Aqbeż għall-kontentut

Barbier

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Barbier lest biex iqaxxar il-leħja ta’ klijent bilqiegħda għall-ħabta tal-1801

Barbier huwa persuna li x-xogħol tiegħu jinvolvi l-iktar li jaqta’, jieħu ħsieb, jagħti stil u jqaxxar ix-xagħar jew il-leħja tal-irġiel u tas-subien. Id-differenza prinċipali meta mqabbel ma’ parrukkier hi li parrukkier ma jqaxxarx il-leħja għaldaqstant il-klijentela ewlenija tiegħu tkun magħmula mill-bniet u min-nisa. Il-ħanut ta’ barbier normalment huwa magħruf bħala “tal-barbier” (bl-Ingliż: "barber shop/salon" jew "barber's"). Għand tal-barbier normalment ikun hemm interazzjoni soċjali u jkun hemm taħdit fil-pubbliku. F’xi każijiet, ħanut tal-barbier ikun forum pubbliku wkoll. Huma postijiet fejn isiru dibattiti miftuħa, jitleħħen it-tħassib pubbliku, u fejn iċ-ċittadini jiddiskutu dwar kwistjonijiet kontemporanji.

Fl-imgħoddi, il-barbiera (magħrufa bħala barbiera-kirurgi) kienu jwettqu wkoll l-operazzjonijiet kirurġiċi u l-attivitajiet tad-dentistrija. Bl-iżvilupp tax-xfafar tas-sikurezza minflok il-mus tal-leħja, u n-nuqqas ta’ prevalenza ta’ nies bid-daqna, kien hemm żmien meta l-biċċa l-kbira tal-barbiera bdew jispeċjalizzaw fil-qtugħ tax-xagħar iktar milli t-tqaxxir tal-leħja, għalkemm dan l-aħħar din il-prevalenza reġgħet qabdet sew.

Ħanut tal-barbier f’Bucharest fl-1842

Fiż-żminijiet moderni, it-terminu “barbier” jintuża kemm bħala titlu professjonali kif ukoll biex jirreferi għall-parrukkiera li jispeċjalizzaw fil-qtugħ tax-xagħar tal-irġiel u tas-subien. Storikament, il-parrukkiera kollha kienu meqjusa bħala barbiera. Fis-seklu 20, il-professjoni tal-kożmetoloġija forqot minn dik tal-barbier, u llum il-ġurnata l-parrukkiera jista’ jkollhom il-liċenzja bħala barbiera jew kożmetoloġisti. Il-barbiera jvarjaw skont fejn jaħdmu, liema servizzi jkollhom il-liċenzja li jipprovdu, u l-isem li jużaw biex jirreferu għalihom infushom. Parti minn din id-differenza fit-terminoloġija tiddependi fuq ir-regolamenti f’post partikolari.

Fil-bidu tas-seklu 20, kelma alternattiva għal barbier, "chirotonsor", bdiet tintuża fl-Istati Uniti.[1]

Stati differenti fl-Istati Uniti jvarjaw fir-rigward tal-liġijiet tagħhom dwar ix-xogħol u l-għoti tal-liċenzji. Pereżempju, f’Maryland u f’Pennsylvania, kożmetoloġista ma jistax juża xafra dritta, li hija rriżervata strettament għall-barbiera. B’kuntrast, f’New Jersey it-tnejn li huma rregolati mill-Bord Statali tal-Kożmetoloġija u ma għadx hemm differenza legali bejniethom, ladarba tinħarġilhom l-istess liċenzja u jistgħu jipprattikaw l-arti tat-tqaxxir tal-leħja b’xafra dritta, l-għoti tal-kulur, xogħol ieħor bil-kimika u l-qtugħ tax-xagħar jekk ikunu jridu.

Fl-Awstralja, it-terminu uffiċjali għal barbier huwa parrukkier (bl-Ingliż: hairdresser); barbier (bl-Ingliż: barber) huwa biss titlu popolari għall-parrukkiera tal-irġiel, għalkemm mhuwiex daqshekk popolari issa daqs kemm kien f’nofs is-seklu 20. Il-biċċa l-kbira kienu jaħdmu f’hairdressing salon.

