Qabar ta' Humayun
Il-Qabar ta' Humayun (bil-Persjan: Maqbara-i Humayun) huwa l-qabar tal-Imperatur Mugal Humayun u jinsab f'Delhi, l-Indja.[1] Il-qabar ġie kkummissjonat mill-ewwel mara u l-konsorti ewlenija ta' Humayun, l-Imperatriċi Bega Begum taħt il-patroċinju tagħha fl-1558[2][3][4][5][6], u ġie ddisinjat minn Mirak Mirza Ghiyas u minn ibnu Sayyid Muhammad[7], arkitetti Persjani magħżula minnha.[8][9] Kien l-ewwel ġnien-qabar fis-subkontinent Indjan, u jinsab fil-Lvant ta' Nizamuddin, Delhi, l-Indja, qrib iċ-Ċittadella ta' Dina-panah, magħrufa wkoll bħala l-Purana Qila (il-Forti l-Antik), li Humayun stabbilixxa fl-1538. Kien ukoll l-ewwel struttura fejn intuża l-ġebel tar-ramel ħamrani fuq skala daqstant kbira.[10][11] Il-qabar ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993[5], u minn dak iż-żmien sarlu xogħol estensiv ta' restawr.[12] Apparti l-binja prinċipali tal-qabar ta' Humayun, hemm diversi monumenti iżgħar tul il-mogħdija li twassal sal-qabar, mid-daħla prinċipali fil-Punent, inkluż wieħed li saħansitra nbena 20 sena qabel il-qabar prinċipali. Dan huwa l-kumpless tal-qabar ta' Isa Khan Niyazi, nobbli Afgan fil-qorti ta' Sher Shah Suri tad-dinastija Suri li ġġieled kontra l-Mugal, li nbena fl-1547 W.K.
Il-kumpless jinkludi l-qabar prinċipali tal-Imperatur Humayun, fejn huma midfuna wkoll l-Imperatriċi Bega Begum, Hajji Begum, kif ukoll Dara Shikoh, il-proproneputi ta' Humayun u iben l-Imperatur Shah Jahan li ġie warajh, flimkien ma' bosta Mugal sussegwenti oħra, fosthom l-Imperatur Jahandar Shah, Farrukhsiyar, Rafi Ul-Darjat, Rafi Ud-Daulat, Muhammad Kam Bakhsh u Alamgir II.[13][14] Kien jirrappreżenta qabża kbira 'l quddiem fl-arkitettura Mugal, u flimkien mal-ġnien ta' Charbagh tiegħu, ġnien tipiku Persjan li kien għad qatt ma kien hemm bħalu fl-Indja, ħoloq preċedent għall-arkitettura Mugal ta' warajh. Jitqies bħala tluq ċar mill-mawżolew pjuttost mudest ta' missieru, l-ewwel Imperatur Mugal, Babur, imsejjaħ Bagh-e Babur (Ġonna ta' Babur) f'Kabul, l-Afganistan. Għalkemm dan tal-aħħar kien l-ewwel Imperatur li beda t-tradizzjoni li jindifen fi ġnien qisu ġenna.[15][16] Immudellat fuq il-Gur-e Amir, il-qabar tal-antenat tiegħu u l-konkwistatur tal-Asja Timur f'Samarkanda, l-Użbekistan, ħoloq preċedent għall-arkitettura Mugal futura tal-mawżolej irjali, li laħqet il-qofol tagħha bit-Taj Mahal f'Agra.[17][18][19]
Is-sit intgħażel max-xtut tax-xmara Yamuna, minħabba li kien qrib in-Nizamuddin Dargah, il-mawżolew tal-qaddis Sufist magħruf ta' Delhi, Nizamuddin Auliya, li kien venerat ferm mill-mexxejja ta' Delhi, u li r-residenza tiegħu, Chilla Nizamuddin Auliya, tinsab lejn il-Grigal tal-qabar. Iktar 'il quddiem fl-istorja Mugal, l-aħħar Imperatur Mugal, Bahadur Shah Zafar, fittex refuġju hemmhekk matul ir-Ribelljoni Indjana tal-1857, flimkien ma' tliet prinċpijiet, u nqabad mill-Kaptan Hodson qabel ma ġie eżiljat lejn Rangoon, il-Myanmar.[20] Fi żmien id-Dinastija tal-Iskjavitù din l-art kienet taħt il-"Forti ta' Kilokheri" li kienet il-belt kapitali tas-Sultan Qaiqabad, iben Nasiruddin (1268-1287).
L-oqbra tal-kumpless ta' Battashewala jinsabu fiż-żona ta' lqugħ tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; iż-żewġ kumplessi huma sseparati minn triq żgħira iżda huma mdawra b'ħajt separat tagħhom stess.[21]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Wara mewtu fis-27 ta' Jannar 1556, ġisem Humayun indifen fil-palazz tiegħu f'Purana Quila, Delhi. Imbagħad ittieħed lejn Sirhind, f'Punjab, minn Khanjar Beg, u fl-1558 ittieħed qrib iben Humayun, l-Imperatur Mugal ta' dak iż-żmien, Akbar. Akbar sussegwentement żar il-qabar fl-1571, meta kien kważi tlesta għalkollox.[22][23][24]
Il-Qabar ta' Humayun inbena skont l-ordnijiet tal-ewwel mara u l-konsorti ewlenija tiegħu, l-Imperatriċi Bega Begum (magħrufa wkoll bħala Haji Begum). Il-kostruzzjoni bdiet fl-1565 u tlestiet fl-1572; il-proġett sewa 1.5 miljun rupee, li tħallsu kompletament mill-Imperatriċi.[25] Bega Begum tant kienet itturufnata bil-mewt tar-raġel tagħha li mbagħad iddedikat ħajjitha għal skop wieħed: il-kostruzzjoni ta' mafkar għalih li kellu jkun l-iżjed mawżolew grandjuż fl-Imperu, f'sit qrib ix-xmara Yamuna f'Delhi.[26] Skont l-Ain-i-Akbari, dokument iddettaljat tas-seklu 16 li nkiteb matul ir-renju ta' Akbar, Bega Begum issorveljat il-kostruzzjoni tal-qabar wara li ġiet lura minn pellegrinaġġ tal-Hajj lejn Mekka.[27]
Skont Abd al-Qadir Bada'uni, wieħed mill-ftit storiċi kontemporanji li semma l-kostruzzjoni tal-qabar, ġie ddisinjat mill-arkitett Persjan Mirak Mirza Ghiyas (magħruf ukoll bħala Mirak Ghiyathuddin), li ntgħażel mill-Imperatriċi u li ġie minn Herat (fil-Majjistral tal-Afganistan); preċedentement kien iddisinja diversi binjiet f'Herat, f'Bukhara (l-Użbekistan), u oħrajn fl-Indja. Ghiyas miet qabel ma tlestiet l-istruttura, u mbagħad tlestiet minn ibnu, Sayyed Muhammad ibn Mirak Ghiyathuddin.
