Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fis-Sri Lanka

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Belt Antika ta' Sigiriya.

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Is-Sri Lanka rratifikat il-Konvenzjoni fis-6 ta' Ġunju 1980, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

B'kollox is-Sri Lanka għandha tmien Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, sitta kulturali u tnejn naturali. L-ewwel tliet Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mis-Sri Lanka żdiedu fl-1982: il-Belt Antika ta' Polannaruwa, il-Belt Antika ta' Sigiriya, u l-Belt Sagra ta' Anuradhapura. L-iżjed sit li żdied reċentement mis-Sri Lanka huwa l-Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka, fl-2010.

Siti ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Kriterji tal-Għażla Erja

f'ettari (akri)

Sena tad-deżinjazzjoni Deskrizzjoni
Belt Sagra ta' Anuradhapura A large Buddhist stupa Reġjun Ċentrali tat-Tramuntana kulturali: (ii), (iii), (vi) 1982 Anuradhapura kienet l-ewwel belt kapitali tas-Sri Lanka u ċentru spiritwali Buddist. Ġiet stabbilita fis-seklu 4 Q.K. Ġiet attakkata mit-Tamil fis-seklu 2 Q.K. u r-rikkezzi tagħha nsterqu mill-Pandja fis-seklu 9 W.K. Il-monumenti ġew irrestawrati sussegwentement iżda l-belt finalment inqerdet fid-993 mill-imperatur taċ-Ċola Rajaraja I u l-belt kapitali ġiet ittrasferita lejn Polonnaruwa. Fis-sekli ta' wara l-fdalijiet inħakmu mill-veġetazzjoni tal-ġungla. Fost il-monumenti li għad fadal illum il-ġurnata nsibu l-monasteru ta' Abhayagiri (fl-istampa) u l-istupa ta' Ruwanwelisaya, kif ukoll is-siġra ta' Jaya Sri Maha Bodhi, siġra li kibret minn biċċa mlaqqma mis-siġra oriġinali li l-Buddha jingħad li kiseb l-illuminiżmu.[5]
Belt Antika ta' Polonnaruwa Ruins of a Buddhist temple Reġjun Ċentrali tat-Tramuntana kulturali: (i), (iii), (vi) 1982 Wara l-qerda ta' Anuradhapura mid-dinastija taċ-Ċola, Polonnaruwa saret il-belt kapitali tar-renju taċ-Ċola taħt Vijayabahu I. Għad fadal diversi tempji u skulturi tal-bronż Induisti ta' dak iż-żmien. Il-belt esperjenzat l-aqwa perjodu tagħha fis-seklu 12 taħt Parakramabahu I, meta nbnew bosta monumenti u tempji Buddisti, inkluż il-Vatadage (fl-istampa), tempju li fl-imgħoddi kien jospita fih ir-relikwa ta' sinna tal-Buddha. Il-belt qabdet it-triq tan-niżla fis-seklu 13.[6]
Belt Antika ta' Sigiriya A large granite rock with people walking toward it Reġjun Ċentrali kulturali: (ii), (iii), (iv) 1982 Għal żmien qasir Sigiriya kienet il-belt kapitali tar-Re Kashyapa, li rrenja bejn l-477 u l-495, wara li ordna biex missieru, ir-Re Dhatusena, jinqatel. Il-belt inbniet fuq u madwar il-"Blata tal-iljun", blata vulkanika tal-granit għolja 180 metru (590 pied). Wara t-telfa li ġarrab Kashyapa minn ħuh Moggallana I, is-sit ġie rritornat lill-patrijiet Buddisti li qabel kienu għexu fil-grotti tal-inħawi. Illum il-ġurnata, is-sit jinsab fi stat ta' fdalijiet, u ġew ippreservati partijiet biss tal-fortifikazzjonijiet u tal-binjiet, flimkien ma' affreski li jirrappreżentaw figuri femminili. L-istil ta' dawn l-affreski kien influwenti fis-sekli ta' wara.[7]
Belt Sagra ta' Kandy A Buddhist temple in white stone and a flag in front Reġjun Ċentrali kulturali: (iv), (vi) 1988 Kandy ġiet stabbilita fis-seklu 14 u serviet bħala l-belt kapitali tar-renju ta' Kandy mill-1592 sal-1815, meta l-Brittaniċi daħlu fiha. Għadha l-belt kapitali reliġjuża Buddista tas-Sri Lanka u ċentru tal-pellegrinaġġi. Skont tradizzjoni antika tat-trasferiment tar-relikwi meta tinbidel il-belt kapitali, ir-relikwa ta' sinna tal-Buddha nħażnet fit-Tempju tas-Sinna (fl-istampa), u l-istruttura attwali tmur lura għal nofs is-seklu 18. Monumenti oħra jinkludu l-Palazz Irjali u diversi tempji Buddisti.[8]