Il-Barbier, pittura ta’ Edwin Lord Weeks

Is-sengħa tal-barbier għandha storja twila: ix-xfafar instabu qalb l-artefatti ta’ Żmien il-Bronż (madwar it-3500 Q.K.) fl-Eġittu. L-ewwel servizzi tal-barbier twettqu mill-Eġizzjani fil-5000 Q.K. bi strumenti li pproduċuhom mill-qxur tal-gajdri jew miż-żnied ippuntat.[2] Fil-kultura Eġizzjana tal-qedem, il-barbiera kienu individwi rrispettati ferm. Il-qassisin u n-nies tal-mediċina huma l-iktar eżempji bikrin iddokumentati ta’ barbiera.[3] Barra minn hekk, l-arti tax-xogħol tal-barbiera kellha rwol sinifikanti fil-kontinenti kollha. Il-kulturi tal-Maja, l-Azteki, l-Iroquois, il-Vikingi u l-Mongoli użaw l-arti tat-tqaxxir bħala mod biex jiddistingwu bejn ir-rwoli fis-soċjetà u fi żmien il-gwerra.[4] L-irġiel fil-Greċja tal-qedem kienu jmorru ġo agora (suq), li kien iservi wkoll bħala post soċjali fejn isiru d-dibattiti u z-zekzik, biex il-κουρεύς (cureus) jaqtalhom jew iqaxxrilhom xagħarhom, id-daqna u d-dwiefer tagħhom jew inkella biex jagħtihom stil partikolari.

Il-Barbier fis-Suq, pittura ta’ Enrique Simonet, 1897

Is-sengħa tal-barbier ġiet introdotta f’Ruma mill-kolonji Griegi fi Sqallija fil-296 Q.K., u tal-barbier malajr saru ċentri popolari ħafna għall-aħbarijiet u z-zekzik ta’ kuljum. Żjara filgħodu għand il-barbier (tonsore) saret parti mir-rutina ta’ kuljum, u importanti daqs żjara fil-banjijiet pubbliċi, u l-ewwel tqaxxir ta’ żagħżugħ (tonsura) kien jitqies bħala parti essenzjali miċ-ċerimonja meta l-adolexxenti jsiru adulti. Għadd ta’ tonsori Rumani saru għonja u influwenti, u bdew iġestixxu ħwienet li saru l-postijiet favoriti qalb il-pubbliku tas-soċjetà għolja; madankollu, il-biċċa l-kbira kienu ħaddiema tas-sengħa sempliċi, li kienu sidien ta’ ħwienet żgħar jew li kienu jaħdmu fit-toroq bi prezzijiet baxxi.

Mill-Medju Evu, il-barbiera spiss bdew jaħdmu wkoll bħala kirurgi u dentisti. Apparti l-qtugħ tax-xagħar, l-irranġar tax-xagħar u l-għoti ta’ stil, u t-tqaxxir tax-xagħar u tal-leħja, il-barbiera kienu jagħmlu operazzjonijiet kirurġiċi, ineħħu d-demm għal skopijiet terapewtiċi, jiġbdu d-demm bis-sangisug, jagħmlu t-terapiji b’kontenituri fuq il-ġilda biex itejbu ċ-ċirkolazzjoni, enemi, u l-estrazzjoni tas-snien; u b’hekk kienu jissejħu barbiera-kirurgi.[5] Dawn bdew jiffurmaw xirkiet b’saħħitom u l-barbiera saħansitra bdew jaqilgħu pagi ogħla mill-kirurgi sa meta dawn tal-aħħar iddaħħlu fil-bastimenti tal-gwerra Brittaniċi waqt il-gwerer navali. Uħud mid-dmirijiet tal-barbier kienu jinkludu l-manipolazzjoni tal-għonq, it-tindif tal-widnejn u tal-qorriegħa, id-drenaġġ tal-ponot, il-fistuli u t-tneħħija taċ-ċesti bix-xemgħat.