Merkant Ingliż, William Finch, li żar il-qabar fl-1611, jiddeskrivi li l-qabar kien mgħammar b'mod rikk minn ġewwa fil-kompartiment ċentrali (filwaqt li llum il-ġurnata bilkemm hemm tiżjin). Huwa jsemmi l-preżenza ta' twapet lussużi, kif ukoll ta' shamiana, tinda żgħira fuq iċ-ċenotaffju qisha baldakkin, li kienet mgħottija b'liżar abjad silġ, u l-preżenza ta' kopji tal-Koran fuq quddiem u x-xabla, it-turban u ż-żraben ta' Humayun.
Is-seħer tal-ġnien famuż ta' Charbagh (litteralment, erba' ġonna) kien magħmul minn erba' għamliet kwadri sseparati minn erba' fetħiet qishom btieħi, li jirradjaw 'il barra minn vaska ċentrali bir-rifless tal-qabar. Il-ġnien kien mifrux fuq 13-il ettaru madwar il-monument, u ġie mmodifikat kemm-il darba matul is-snin wara l-kostruzzjoni tiegħu. Il-belt kapitali diġà kienet ġiet ittrasferita lejn Agra fl-1556, u d-deklin tal-Mugal għaġġel it-telqa tal-monument u tal-karatteristiċi tiegħu, peress li ż-żamma tal-ġnien kienet għalja u prattikament impossibbli. Sal-bidu tas-seklu 18, il-ġonna li qabel kienu miżmuma sew ġew sostitwiti minn ġnien tal-uċuħ ir-raba' tan-nies li kienu insedjaw ruħhom fi ħdan iż-żona tal-qabar imdawra bil-ħajt. Madankollu, il-qbid tal-aħħar Imperatur Mugal, Bahadur Shah Zafar, matul ir-Ribelljoni Indjana tal-1857 flimkien mal-kumpless, flimkien mal-eżilju sussegwenti tiegħu u l-ġustizzjar tat-tliet ulied subien tiegħu, wasslu għall-agħar jiem tal-monument fl-istorja, meta l-Brittaniċi ħadu l-kontroll totali ta' Delhi. Fl-1860, id-disinn Mugal tal-ġnien reġa' ġie stabbilit bi stil iktar ta' ġnien Ingliż, bi ċrieki minflok il-vaski ċentrali bl-ilma tul il-mogħdijiet assjali u tħawlu s-siġar u nżergħu l-fjuri. Dan treġġa' lura fil-bidu tas-seklu 20, meta skont l-ordnijiet tal-Viċirè Lord Curzon il-ġonna oriġinali ġew irrestawrati f'proġett kbir ta' restawr bejn l-1903 u l-1909, li kien jinkludi wkoll il-kisi tal-kanali tal-ġibs bil-ġebel tar-ramel; skema ta' tħawwil li saret fl-1915 żiedet iktar enfasi fuq l-assi ċentrali u djagonali billi tħawlu s-siġar, għalkemm xi siġar tħawlu wkoll fuq il-pjattaforma li oriġinarjament kienet riżervata għat-tined.
Fl-1882, il-kuratur uffiċjali tal-monumenti antiki fl-Indja ppubblika l-ewwel rapport tiegħu, fejn semma li l-ġnien prinċipali nkera lil diversi kultivaturi; fosthom kien hemm ukoll id-dixxendenti rjali, li kabbru l-kaboċċi u t-tabakk fih.[28]
Fil-bijografija ta' Lord Curzon, imfassla minn Ronaldshay, tiġi kkwotata ittra minn Lord Curzon lil martu f'April 1905: "Tiftakar il-Qabar ta' Humayun? Jien kont irrestawrajt il-ġnien, ordnajt li jitħaffru l-kanali tal-ilma u jerġgħu jimtlew mill-ġdid biex b'hekk il-kumpless kollu jerġa' jkollu l-bixra u s-seħer oriġinali tiegħu. Is-sajf li għadda mort l-Ingilterra, u ladarba ma kellix iktar għajnejja fuq il-ġnien, kollox reġa' ġie mitluq. Il-ġnien ġie mikri lil wieħed tal-post u issa jitkabbru l-ġdur u x-xogħol ta' erba' snin spiċċa fix-xejn! Se mmur hemmhekk, u nitbikkem għand id-deputat kummissarju responsabbli minħabba l-apatija tiegħu".
