Kumbhalgarh, il-Forti ta' Ranthambore, il-Forti ta' Gagron, il-Forti ta' Amber (fl-istampa), u l-Forti ta' Jaisalmer, li nbnew bejn is-sekli 8 u 18 mir-renji tar-Rajput. Kellhom stil eklettiku, b'elementi tal-arkitettura tas-Sultanat u tal-Mugal, u kienu influwenti fuq l-istili suċċessivi tal-Imperu Marata. Jinsabu f'ambjenti differenti, pereżempju l-Forti ta' Ranthambore jinsab f'foresta, filwaqt li l-Forti ta' Jaisalmer jinsab f'deżert.[34] | |
Rani-ki-Vav (il-Bir Imtarraġ tar-Reġina) f'Patan, Gujarat | Gujarat | kulturali: (i), (iv) | — | 2014 | Rani-ki-Vav huwa wieħed mill-ifjen eżempji ta' bir imtarraġ, tip elaborat ta' bir fejn l-ilma tal-pjan jiġi aċċessat permezz ta' diversi livelli ta' taraġ. Inbena fis-seklu 11, matul id-dinastija Chaulukya, max-xtut tax-xmara Saraswati fil-belt ta' Patan. Fih seba' livelli, u kull wieħed huwa mżejjen b'tinqix u bi skulturi tal-ġebel, li juru temi u xogħlijiet letterarji reliġjużi u lajċi. Wara l-bidla fil-fluss tax-xmara fis-seklu 13, ma baqax jintuża u mtela' sedimenti, u bis-saħħa ta' dan baqa ppreservat.[35] | |
Żona ta' Konservazzjoni tal-Park Nazzjonali l-Kbir tal-Himalayas | Himachal Pradesh | naturali: (x) | — | 2014 | Il-park nazzjonali jkopri ħabitats mill-qċaċet Alpini tal-Himalayas 'il fuq minn 6,000 metru (20,000 pied) sal-mergħat Alpini u l-foresti qrib ix-xmajjar taħt l-2,000 metru (6,600 pied). B'kollox hemm 25 tip ta' foresta rreġistrata, li jħaddnu fihom raggruppamenti rikki ta' flora u ta' fawna, inkluż bosta speċijiet ta' għasafar, mammiferi, rettili u insetti. Fil-park jgħixu wkoll speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni bħat-tragopan tal-Punent u ċ-ċriev tal-misk.[36] | |
Sit Arkeoloġiku ta' Nalanda Mahavihara f'Nalanda, Bihar | Bihar | kulturali: (iv), (vi) | — | 2016 | Nalanda Mahavihara kienet istituzzjoni Buddista antika tat-tagħlim ta' livell għoli li ġiet stabbilita fis-seklu 5 u li damet sas-serq tar-rikkezzi tagħha fis-seklu 13, għalkemm hemm xi fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura wkoll għas-seklu 3 Q.K. Il-fdalijiet jinkludu santwarji u stupi, vihara (binjiet residenzjali u edukattivi), u opri tal-arti b'materjali differenti. Is-soluzzjonijiet arkitettoniċi u l-approċċi edukattivi kienu influwenti fuq istituzzjonijiet oħra fir-reġjun usa'.[37] | |
Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga | Sikkim | imħallat: (iii), (vi), (vii), (x) | — | 2016 | Il-park nazzjonali jinsab madwar il-Muntanja ta' Khangchendzonga, it-tielet l-ogħla muntanja fid-dinja (8,586 metru (28,169 pied)). Hija muntanja sagra fil-Buddiżmu Tibetan, u żona titqies bħala beyul, art sagra moħbija. Fiha jgħixu komunitajiet etniċi diversi ħafna ta' Sikkim. Minn perspettiva naturali, iż-żona tinkludi bosta ħabitats, minn muntanji għoljin bil-glaċieri għal foresti primordjali antiki, u fiha bosta speċijiet ta' annimali u ta' pjanti.[38] | |
Ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, Kontribut Straordinarju għall-Moviment Modernist* | Chandigarh | kulturali: (i), (ii), (vi) | — | 2016 | Dan is-sit transnazzjonali (kondiviż bejn l-Arġentina, il-Belġju, Franza, l-Iżvizzera, il-Ġermanja, l-Indja, u l-Ġappun) jinkludi 17-il binja tal-arkitett Franċiż-Żvizzeru Le Corbusier. Le Corbusier kien rappreżentant importanti tal-moviment tal-Moderniżmu, li introduċa tekniki arkitettoniċi ġodda sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà li kienet qed tinbidel.[39] | |