Barbier f’Peshawar, l-Indja taħt il-Brittaniċi, 1907

Tal-barbier kienu postijiet influwenti fil-bidu tas-seklu 19 fl-Istati Uniti bħala negozji Afrikani-Amerikani li għenu biex jiżviluppaw il-kultura u l-ekonomija Afrikana-Amerikana. Skont Trudier Harris, "Apparti l-istatus tiegħu bħala post fejn jinġabru n-nies, ħanut tal-barbier iswed kien jiffunzjona bħala mikrokożmu kkumplikat u spiss kontradittorju tad-dinja inġenerali. Huwa ambjent li jista’ jsaħħaħ l-egu u jkun ta’ sostenn kif ukoll post fejn ċertu rġiel strambri setgħu jinqerdu, jew mill-inqas jiġu mżebilħa ferm, mill-parteċipazzjoni fit-taħdit jew f’kompetizzjonijiet tal-ħiliet. Huwa post fejn wieħed jinġabar, kenn, post fejn l-irġiel jaħarbu mill-qrid tan-nisa tagħhom u mir-responsabbiltajiet tad-dinja. Huwa post fejn l-irġiel jistgħu jkunu rġiel. Huwa post, f’kuntrast mal-bar ta’ Gordone, biex wieħed isir xi ħadd”.[6] Il-ħwienet tal-barbier b’barbiera suwed fil-bidu kienu jservu l-iktar lill-irġiel għonja ta’ karnaġġjon abjad. Lejn l-aħħar tas-seklu fetħu wkoll ħwienet tal-barbier fil-komunitajiet suwed biex jaqdu lin-nies ta’ karnaġġjon iswed.[7]

Fl-1880 l-ispiża medja ta’ ħanut tal-barbier kienet tkun $20 biex jiġi mgħammar u kien ikun għaxar piedi bi tnax-il pied. Qatgħa xagħar fl-1880 kienet tiswa ħames jew għaxar ċenteżmi u t-tqaxxir tal-leħja kien jiswa tliet ċenteżmi.[2]

Seklu 20 u wara

[immodifika | immodifika s-sors]
Mużew tal-Ħanut tal-Barbier f’Manhattan

Fl-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, ħanut tal-barbier sar negozju komuni fejn in-nies kienu jmorru biex jaqtgħu xagħarhom minn barbier professjonali b’tagħmir tajjeb. Il-klijenti kienu anke jilagħbu l-logħob, jitkellmu dwar avvenimenti reċenti u l-biedja jew izekzku.[8][9] Xi kultant kienu jintużaw ukoll għal dibattiti pubbliċi jew biex jitleħħen it-tħassib pubbliku.[10]

Il-biċċa l-kbira tal-ħwienet tal-barbiera moderni jkollhom siġġijiet speċjali tal-barbiera, u tagħmir speċjali għat-tlaħliħ u għall-ħasil tax-xagħar. F’xi ħwienet tal-barbier, il-klijenti jistgħu jaqraw ir-rivisti jew jaraw it-TV sakemm il-barbier ikun qed jagħmel xogħlu.

Minkejja r-reċessjoni ekonomika fl-2008, l-industrija tal-barbiera kellha tkabbir pożittiv. Reċentement kien hemm prova fejn il-barbiera jikkontrollaw il-pressjoni għolja fil-ħwienet tagħhom u spiżjar jara u jittratta l-pazjenti għandhom, b’riżultati pożittivi.[11]

Fl-2018, Arthur Rubinoff fetaħ mużew bl-arbli tal-barbiera u tagħmir antik tal-barbiera f’Manhattan.[12]

Il-barbier Sam Mature, li l-intervista tiegħu ma’ Studs Terkel ġiet ippubblikata fil-ktieb tal-1974 ta’ Terkel Working, isostni li "Raġel kien imur jaqta’ xagħru kull ġimagħtejn. Issa jistenna xi xahar jew xahrejn, u wħud minnhom saħansitra iktar minn hekk. Ħafna nies kienu jmorru biex jaqtgħulhom id-dwiefer ta’ idejhom kull ġimgħa. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nies irtiraw, ittrasferew ruħhom xi mkien ieħor, jew mietu. Dan għaliex ħafna saru jżommu xagħarhom twil. Mentri fl-antik, ħafna kienu jżommu xagħarhom qasir u jidhru preżentabbli, xi ħaġa li llum in-nies qishom ma għadhomx jagħtu kas".

Minħabba l-importanza tagħhom bħala ċentri soċjali f’ċerti kulturi, il-ħwienet tal-barbier intużaw fil-kampanji edukattivi. Fosthom kien hemm il-proġett tal-litteriżmu tal-Istati Uniti tal-Kotba tal-Ħwienet tal-Barbiera[13], li stabbilixxa stazzjonijiet tal-qari fil-ħwienet tal-barbiera biex tiġi promossa kultura tal-qari fost is-subien Afrikani-Amerikani.[14] Ir-riċerkaturi tas-saħħa pubblika wkoll esploraw il-ħwienet tal-barbiera bħala post għall-edukazzjoni sesswali.[15]