Matul id-Diviżjoni tal-Indja, f'Awwissu 1947 il-Purana Qila flimkien mal-Qabar ta' Humayun, saru kampijiet ewlenin tar-refuġjati Musulmani fi triqithom lejn il-Pakistan li kien għadu kemm ġie stabbilit, u iktar 'il quddiem ġie ġestit mill-gvern tal-Indja. Dawn il-kampijiet baqgħu miftuħin għal madwar ħames snin, u kkawżaw ħsara konsiderevoli mhux biss lill-ġonna estensivi, iżda anke lill-kanali tal-ilma u lill-istrutturi prinċipali. Il-kampijiet ġew attakkati bosta drabi mill-jatha li kkawżaw vandaliżmu matul l-ewwel jiem tad-diviżjoni fl-1947. Eventwalment, sabiex jiġi evitat il-vandaliżmu, iċ-ċenotaffji fi ħdan il-mawżolew ġew miksija bil-brikks. Fis-snin ta' wara, l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (bl-Ingliż: Archaeological Survey of India (ASI)) ingħata r-responsabbiltà tal-preservazzjoni tal-monumenti li huma wirt kulturali tal-Indja, u gradwalment il-binja u l-ġonna tagħha ġew irrestawrati. Sal-1985, saru erba' tentattivi li ma rnexxewx biex jerġgħu jinbnew il-karatteristiċi oriġinali tal-ilma.[29]
Fażi importanti fir-restawr tal-kumpless bdiet għall-ħabta tal-1993, meta l-monument ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dan wassal għal interess ġdid fir-restawr tiegħu, u beda proċess ta' riċerka u skavi dettaljati taħt il-patroċinju tal-Aga Khan Trust u l-ASI. Dan laħaq il-qofol tiegħu fl-2003, meta l-biċċa l-kbira tal-kumpless ġie rrestawrat, u l-funtani storiċi reġgħu bdew jaħdmu wara sekli sħaħ ma jintużawx. Ir-restawr kien proċess kontinwu minn dak iż-żmien, b'fażijiet sussegwenti li indirizzaw diversi aspetti u monumenti tal-kumpless.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Qabar ta' Humayun ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2016.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]It-tmexxija Torka u Mugal fis-subkontinent Indjan daħħlu wkoll stili tal-arkitettura Iżlamika tal-Asja Ċentrali u tal-Persja fir-reġjun, u sal-aħħar tas-seklu 12 bdew jitfaċċaw monumenti bikrin b'dan l-istil f'Delhi u qrib Delhi, il-belt kapitali tas-Sultanat ta' Delhi. Id-dinastija Torka tal-Iskjavitù bniet il-Qutb Minar (1192) u l-moskea biswitu ta' Quwwat-ul-Islam (1193 W.K.). It-Tramuntana tal-Indja suċċessivament ġiet immexxija minn dinastiji barranin fis-sekli ta' wara, u dan wassal għall-arkitettura Indo-Iżlamika. Filwaqt li l-istil prevalenti tal-arkitettura kien stil bil-pilastri, bix-xorok u bid-daħliet, bil-mod il-mod beda jidħol l-istil ta' kostruzzjoni bil-ħnejjiet u bix-xorok, li ffjorixxa taħt il-patroċinju Mugal, u ġew inkorporati elementi tal-arkitettura Indjana, speċjalment l-arkitettura tar-Rajasthan, li tinkludi kileb dekorattivi, gallariji, tiżjin b'pendenti kif ukoll chhatris, sabiex ġie żviluppat stil arkitettoniku Mugal distint, li mbagħad sar legat dejjiemi tat-tmexxija Mugal. Il-kombinament tal-ġebel tar-ramel ħamrani u l-irħam abjad intuża qabel f'għadd ta' oqbra u moskej tas-Sultanat ta' Delhi, speċjalment fil-binja dekorattiva ferm ta' Alai Darwaza fil-kumpless tal-Qutb Minar, Mehrauli, li nbniet fl-1311 taħt id-dinastija Khalji.[30]
Il-ħajt għoli tas-sejjieħ li nbena jista' jiġi aċċessat permezz ta' żewġ daħliet kbar, għoljin żewġ sulari, fil-Punent u fin-Nofsinhar. Id-daħliet huma għoljin 16-il metru u għandhom kmamar fuq kull naħa tal-passaġġ u btieħi żgħar fis-sulari ta' fuq. Il-qabar, mibni bil-ġebel tar-ramel ħamrani, juża l-irħam abjad bħala materjal tat-tlibbis tal-binja kif ukoll għall-art, għall-jaali (il-ħitan diviżorji qishom bizzilla), il-koxox tal-bibien, iċ-chhajja, u l-koppla prinċipali. Il-koppla hija mirfuda fuq terrazza bil-volti għolja tmien metri u l-kumpless tal-qabar huwa mifrux fuq 12,000 m2. Essenzjalment id-disinn huwa wieħed kwadru, għalkemm huwa ċċanfrinat fit-truf biex jidher ottagonali, sabiex jitħalla post għad-disinn tal-istruttura interna. Il-bażi kwadra fiha sitta u ħamsin ċella mad-dawra kollha u fiha iktar minn 100 lapida. L-istruttura sħiħa tal-bażi tinsab fuq pjattaforma olzata, b'għoli ta' ftit tarġiet.
Ispirat mill-arkitettura Persjana, il-qabar ilaħħaq għoli ta' 47 metru (154 pied) u l-bażi hija wiesgħa 91 metru (299 pied). Il-qabar kien l-ewwel binja fl-Indja fejn intużat il-koppla doppja Persjana fuq tanbur b'għonq għoli. Il-koppla fiha 42.5 metru (139 pied) u fil-quċċata tagħha għandha qisu arblu tar-ram isfar għoli sitt metri (20 pied) b'nofs qamar fuqu, xi ħaġa pjuttost komuni fl-oqbra bl-istil ta' Timur fl-Asja Ċentrali. Il-koppla doppja jew "b'żewġ saffi" għandha saff estern li jirfed l-irħam abjad kollu fuq barra, filwaqt li s-saff ta' ġewwa jagħti l-għamla lill-volum ta' ġewwa. B'kuntrast mal-koppla bajda silġ ta' barra, il-bqija tal-binja hija magħmula bil-ġebel tar-ramel ħamrani, b'xi dettalji bl-irħam abjad u iswed u bil-ġebel tar-ramel safrani, biex il-binja ma tkunx monotona.[31]
Id-disinn simetriku u sempliċi fuq barra joħloq kuntrast kbir mal-pjanta tal-binja fuq ġewwa tal-kmamar interni, b'disa' għamliet kwadri, fejn tmien kompartimenti bil-volti għoljin żewġ sulari jirradjaw mill-kompartiment ċentrali b'koppla b'għoli doppju. Wieħed jista' jaċċessa dan il-kompartiment permezz ta' daħla għolja imponenti jew iwan fin-Nofsinhar, kemxejn iktar lura, filwaqt li n-naħat l-oħra huma miksija b'jaali (ħitan diviżorji qishom bizzilla) elaborati. Taħt din il-koppla bajda hemm kompartiment b'koppla (hujra), fejn hemm is-sepulkru ottagonali ċentrali, il-kamra funebri b'ċenotaffju wieħed, tat-tieni Imperatur Mugal, Humayun. Iċ-ċenotaffju huwa allinjat tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, skont it-tradizzjoni Iżlamika, filwaqt li r-ras tħares lejn it-Tramuntana u l-wiċċ huwa mdawwar laġenba fid-direzzjoni ta' Mekka. Madankollu, il-kamra funebri reali tal-Imperatur tinsab f'kompartiment taħt l-art, eżatt taħt iċ-ċenotaffju ta' fuq, li huwa aċċessibbli permezz ta' passaġġ separat 'il barra mill-istruttura prinċipali, li normalment tkun magħluqa għall-pubbliku. Din it-teknika funebri flimkien mal-pietra dura, jiġifieri t-tiżjin bl-intarsjar tal-irħam u tal-ġebel b'diversi għamliet ġeometriċi u Arabeski fil-faċċata kollha, huwa legat importanti tal-arkitettura Indo-Iżlamika, u ffjorixxa fil-bosta mawżolej tal-Imperu Mugal li nbnew wara, bħat-Taj Mahal, li fih ukoll ċenotaffji doppji u xogħol tal-artiġjanat bil-pietra dura.