Belt Storika ta' Ahmadabad | Gujarat | kulturali: (ii), (v) | — | 2017 | Il-belt ta' Ahmedabad ġiet stabbilita minn Ahmad Shah I fl-1411, sabiex isservi bħala l-belt kapitali tas-Sultanat ta' Gujarat. Kienet il-punt ta' lqugħ ta' bosta reliġjonijiet (l-Induiżmu, l-Iżlam, il-Buddiżmu, il-Ġainiżmu, il-Kristjaneżmu, iż-Żoroastrijaniżmu u l-Ġudaiżmu), u rriżultat f'nisġa urbana unika. L-arkitettura hija bbażata fuq l-injam, u l-kwartieri tipiċi jissejħu pols, u huma ppakkjati ferm bi djar tradizzjonali u b'toroq bix-xatbiet. Fost il-binjiet importanti mill-perjodu tas-Sultanat hemm is-swar tal-Forti ta' Bhadra, il-Moskea ta' Sidi Saiyyed (fl-istampa) u bosta moskej, oqbra u santwarji.[40] | |
Binjiet Gotiċi Vittorjani u tal-Art Deco ta' Mumbai | Maharashtra | kulturali: (ii), (iv) | — | 2018 | Is-sit jinkludi żewġ raggruppamenti ta' binjiet f'Mumbai mill-era tal-Imperu Brittaniku. Il-binjiet pubbliċi bl-istil Gotiku Vitorjan mit-tieni nofs tas-seklu 19 adatta elementi Neo-Gotiċi għall-klima Indjana, u ġew introdotti karatteristiċi bħal gallariji u verandi. Fl-istampa tidher il-binja tal-Qorti Superjuri ta' Bombay. Il-binjiet tal-Art Deco imorru lura għall-bidu tas-seklu 20 u jinkludu swali taċ-ċinema u appartamenti.[41] | |
Belt ta' Jaipur, Rajasthan | Rajasthan | kulturali: (ii), (iv), (vi) | — | 2019 | Jaipur ġiet stabbilita mill-mexxej tar-Rajput Jai Singh II fl-1727. Il-belt inbniet bi pjanta b'għamla ta' grilja, li ġiet ispirata mill-ideali Induisti antiki u tal-Punent, bħala tbegħid mill-arkitettura Medjevali tar-reġjun. Kienet ċentru kummerċjali b'saħħtu u fiha kienu jgħixu bosta artiġjani u artisti. Fost il-binjiet u s-siti importanti tal-belt hemm il-palazz tal-Hawa Mahal (fl-istampa), it-Tempju ta' Govind Dev Ji, il-Palazz tal-Belt, u l-Jantar Mantar, li huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO separat.[42] | |
Tempju ta' Kakatiya Rudreshwara (Ramappa), Telangana | Telangana | kulturali: (i), (iii) | — | 2021 | It-tempju Induista ddedikat lil Xiva nbena fl-ewwel nofs tas-seklu 13 taħt id-dinastija Kakatiya. Huwa mżejjen b'tinqix fil-ġebel u bi skulturi tal-granit u tad-dolerit li juru d-drawwiet taż-żfin reġjonali. F'konformità mal-prattiki Induisti, it-tempju nbena b'armonija mal-ambjent ta' madwaru.[43] | |
Dholavira: Belt Harappana | Gujarat | kulturali: (iii), (iv) | — | 2021 | Dholavira kienet waħda miċ-ċentri taċ-ċivilizzazzjoni Harappani bejn it-tielet millenju sa nofs it-tieni millenju Q.K, fi Żmien il-Bronż. Il-fdalijiet jinkludu belt iffortifikata u ċimiterju, u hemm fdalijiet ta' binjiet u ta' sistemi tal-immaniġġjar tal-ilma. Il-pożizzjoni tal-belt intgħażlet minħabba s-sorsi ta' minerali prezzjużi fil-qrib. Il-belt kellha rabtiet kummerċjali ma' bliet oħra fir-reġjun u saħansitra sal-Mesopotamja. Is-sit ġie skopert mill-ġdid fl-The site was rediscovered in 1968.[44] | |
Santiniketan | Punent tal-Bengal | kulturali: (iv), (vi) | — | 2023 | Santiniketan ġie stabbilit bħala ashram minn Debendranath Tagore fit-tieni nofs tas-seklu 19 u mbagħad żviluppa bħala raħal universitarju tal-Università ta' Visva-Bharati. Huwa kkollegat mal-ħajja u mal-filosofija ta' iben Debendranath, Rabindranath Tagore, il-figura ewlenija tar-Rinaxximent Bengali. Fl-istampa tidher is-sala tat-talb.[45] | |
Kumplessi Sagri tal-Hoysala | Karnataka | kulturali: (i), (ii), (iv) | — | 2023 | Dan is-sit huwa magħmul minn żewġ raggruppamenti ta' monumenti (f'Belur u f'Halebidu), u t-Tempju ta' Keshava f'Somanathapura, li jmorru lura għal żmien l-Imperu tal-Hoysala, bejn is-sekli 11 u 14. L-arkitettura tal-Hoysala żżewweġ l-elementi tal-arkitettura Dravidjana mal-influwenzi mit-Tramuntana tal-Indja. It-tempji nbnew mis-segwaċi tal-Vixniżmu, tax-Xiviżmu, u tal-Ġainiżmu, u ġew imżejna b'mod rikk bi skulturi u b'tinqix fil-ġebel. It-Tempju ta' Chennakeshava f'Belur (fl-istampa) għadu sit importanti tal-pellegrinaġġi.[46] | |