Riżerva Forestali ta' Sinharaja Look at a rain forest from above Sabaragamuwa u r-Reġjun tan-Nofsinhar naturali: (ix), (x) 1988 Ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja tħaddan fiha wħud mill-aħħar foresti tropikali relattivament mhux mimsusa tas-Sri Lanka. Il-flora hija relitt tas-superkontinent ta' Gondwanaland tal-qedem, u hija importanti għall-istudju tal-evoluzzjoni bijoloġika u ċ-ċaqliq kontinentali. Il-widien u ż-żoni iktar baxxi huma miksija bi speċijiet Dipterocarpus filwaqt li foresti sekondarji u arbuxxelli jiksu ż-żoni fejn tneħħiet il-foresta oriġinali. Iż-żona tospita bosta speċijiet endemiċi ta' għasafar, mammiferi, friefet u anfibji.[9]
Raħal Antik ta' Galle u l-Fortifikazzjonijiet tiegħu Aerial photo of Galle fort Reġjun tan-Nofsinhar kulturali: (iv) 1988 Ir-raħal ta' Galle ġie stabbilit mill-Portugiżi li bnew l-ewwel fortifikazzjonijiet hemmhekk fl-aħħar tas-seklu 16. Il-Kumpanija Olandiża tal-Lvant tal-Indja ħakmet il-forti fl-1640 u bniet swar tal-ġebel bil-bastjuni, u lir-raħal tatu l-konfigurazzjoni attwali. Galle ġie żviluppat l-iktar fis-seklu 18, meta kien jospita 500 familja u kellu binjiet amministrattivi u mħażen kbar. Ir-raħal ingħata lill-Brittaniċi fl-1796. Galle huwa l-aqwa eżempju ppreservat ta' raħal iffortifikat mibni mill-Ewropej fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja. L-arkitettura tirrappreżenta fużjoni ta' tradizzjonijiet reġjonali u Ewropej bejn is-sekli 16 u 19. Waħda mill-karatteristiċi importanti hija sistema tad-dranaġġ li kienet tuża l-ilma baħar għall-ifflaxxjar.[10]
Tempju tal-Għar ta' Dambulla f'Rangiri Stupa with sitting Buddhas around it in a cave with painted walls Reġjun Ċentrali kulturali: (i), (iv) 1991 Il-monasteru fl-għar huwa l-ikbar kumpless Buddist fis-Sri Lanka u l-iktar wieħed ippreservat, filwaqt li huwa sit importanti għall-pellegrinaġġi. Ġie abitat mill-patrijiet Buddisti mis-seklu 3 Q.K. Jinkludi ħames santwarji mibnija f'għerien naturali. Is-santwarji sarulhom sensiela ta' rinnovazzjonijiet, u l-bixra attwali tmur lura għas-seklu 18. Fihom eżempji straordinarji ta' arti reliġjuża, inkluż statwi u affreski bl-istil tal-iskola tal-arti ta' Kandy.[11]
Artijiet Għoljin Ċentrali tas-Sri Lanka A mountain from far Reġjun Ċentrali u Sabaragamuwa naturali: (ix), (x) 2010 Dan is-sit jinkludi tliet żoni eżistenti li huma l-inqas mimsusa fost il-foresti tropikali muntanjużi u submuntanjużi tas-Sri Lanka: iż-Żona Protetta u Selvaġġa tal-Quċċata (il-Quċċata ta' Adam fl-istampa), il-Park Nazzjonali tal-Pjanuri ta' Horton, u l-Foresta tal-Konservazzjoni ta' Knuckles. L-inħawi huma rikki ħafna fil-bijodiversità u jospitaw diversi speċijiet endemiċi, inkluż il-langur ta' wiċċu vjola, il-leopard tas-Sri Lanka, u bosta molluski, rettili u anfibji.[12]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sri Lanka - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-10.
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sacred City of Anuradhapura". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Polonnaruwa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient City of Sigiriya". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sacred City of Kandy". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sinharaja Forest Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old Town of Galle and its Fortifications". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rangiri Dambulla Cave Temple". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Highlands of Sri Lanka". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-11.