Il-kompartiment prinċipali fih ukoll element simboliku, disinn ta' mihrab fuq il-ħajt diviżorju ċentrali tal-irħam jew il-jaali, li jħares lejn id-direzzjoni ta' Mekka fil-Punent. Minflok il-kitbiet tradizzjonali tas-Sura 24 ta' An-Noor tal-Koran fuq id-diversi mihrab, dan huwa biss kontorn li jħalli d-dawl jidħol direttament fil-kompartiment, mill-Qibla jew id-direzzjoni ta' Mekka, u b'hekk l-istatus tal-Imperatur jiġi elevat 'il fuq minn dak tar-rivali tiegħu u eqreb lejn id-divinità.
Dan il-kompartiment bis-saqaf għoli tiegħu jinsab fi ħdan erba' kompartimenti ottagonali prinċipali b'żewġ sulari, stabbiliti fid-djagonali bi kmamar bil-ħnejjiet li jagħtu għal xulxin u jikkollegawhom flimkien. Bejniethom hemm erba' kompartimenti awżiljarji, li jissuġġerixxu li l-qabar inbena bħala mawżolew dinastiku. Kollettivament il-kunċett ta' tmien kompartimenti laterali mhux biss joffri passaġġ biex il-fidili jkunu jistgħu jduru maċ-ċenotaffju prinċipali, prattika komuni fis-Sufiżmu u viżibbli wkoll f'bosta mawżolej imperjali Mugal, iżda jirrifletti wkoll il-kunċett ta' ġenna fil-kożmoloġija Iżlamika. Kull waħda mill-kompartimenti prinċipali għandha fiha nnifisha tmiem kompartimenti iżgħar li jirradjaw minnhom, u b'hekk il-pjanta simetrika tal-binja toħroġ fid-dieher u tħaddan fiha b'kollox 124 kompartiment bil-volti. Bosta kompartimenti iżgħar fihom ċenotaffji woll ta' membri oħra tal-familja rjali Mugal u nobbli, kollha kemm huma fi ħdan il-ħitan prinċipali tal-qabar. L-iktar ċenotaffji prominenti fosthom huma dawk ta' Hamida Begum u ta' Dara Shikoh. B'kollox hemm iktar minn 100 persuna midfuna fil-kumpless kollu, inkluż ħafna fit-terrazza tal-ewwel sular, u b'hekk il-kumpless huwa mlaqqam bħala d-"Dormitorju tal-Mugal". Peress li l-lapidi ma fihomx kitba fuqhom, l-identifikazzjoni tal-katavri għadha mhijiex ċerta.
Il-binja kienet l-ewwel waħda fejn intuża kombinament uniku ta' ġebel tar-ramel ħamrani u irħam abjad, u jinkludi diversi elementi tal-arkitettura Indjana, bħall-kanopewijiet żgħar jew chhatris madwar il-koppla ċentrali, karatteristika popolari fl-arkitettura tar-Rajasthan u li oriġinarjament kienu miksija bil-madum blu.[32]
Char Bagh
[immodifika | immodifika s-sors]Filwaqt li l-qabar prinċipali dam iktar minn tmien snin biex inbena, tpoġġa fiċ-ċentru ta' ġnien ta' Char Bagh ta' 30 akru (120,000 m2), b'konfigurazzjoni kwadrilaterali. Kien l-ewwel wieħed fin-Nofsinhar tal-Asja fuq skala tant kbira. Il-ġnien qisu ġenna tassew ġeometriku madwar il-qabar huwa maqsum f'erba' kwadri permezz ta' mogħdijiet pavimentati għall-mixi (khiyaban) u żewġ kanali ċentrali tal-ilma, li jirriflettu l-fluss tal-erba' xmajjar fil-jannat, il-kunċett Iżlamiku ta' ġenna. Kull wieħed mill-erba' kwadri huwa maqsum mill-ġdid fi tmien ġonna iżgħar bil-mogħdijiet għall-mixi, u b'hekk b'kollox qisu hemm 32 ġnien f'minjatura (bil-mawżolew fiċ-ċentru), disinn tipiku tal-ġonna Mugal ta' wara. Il-kanali ċentrali tal-ilma jidhru qishom qed jisparixxu taħt l-istruttura tal-qabar u jerġgħu jitfaċċaw fuq in-naħa l-oħra f'linja dritta, b'referenza għal vers mill-Koran li jsemmi l-fluss tax-xmajjar taħt il-"Ġnien tal-Ġenna".[33]
Meta wieħed joqgħod fiċ-ċentru tal-post fejn jiltaqgħu l-assi prinċipali, il-qabar jidher simili fil-pożizzjoni u fl-għamla tiegħu għal paviljun ta' ġnien. Iżda f'dan il-każ jimmarka l-post tal-mistrieħ tal-mexxej deċedut. "Il-ġnien jirrappreżenta s-sovranità, u l-mawżolew jirrappreżenta d-dinastija. Meta l-mawżolew jiġi integrat fi ġnien, bħalma huwa l-każ fil-Qabar ta' Humayun, is-sovranità u d-dinastija jsiru ħaġa waħda f'dikjarazzjoni teoloġika li r-re huwa r-re għal dejjem kif kien fl-imgħoddi".