Skejjel tal-barbiera

[immodifika | immodifika s-sors]
Barbier jaqta’ xagħar klijent

Fl-1893, A. B. Moler ta’ Chicago stabbilixxa skola għall-barbiera. Din kienet l-ewwel istituzzjoni ta’ dan it-tip fid-dinja, u s-suċċess tagħha deher mill-bidu nett. Kienet tgħodd bħala edukazzjoni għolja, u l-iskola ewlenija malajr ġiet segwita minn fergħat fi kważi kull belt prinċipali tal-Istati Uniti. Fil-bidu tal-iskejjel tal-barbiera, ix-xogħol prattiku tat-tqaxxir tax-xagħar u tal-leħja, il-qtugħ tax-xagħar, it-trattamenti tal-wiċċ, eċċ. kienu jiġu mgħallma peress li la l-pubbliku u lanqas il-professjoni ma kienu lesti jaċċettaw trattamenti xjentifiċi tax-xagħar, tal-ġilda u tal-qorriegħa. L-isforzi biex is-sengħa tiġi professjonalizzata ma bediex qabel l-1920.[3]

It-taħriġ biex wieħed isir barbier jinkiseb permezz ta’ diversi mezzi madwar id-dinja. Fl-Istati Uniti, it-taħriġ tal-barbiera jitwettaq fl-“iskejjel tal-barbiera”.

Spiża – Ħafna stati jirrikjedu liċenzja ta’ barbier sabiex wieħed jipprattika s-sengħa professjonalment. L-ispiża ta’ skola tal-barbiera tvarja minn stat għall-ieħor, u anke minn żona metropolitana għall-oħra. L-iskejjel fiż-żoni metropolitani ikbar għandhom it-tendenza li jkunu jiswew iktar minn dawk li jkunu jinsabu f’irħula iktar rurali. L-ismijiet tad-ditti jistgħu jaffettwaw l-ispiża ta’ skola tal-barbiera. Il-biċċa l-kbira tal-iskejjel tal-barbiera jiswew bejn $6,500 u $10,000 biex jitlestew il-korsijiet fihom. Peress li kull stat għandu livelli minimi ta’ sigħat ta’ taħriġ, it-tul u l-ispiża tal-kors jista’ jvarja. Xi skejjel jinkludu fl-ispiża l-provvisti u l-kotba akkademiċi, filwaqt li oħrajn ma jinkluduhomx. Il-miżati tal-eżamijiet tal-liċenzja tal-barbiera s-soltu jvarjaw bejn $50 sa $150.

Tul – Il-biċċa l-kbira tal-istati jirrikjedu l-istess ammont ta’ sigħat ta’ taħriġ għall-barbiera bħall-kożmetoloġisti. In-numru ta’ sigħat meħtieġa jvarja bejn 800 u 2,000 siegħa ta’ taħriġ, u jiddependi fuq ir-rekwiżiti tal-għoti tal-liċenzja tal-istati. Il-maġġoranza tal-korsijiet jistgħu jitlestew fi 15-il xahar jew inqas.

Kurrikulu – Il-kurrikulu ta’ skola tal-barbiera jinkludi l-qtugħ tax-xagħar, l-għoti tal-kulur u l-għoti ta’ stil għax-xagħar tal-irġiel u għax-xagħar qasir tan-nisa. Il-proċessi bil-kimiki bħall-ibbliċjar, il-kulur, l-iċċarar u r-rilassar tax-xagħar jistgħu jiġu mgħallma wkoll. Id-dixxiplini kollha tal-kożmetoloġija jitgħallmu l-aqwa prattiki tas-sikurezza u tas-sanitazzjoni. L-istudenti li jkunu qed jistudjaw biex isiru barbiera jistgħu jistennew li jitgħallmu xi elementi tal-anatomija, il-fiżjoloġija, il-batterjoloġija, u xi elementi żgħar tal-farmakoloġija. Jiġu mgħallma wkoll tekniki tat-tqaxxir tal-leħja, tad-daqna u tal-mustaċċi, fosthom dawk tradizzjonali u moderni. Ġeneralment, il-korsijiet tal-barbiera jinkludu fuq fuq il-massaġġi u t-trattamenti fuq il-qorriegħa. It-taħriġ avvanzat tal-barbiera jista’ jinkludi disinni personalizzati tal-leħja, tad-daqna jew tal-mustaċċi. Huwa iktar komuni fl-iskejjel tal-barbiera milli f’dixxiplini oħra tal-kożmetoloġija li jirċievu l-edukazzjoni dwar in-negozju u l-etika, peress li l-imprenditorija hija speċjalment komuni fis-sengħa tal-barbier, tant li ħafna professjonisti jagħżlu li jiftħu l-ħwienet tagħhom stess. Il-ħiliet kollha mgħallma fi skola tal-barbiera jiġu ttestjati f’eżamijiet, li tipikament ikollha eżami bil-miktub u wieħed tal-prattika.