Moidams – is-Sistemi tat-Tumbati Funebri tad-Dinastija Ahom | Assam | kulturali: (iii), (iv) | — | 2024 | Charaideo kienet il-belt kapitali tad-dinastija Ahom (1228–1826), u fit-tumbati funebri kienu jindifnu l-irjali u n-nobbli skont it-twemmin tal-poplu Tai-Ahom.[47] |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "India - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ajanta Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ellora Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Agra Fort". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Taj Mahal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sun Temple, Konârak". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Group of Monuments at Mahabalipuram". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kaziranga National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Manas Wildlife Sanctuary". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Keoladeo National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches and Convents of Goa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Khajuraho Group of Monuments". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Group of Monuments at Hampi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Fatehpur Sikri". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Group of Monuments at Pattadakal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Elephanta Caves". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Great Living Chola Temples". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sundarbans National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Nanda Devi and Valley of Flowers National Parks". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Buddhist Monuments at Sanchi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Humayun's Tomb, Delhi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Qutb Minar and its Monuments, Delhi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mountain Railways of India". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mahabodhi Temple Complex at Bodh Gaya". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Shelters of Bhimbetka". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Chhatrapati Shivaji Terminus (formerly Victoria Terminus)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Champaner-Pavagadh Archaeological Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Red Fort Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Jantar Mantar, Jaipur". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Western Ghats". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Hill Forts of Rajasthan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rani-ki-Vav (the Queen’s Stepwell) at Patan, Gujarat". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Great Himalayan National Park Conservation Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Nalanda Mahavihara at Nalanda, Bihar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Khangchendzonga National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Architectural Work of Le Corbusier, an Outstanding Contribution to the Modern Movement". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic City of Ahmadabad". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Victorian Gothic and Art Deco Ensembles of Mumbai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Jaipur City, Rajasthan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kakatiya Rudreshwara (Ramappa) Temple, Telangana". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Dholavira: a Harappan City". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Santiniketan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-24.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "India - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-24.
- ^ "Moidams – the Mound-Burial System of the Ahom Dynasty". whc.unesco.org. Miġbur 2024-07-29.