Il-qabar u l-ġnien kollu huma mdawra b'ħitan għoljin tal-ġebel fuq tliet naħat. Ir-raba' naħa suppost kellha tkun ix-xmara Yamuna, li minn żmien il-kostruzzjoni tbegħdet lil hinn mill-istruttura. Il-mogħdijiet ċentrali għall-mixi jintemmu f'żewġ daħliet: waħda prinċipali fil-ħajt tan-Nofsinhar, u waħda iżgħar fil-ħajt tal-Punent. Iż-żewġ daħliet huma għoljin żewġ sulari; id-daħla tal-Punent għadha tintuża sa issa, filwaqt li d-daħla tan-Nofsinhar, li kienet tintuża matul l-era tal-Mugal, issa hija magħluqa. Allinjata fiċ-ċentru mal-ħajt tal-Lvant hemm baradari, li hija binja jew kamra bi tnax-il bieb iddisinjata biex tħalli l-arja tgħaddi minnha. Mal-ħajt tat-Tramuntana hemm kompartiment bil-banjijiet jew hammam.[34]
Monumenti oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Qabar u l-Moskea ta' Isa Khan: Hemm diversi monumenti tul il-mogħdija li twassal tal-ħitan madwar il-qabar mid-daħla prinċipali tal-Punent. L-iżjed prominenti fosthom huwa qabar li nbena għoxrin sena qabel il-qabar prinċipali stess. Mibni fl-1547 W.K., dan huwa l-kumpless tal-qabar ta' Isa Khan Niyazi, nobbli Afgan fil-qorti ta' Sher Shah Suri tad-dinastija Suri, li ġġieled kontra l-Mugal. Il-qabar ottagonali huwa ppożizzjonat fi ħdan ġnien ottagonali, li nbena matul ħajtu stess u r-renju ta' Islam Shah Suri, iben Sher Shah. Iktar 'il quddiem intuża bħala post funebri għall-familja kollha ta' Isa Khan. Fuq in-naħa tal-Punent tal-qabar hemm moskea b'wisgħa ta' tliet niċeċ li nbniet bil-ġebel tar-ramel ħamrani. Il-qabar ottagonali huwa simili ħafna għal oqbra u monumenti oħra tad-dinastija Suri fil-Ġonna ta' Lodhi, f'Delhi, u juri progress ċar fl-iżvilupp tal-istil arkitettoniku mill-isbaħ tal-qabar prinċipali. Uħud mid-dettalji arkitettoniċi preżenti hawnhekk dehru iktar 'il quddiem fil-Qabar ta' Humayun, għalkemm fuq skala ferm akbar, bħall-qabar ippożizzjonat fiċ-ċentru ta' ġnien imdawwar bil-ħitan.[35]
Il-Qabar u l-Ġnien ta' Bu Halima: Meta wieħed jidħol fil-kumpless mill-Punent, l-ewwel jidħol f'kumpless ta' ġnien, magħruf bħala l-Ġnien ta' Bu Halima, għalkemm ma tantx nafu wisq fuqha, u peress li l-qabar jew il-pjattaforma olzata fejn kien jinsab fl-imgħoddi mhumiex fiċ-ċentru, jidher qisu żdied wara.
Il-Qabar u l-Moskea ta' Afsarwala: Fit-tarf tal-Lbiċ tal-kumpless hemm il-Qabar ta' Afsarwala, iddedikat lil persuna mhux magħrufa. Waħda mil-lapidi tal-irħam fi ħdan il-qabar tmur lura għall-1566-67 W.K. Il-moskea stess tmur lura għall-istess perjodu, speċjalment meta wieħed iqis li tinsab biswit il-qabel u mhux 'il bogħod minnu.
L-Arab Serai: Litteralment tfisser is-sarai (il-post tal-mistrieħ) għaż-żwiemel, l-istruttura tinsab biswit il-Moskea ta' Afsarwala u nbniet minn Bega Begum għall-ħabta tal-1560-1561 W.K., għall-artiġjani li ġew jagħmlu x-xogħol tal-kostruzzjoni. Tista' tesa' sa 300 Arabas (bil-Persjan ارابه tfisser "karru" jew Gari (vettura)).[36]
In-Nila Gumbad: Fuq in-naħa ta' barra tal-ħitan madwar il-kumpless hemm il-qabar li qabel kien magħruf bħala n-Nila Burj (issa magħruf bħala n-Nila Gumbad) jew il-"Koppla Blu", imsejħa hekk peress li kienet miksija b'madum ikħal ileqq. Il-qabar inbena minn Abdul Rahim Khan-I-Khana, iben Bairam Khan li kien ukoll membru tal-qorti tal-Imperatur Mugal, Akbar, għall-qaddej tiegħu Miyan Fahim. Fahim, li mhux biss trabba flimkien ma' ibnu, talli iktar 'il quddiem miet flimkien ma' wieħed mill-ulied subien ta' Rahim, Feroze Khan, meta kienu qed jiġġieldu kontra r-ribelljoni tal-ġeneral Mugal Mahabat Khan fl-1625-1626, matul ir-renju ta' Jahangir. Din l-istruttura hija magħrufa għall-arkitettura unika tagħha, peress li hija ottagonali minn barra u kwadra minn ġewwa. Is-saqaf tagħha minn ġewwa huwa mżejjen b'ġibs miżbugħ u inċiż, u għandha koppla għolja mingħajr il-koppla doppja karatteristika, li kienet komuni fl-oqbra ta' dak iż-żmien.[37]
Iċ-Chillah ta' Nizamuddin Aulia: Huwa maħsub li din hija r-residenza tal-qaddis patrun ta' Delhi, Nizamuddin Auliya (li miet fl-1325), u tinsab 'il barra mill-kumpless prinċipali, ħdejn ir-rokna tal-Grigal tal-mawżolew prinċipali u hija eżempju ta' arkitettura tal-perjodu tat-Tuglaq.