Arblu tal-barbiera

Arblu tal-barbiera

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arblu tal-barbiera, li jkollu strixxi spirali ħomor u bojod, kienu simbolu tal-aspetti differenti tas-sengħa. Huwa simbolu li ilu jeżisti miż-żmien meta l-barbiera kienu jwettqu operazzjonijiet mediċi. L-istrixxi bojod u ħomor jirrappreżentaw il-faxex u d-demm, filwaqt li l-istrixxi blu jirrappreżentaw il-vini. Fl-Istati Uniti, l-istrixxa blu xi kultant tintuża biex l-arblu jaqbel mal-bandiera.[7]

  • Siġġu tal-barbier
  • Magna tat-tqaxxir tax-xagħar
  • Oġġetti tal-barbier (is-seklu 20)
  • Biċċa jew paljazza tal-barbier (Victoria, l-Awstralja)
  • Trab tal-barbier (terra jew trab tat-trabi)
  • Xkupilja tax-xagħar
  • Pettne jew moxt
  • Karta/tape tal-għonq tal-barbier
  • Mera jew mera tal-barbier biex tara wara
  • Brillantini tax-xagħar
  • Diżinfettant jew barbiċida (Fansuan, il-Belize)
  • Krema tax-xagħar
  • Apparat tat-tnixxif, tal-ġbid jew tal-infiħ tax-xagħar
  • Ġell tax-xagħar
  • Pomati tax-xagħar
  • Imqass tax-xagħar
  • Sprej tax-xagħart
  • Tonic tax-xagħar
  • Xama’ tax-xagħar
  • Xkupilja tat-tqaxxir
  • Żejt tat-tqaxxir
  • Xafra dritta/mus dritt
  • Ċintorin tal-barbier
  • Tapit
  • Xama’ tal-mustaċċi
  • Sapuna jew krema tat-tqaxxir

Is-suq għall-provvisti tal-barbiera huwa stmat li jinkludi d-dħul ta’ madwar għoxrin biljun dollaru. L-industrija fis-suq tal-Istati Uniti mistennija tikber b’madwar 3 % fis-sena bejn l-2017 u l-2022.

  1. ^ "On this day in Florida history - June 21, 1926 - Miami barbers don't want to be called 'chirotonsors'". Florida History Network - Your one-stop source for celebrating and preserving Florida's past, today. Miġbur 2021-07-11.
  2. ^ a b "Barbering Timeline - National Barber Museum". www.nationalbarbermuseum.org. Miġbur 2021-07-11.
  3. ^ a b Moler, A. B. (Arthur Bass) (1911). The barbers' manual. [Chicago, Ill.
  4. ^ "Hair Etching Pen Guide | Explore hair tattoo pen history, tips and use" (bl-Ingliż). 2018-04-14. Miġbur 2021-07-11.
  5. ^ "Surgeons and surgical spaces". Science Museum (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.
  6. ^ Harris, Trudier (Autumn 1979). "The Barbershop in Black Literature". Black American Literature Forum. 13 (3): 112–118.
  7. ^ a b Curler, Joe (2017-10-16). "A Quick History Of Barbering | Austin, TX Barbershop" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-03-08. Miġbur 2021-07-11.
  8. ^ Bliss, Jessica. "Oprah for president? The buzz at Winfrey's barbershop in Nashville". The Tennessean (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.
  9. ^ "The History Of Barbers". beardtrimandgroom.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-11. Miġbur 2021-07-11.
  10. ^ "HISTORY OF BARBERING". coloradobarbers (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-11. Miġbur 2021-07-11.
  11. ^ Carroll, Aaron E. (2018-05-21). "What Barbershops Can Teach About Delivering Health Care" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.
  12. ^ Kilgannon, Corey (2018-05-04). "'Barbering Is an Art'" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.
  13. ^ "About Us" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.
  14. ^ "Barbershop Books". Poets & Writers (bl-Ingliż). 2018-06-13. Miġbur 2021-07-11.
  15. ^ Randolph, Schenita D.; Pleasants, Terrence; Gonzalez-Guarda, Rosa M. (November 2017). "Barber-led sexual health education intervention for Black male adolescents and their fathers". Public Health Nursing (Boston, Mass.). 34 (6): 555–560. ISSN 1525-1446.