Iktar lil hinn mill-kumpless tal-qabar, hemm iktar monumenti tal-perjodu tal-Mugal, fosthom il-Bada Bateshewala Mahal, il-qabar ta' Muzaffar Husain Mirza, il-proneputi ta' Humayun, li nbena fl-1603-1604 fuq pjattaforma b'ħames ħnejjiet fuq kull naħa, b'ħitan interni mżejna b'ġibs miżbugħ u inċiż; iċ-Chote Bateshewala Mahal li fl-imgħoddi kienet binja ottagonali bil-ħnejjiet u b'saqaf b'koppla u jaali tal-ġebel. Dawn iż-żewġ monumenti issa jinsabu f'żona kummerċjali u jħarsu lejn il-parkeġġ tal-kumpless.[38] Struttura oħra ta' dak il-perjodu hija l-Barapula, pont bi 12-il pilastru u 11-il arkata, li nbena fl-1621 minn Mihr Banu Agha, il-kap ikkastrat tal-qorti ta' Jahangir.[39]
Il-Qabar tal-Barbier: Lejn ir-rokna tax-Xlokk, fi ħdan il-Ġnien ta' Char Bagh, hemm qabar magħruf bħala Nai-ka-Gumbad, jew il-Qabar tal-Barbier, li huwa tal-barbier irjali, u jmur lura għall-1590-1591 W.K., kif tixhed kitba mnaqqxa fuq ġewwa. Il-fatt li jinsab daqshekk qrib il-qabar prinċipali u l-fatt li huwa l-unika struttura oħra fi ħdan il-kumpless tal-qabar jissuġġerixxu li kien qabar importanti, madankollu ma fih l-ebda kitba mnaqqxa li tissuġġerixxi min kien midfun ġo fih; l-isem huwa isem lokali li ngħata lill-istruttura u baqa' jintuża maż-żmien.
Il-qabar jinsab fuq pjattaforma olzata b'seba' tarġiet u wieħed jasal għalihom min-Nofsinhar. Għandu pjanta kwadra u jikkonsisti minn kompartiment uniku msaqqaf b'koppja doppja. Fuq ġewwa hem żewġ lapidi mnaqqxa b'versi mill-Koran. Barra minn hekk, waħda mil-lapidi fiha tinqixa taċ-ċifra 999 li jaf tirreferi għas-sena tal-Hijra 1590-1591. Madankollu, f'pittura bl-akkwarelli tal-1820 li issa tinsab fil-Librerija Brittanika, id-didaskalija bil-Persjan taħt l-istruttura tgħid Maqbarah-i-Kokah, jiġifieri l-"Qabar ta' Kaka", u Kokah jew Kaka bil-Persjan jirreferu għal xi wild tar-rispett (mirak). Mirak huwa wkoll titlu Persjan bħal "Sur". L-identità tad-deċedut tal-qabar għadu mhux magħruf, u wara kollox jaf qed jirreferi (bi żball) għal monumenti ieħor fil-qrib fil-kumpless ta' Chausath Khamba, il-qabar ta' Ataga Khan, ħu Humayun tar-rispett, li jinsab fiż-żona tal-Punent ta' Nizamuddin u mhux fil-Lvant tal-Qabar ta' Humayun.[40][41]
Nies midfuna
[immodifika | immodifika s-sors]- Nasiruddin Muhammad Humayun;
- Hamida Banu Begum;
- Bega Begum;
- Shahzada Murad Mirza;
- Shahzada Dara Shikoh;
- Shahzada Kam Baksh;
- Shahzada Bidar Bakht;
- Muizuddin Muhammad Jahandar Shah;
- Muinuddin Muhammad Farrukhsiyar;
- Shahzada Azim-ush-Shaan Mirza;
- Shahzada Rafi-ush-Shaan Mirza;
- Shahzada Jahan Shah Mirza;
- Shahzada Humayun Mirza;
- Rafi ud-Darajat;
- Rafi ud-Daulah;
- Azizuddin Muhammad Alamgir II.
Restawr
[immodifika | immodifika s-sors]Qabel ma sar ix-xogħol ta' restawr, il-vandaliżmu u d-dħul illegali kienu jseħħu b'mod frekwenti fis-sit tal-qabar, u b'hekk kienu theddida serja għall-preservazzjoni ta' dan il-wirt imprezzabbli. Fid-daħla prinċipali tal-Qabar ta' Humayun, kien ġew armati gabbani taħt sistema korrotta ħafna ta' patroċinju muniċipali magħrufa bħala tehbazari, u kull tip ta' vettura kbira kienet titħalla pparkjata illegalment f'dawn l-ispazji fil-beraħ. Fuq in-naħa tan-Nila Gumbad kien hemm ċittadella enormi frott il-politika tax-xiri tal-voti tal-Indja – eluf ta' "abitanti f'abitazzjonijiet żdingati" kienu jitħallew jgħixu hemmhekk minn sezzjoni influwenti tat-tmexxija politika biex jintużaw bħala blokk ta' voti mixtrija fl-elezzjonijiet. L-ambjent tad-dargah ta' Hazrat Nizamuddin Auliya kien żdingat għall-aħħar u l-vaska sagra kienet saret imniġġsa bid-dranaġġ.
Ix-xogħol ta' restawr imwettaq mill-Aga Khan Trust for Culture (AKTC), b'kollaborazzjoni mal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI), beda għall-ħabta tal-1999 wara xogħol ta' riċerka li kien inbeda fl-1997, u tlesta f'Marzu 2003. Madwar 12-il ettaru ta' art ġew miżrugħa mill-ġdid bil-ħaxix, u tħawlu iktar minn 2,500 siġra u xitla fil-ġonna, inkluż mango, lumi, tip ta' kawkba, ibisku u ġiżimin. Twettqet ukoll l-installazzjoni ta' sistema ġdida taċ-ċirkolazzjoni tal-ilma għall-kanali maġenb il-mogħdijiet għall-mixi. Sabiex jiġi żgurat li l-fluss tal-ilma jnixxi b'mod naturali mill-kanali u l-vaski fis-sit ta' 12-il ettaru (30 akru) mingħajr l-għajnuna ta' sistemi idrawliċi, il-kanali tal-ilma tħaffru u nbnew mill-ġdid bi grad eżatt ta' ċentimetru għal kull 40 metru (pendil ta' 1:4000). Eventwalment dan ippermetta li l-ilma jnixxi tul il-kanali tal-ilma fil-ġonna, u l-funtani reġgħu bdew jaħdmu mill-ġdid. Kompiti oħra f'dan il-proġett enormi ta' restawr kienu jinkludu l-istabbiliment ta' sistema tal-ħżin tal-ilma tax-xita permezz ta' 128 foss bħala ġibjuni tal-ilma, u matul ix-xogħol ta' restawr ġew skoperti bjar antiki tat-tneħħija tas-sedimenti u tar-rivitalizzazzjoni.[42][43] Għall-ewwel dan l-isforz kollaborattiv kien iffinanzjat b'mod privat taħt il-patroċinju tal-Fond Kulturali Nazzjonali mill-ASI. Il-finanzjament kien jinkludi somma ta' $650,000 mill-Aga Khan Trust for Culture tal-Maestà Tiegħu Aga Khan, bl-għajnuna mill-Grupp ta' Lukandi tal-Oberoi.[44][45][46][47] Barra minn hekk, l-AKTC qed twettaq restawr ferm sinifikanti tal-Qabar ta' Babur, il-post tal-mistrieħ ta' missier Humayun f'Kabul, l-Afganistan.
Wara x-xogħol ta' restawr inizjali, il-kundizzjonijiet fi ħdan u madwar dan il-kumpless inbidlu bil-kbir. Il-gabbani kollha u strutturi addizzjonali oħra tneħħew u l-monumenti u l-ispazji tal-ġonna ġew irrestawrati mill-ġdid. Illum il-ġurnata, madwar il-monumenti hemm ġonna eleganti, li jkomplu jsebbħuhom. Meta jiddawwal billejl, il-monument tassew jidher grandjuż.
Fl-2009, bħala parti mix-xogħol kontinwu ta' restawr, l-ASI u l-AKTC, wara xhur ta' xogħol manwali b'għodda tal-idejn, neħħew saff oħxon ta' konkos mis-saqaf li kien qed jagħmel pressjoni ta' madwar 1,102 tunnellati fuq l-istruttura. Il-konkos oriġinarjament tferra fis-snin 20 tas-seklu 20 biex jiġi evitat li jippenetra l-ilma, u wassal biex il-passaġġi tal-ilma jiġu bblukkati. Sussegwentement, kull darba li kien jidħol ftit ilma, kien jiżdied saff ġdid ta' konkos, li wassal għall-ħxuna akkumulata ta' madwar 40 cm; dan is-saff issa ġie sostitwit b'saff tradizzjonali b'bażi tal-ġebla tal-ġir. Fil-fażi ta' wara, trattament simili ngħata lill-ewwel chabutra tal-qabar, li oriġinarjament kienet pavimentata b'blokok kbar tal-kwarzit, li wħud minnhom kien jiżnu iktar minn 1,000 kg. Fis-snin 40 tas-seklu 20, saff irregolari fin-naħa t'isfel tal-istruttura ġiet ikkoreġuta b'saff ta' konkos, li kompla jisfigura l-pavimentar oriġinali tal-Mugal, li kienet taqbel ma' dak tad-daħla tal-Punent.[48]
Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]Letitia Elizabeth Landon ippubblikat l-illustrazzjoni poetika Il-Qabar ta' Humaioon, Delhi fil-Ktieb tal-Iskizzi ta' Fisher tal-1833. Din tirrifletti fuq ix-xenarju u hija bbażata fuq inċiżjoni ta' pittura ta' William Purser, li turi veduta tal-qabar pjuttost mill-bogħod.[49]
Preżent
[immodifika | immodifika s-sors]Pjanijiet tal-kostruzzjoni maħsuba ħażin bħall-pjanijiet tal-Gvern ta' Delhi tal-2006-2007 biex tinbena mina ġdida li tikkollega l-Lvant ta' Delhi mal-Istadium ta' Jawaharlal Nehru fin-Nofsinhar ta' Delhi, u t-twessigħ tat-toroq qrib il-qabar għal-Logħob tal-Commonwealth tal-2010 sabiex l-Awtostrada Nazzjonali Nru 24 tiġi kkollegata mat-Triq ta' Lodhi, kienu theddida serja għall-monument. Il-pjanifikaturi urbani beżgħu li l-monument storiku seta' ma jiflaħx għall-vibrazzjonijiet mix-xogħol tal-kostruzzjoni daqstant fil-qrib. Finalment, l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja rnexxielu jwaqqaf il-pjanijiet milli jitwettqu.[50][51]
Fit-30 ta' Mejju 2014, l-arblu fil-quċċata tal-koppla tal-qabar twaqqa' minħabba maltempata qalila fil-belt. Fid-19 ta' April 2016, il-Ministru għall-Kultura tal-Indja Dr. Mahesh Sharma żvela l-arblu rrestawrat tal-monument u l-arblu oriġinali ġie kkonservat.[52]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
View of the Southwestern Corner of Humayun's Tomb
-
Ir-rifless tal-qabar.
-
Il-kwiekeb b'sitt ponot fuq wieħed mill-pishtaq tal-Qabar ta' Humayun.
-
Iċ-ċenotaffji ta' Hamida Banu Begum, Dara Shikoh u oħrajn f'kamra laterali.
-
Jali mihrab jindika d-direzzjoni tal-qibla meta wieħed ikun fil-kompartiment taċ-ċenotaffju ta' Humayun u jħares lejn il-Punent.
-
Il-Qabar ta' Humayun minn ġod-Daħla tal-Punent.
-
Il-Faċċata tal-Punent tad-Daħla tal-Punent tal-Qabar ta' Humayun.
-
Il-moskea ta' Isa Khan, qrib il-qabar tiegħu, li nbniet ukoll għall-ħabta tal-1547 W.K., ħdejn il-Qabar ta' Humayun.
-
Daħla tal-Araba Sarai, fin-Nofsinhar tal-mogħdija li twassal għall-Qabar ta' Humayun.
-
Il-qabar ta' Afsarwala, li jinsab viċin il-Qabar ta' Humayun.
-
Il-Qabar ta' Humayun bil-qabar tal-barbier tiegħu Nai-ka-Gumbad fuq quddiem, Delhi (ritratt tal-1858).
-
Iċ-ċrieki tal-istil tal-ġnien Ingliż ġew sostitwiti b'vaski ċentrali kwadri tal-ġnien ta' Charbagh fl-1860.
-
Il-Qabar ta' Humayun billejl.
-
Veduta tal-Qabar ta' Humayun mill-ġenb.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Burke, S. M. (1989). Akbar, the Greatest Mogul. Munshiram Manoharlal Publishers. p. 191.
- ^ Eraly, Abraham (2007). The Mughal world : Life in India's Last Golden Age. Penguin Books. p. 369. ISBN 978-0143102625.
- ^ Smith, Vincent Arthur (1919). Akbar: The Great Mogul 1542–1605. Clarendon Press. p. 125.
- ^ Henderson, Carol E. (2002). Culture and Customs of India. Greenwood Press. p. 90. ISBN 978-0313305139.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Humayun's Tomb, Delhi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "The Hindu : Mausoleum that Humayun never built". web.archive.org. 2007-12-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-12-06. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Archnet > Site > Humayun's Tomb". www.archnet.org. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Sinha, Gayatri (2005). "Women Artists in India: Practice and Patronage". In Cherry, Deborah; Helland, Janice (eds.). Local/global : Women Artists in the Nineteenth Century. Ashgate. p. 70. ISBN 978-0754631972.
- ^ "Humayun's Tomb, Delhi - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2009-04-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-10. Miġbur 2023-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "National Portal of India". www.india.gov.in. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "File:HTSign.jpg - Wikipedia". commons.wikimedia.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Facelift for Humayun" (bl-Ingliż). 2013-09-19. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Delhi – Humayun's Tomb and Adjacent Building Delhi Through Ages, by S. R. Bakshi. Anmol Publications PVT. LTD., 1995. ISBN 81-7488-138-7. pp. 29–35.
- ^ Wright, Colin. "Mausoleum of Humayun, Delhi". www.bl.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-22. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "A Tomb Brought to Life, Ratish Nanda, Historic Gardens Review Number 13. Londra: The Historic Gardens Foundation, 2003" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2006-02-26. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Wright, Colin. "Humayon's Tomb [and gateway], Delhi". www.bl.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-18. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Humayun Tomb". web.archive.org. 2010-04-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-04-17. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Humayun's Tomb Frommer's India, by Pippa De Bruyn, Keith Bain, Niloufer Venkatraman, Shonar Joshi. Published by Frommer's, 2008. ISBN 0-470-16908-7. p. 316.
- ^ The Monuments at Delhi World Heritage Monuments and Related Edifices in India, by Ali Javid, Tabassum Javeed. Algora Publishing, 2008. ISBN 0-87586-482-1. pp. 105–106.
- ^ "The Ex-king of Delhi – Question. (Hansard, il-11 ta' Diċembru 1857)". hansard.millbanksystems.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-06-30. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Archnet > Site > Batashewala Complex Conservation". www.archnet.org. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Ruggles, D. Fairchild. Humayun's Tomb Muqarnas: An Annual on Islamic Art and Architecture, by Oleg Grabar. Brill Publishers, 1988. ISBN 90-04-08155-0. pp. 133–140.
- ^ Asher, Catherine Blanshard; Asher, Catherine Ella Blanshard; Asher, Catherine B. (24 September 1992). Architecture of Mughal India. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-26728-1.
- ^ Humayun's Tomb Speaking stones: world cultural heritage sites in India, by Bill Aitken. Dept. of Tourism. Published by Eicher Goodearth Limitedjsbbfjipppnshthe house, 2001. ISBN 81-87780-00-2. pp. 45–47.
- ^ Aziz, K. K. (2004). The Meaning of Islamic Art : Explorations in Religious Symbolism and Social Relevance. Adam Publishers & Distributors. p. 510. ISBN 978-8174353979.
- ^ "HUMAYUN'S TOMB in DELHI | Unesco World Heritage in India". www.kamit.jp. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Haji Begum". web.archive.org. 2010. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Preservation of National Monuments – First Report of the Curator of Ancient Monuments in India for the year 1881–82. The Government Central Branch Press, Simla. 1882. p. xxvii.
- ^ Zamindar, Vazira Fazila-Yacoobali (2007). The long partition and the making of modern South Asia: refugees, boundaries, histories. Columbia University Press. p. 34. ISBN 978-0-231-13846-8.
- ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Il-Qabar ta' Humayun". the.akdn. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-18.
- ^ "Humayun's tomb, Delhi". depts.washington.edu. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Mughul Tomb GardensThe poetics of gardens, by Charles Willard Moore, William J. Mitchell. MIT Press, 2000. ISBN 0-262-63153-9. p. 17.
- ^ Tom Turner (2005). Garden History: Philosophy and Design. Taylor & Francis. p. 163. ISBN 978-0415317498.
- ^ "Isa Khan Niyazi Tomb Complex". web.archive.org. 2007-03-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-11. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Banerji, S.K. (1938). Humayun Badshah. Oxford University Press. p. 232.
- ^ "Miyan Fahim". web.archive.org. 2016. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Archives Top and Latest News". mint (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Bridge to the past" (bl-Ingliż). 2009-07-12. Miġbur 2023-03-18.
- ^ Wright, Colin. "Mausoleum of Humayun, Delhi". www.bl.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-22. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "chaunsat". www.columbia.edu. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "File:Environmental Development at Humayuns Tomb, Delhi.jpg - Wikipedia". commons.wikimedia.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Revitalisation of Humayun's Tomb, March 2003". web.archive.org. 2004-12-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-12-04. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "The Hindu : Paradise comes calling!". web.archive.org. 2004-02-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-02-25. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Trust's research on Humayun's Tomb over, project to begin". web.archive.org. 2011-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-14. Miġbur 2023-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Humayun Tomb Gardens Revitalisation, 2000s" (PDF). web.archive.org. 2006. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2006-02-26.
- ^ Dugger, Celia W. (2002-09-29). "ON THE VERGE; A Mughal Splendor Regained" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "At Humayun's tomb, weight is off". 2009-07-09. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Page 36". digital.tcl.sc.edu (bil-Malti). Miġbur 2023-03-18.
- ^ "The Hindu : New Delhi News : Humayun's Tomb faces twin threats". web.archive.org. 2007-06-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-06-19. Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Latest News". Miġbur 2023-03-18.
- ^ "Gold finial at Humayun's Tomb unveiled" (bl-Ingliż). 2016-04-20. Miġbur 2023-03-18.