Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
L-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji

L-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji (uffiċjalment l-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji Maharaj, u preċedentement imsemmi l-Istazzjon ta' Vittorja, bil-kodiċi tal-istazzjon ta' Mumbai: CSTM (il-linja prinċipali)/ST (il-linja suburbana))[1] huwa stazzjon ferrovjarju storiku u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Mumbai, Maharashtra, l-Indja.[2]

L-istazzjon ġie ddisinjat minn inġinier arkitettoniku Brittaniku, Frederick William Stevens, minn disinn inizjali ta' Axel Haig, bi stil Gotiku Taljan eżuberanti. Il-kostruzzjoni tiegħu bdiet fl-1878, f'post fin-Nofsinhar tal-istazzjon antik ta' Bori Bunder, u tlesta fl-1887, is-sena li kienet timmarka l-50 sena ta' tmexxija tar-Reġina Vittorja.[3]

F'Marzu 1996, isem l-istazzjon inbidel minn Stazzjon ta' Vittorja għal Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji (bil-kodiċi tal-istazzjon CST) f'ġieħ Shivaji, ir-re ġellied tas-seklu 17 li uża tattiki ta' gwerrilja kontra l-Imperu Mugal u stabbilixxa stat ġdid fir-reġjuni tal-Punent tal-Promontorju ta' Dekka li jitkellmu bil-Marathi.[4][5][6]

Isem Shivaji spiss jiġi preċedut b'"Chhatrapati", titlu li litteralment ifisser "re onorat bl-emblema ta' parasol; re kbir".[7] Fl-2017, l-istazzjon mill-ġdid ingħata l-isem ta' "Stazzjon ta' Chhatrapati Shivaji Maharaj" (bil-kodiċi tal-istazzjon CSMT), fejn it-titlu ta' Maharaj għandu it-tifsira litterali "Re u imperatur kbir".[8] Jintużaw spiss kemm l-inizjali preċedenti "VT" (bl-Ingliż: Victoria Terminus) kif ukoll l-inizjali attwali "CST".[9]

L-istazzjon huwa l-kwartieri ġenerali tal-Kumpanija tal-Linja Ferrovjarja Ċentrali tal-Indja. L-istazzjon huwa wieħed mill-iżjed stazzjonijiet ferrovjarji traffikużi fl-Indja, u jservi bħala terminal kemm għall-ferroviji fuq distanzi twal kif ukoll għall-ferroviji suburbani.[10]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Stazzjon ta' Vittorja[immodifika | immodifika s-sors]

Dan l-istazzjon ikoniku li sar simbolu tal-belt ta' Mumbai nbena bħala l-kwartieri ġenerali tal-Kumpanija l-Kbira tal-Linji Ferrovjarji tal-Peniżola Indjana.

L-istazzjon ferrovjarju nbena biex jissostitwixxi l-istazzjon ferrovjarju ta' Bori Bunder, fiż-żona ta' Bori Bunder f'Mumbai, port prominenti u żona tal-imħażen magħrufa għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni. Peress li Mumbai (dak iż-żmien imsejħa Bombay) saret belt portwali ewlenija dak iż-żmien, inbena stazzjon ikbar biex ilaħħaq mad-domanda tal-belt, u ssejjaħ l-Istazzjon ta' Vittorja, f'isem l-Imperatriċi renjanti tal-Indja, ir-Reġina Vittorja. L-istazzjon ġie ddisinjat minn Frederick William Stevens, arkitett u inġinier imwieled fir-Renju Unit, maġenb l-uffiċċju ta' Bombay tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kolonjali Indjan. Ix-xogħol beda fl-1878. Huwa rċieva ₹1,614,000 (US$21,000) bħala pagament għas-servizzi tiegħu. Stevens ingħata l-kummissjoni biex jibni l-istazzjon wara abbozz ta' skizz bl-akkwarelli tad-disinjatur Axel Haig li ġie meqjus bħala kapulavur. Id-disinn ġie mqabbel mal-istazzjon ferrovjarju ta' Id-disinn ġie mqabbel mal-istazzjon ferrovjarju ta' St. Pancras f'Londra ta' George Gilbert Scott li nbena fl-1873 ukoll bi stil Gotiku Taljan eżuberanti, iżda huwa ferm eqreb id-disinn tal-binja tal-parlament ta' Berlin li rebbħet lil Scott it-tieni premju, u li ntwera f'Londra fl-1875, b'bosta torrijiet u turretti, kif ukoll koppla mqabbża ċentrali kbira. L-istil tal-istazzjon huwa simili wkoll għal binjiet pubbliċi oħra tas-snin 70 tas-seklu 19 f'Mumbai, bħall-Kulleġġ ta' Elphinstone iżda speċjalment il-binjiet tal-Università ta' Mumbai, iddisinjati wkoll minn George Gilbert Scott.[11]

Il-kostruzzjoni tal-istazzjon damet għaxar snin biex titlesta, l-itwal għal kwalunkwe binja ta' dik l-era f'Mumbai.

Statwa nieqsa[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istazzjon ta' Vittorja fl-1910. Ta' min jinnota l-istatwa bilqiegħda taħt l-arloġġ.

Matul il-kostruzzjoni tal-istazzjon, statwa tal-irħam tar-Reġina Vittorja ġiet installata fil-faċċata prinċipali tal-binja, f'kanopew taħt l-arloġġ. Fis-snin 50 tas-seklu 20, l-awtoritajiet kien bdew ineħħu l-istatwi tal-figuri Brittaniċi mill-binjiet tal-gvern u mill-ispazji pubbliċi abbażi ta' direttiva mill-Gvern tal-Indja.[12] Il-biċċa l-kbira tal-istatwi, inkluż dik tar-Reġina Vittorja, inbagħtu lejn il-Ġonna ta' Vittorja (li iktar 'il quddiem ġew imsejħa Rani Baug) fejn tħallew fuq il-ħaxix fil-beraħ sa mill-inqas is-snin 80 tas-seklu 20 u l-istatwa tar-Reġina Vittorja għebet. Tressaq rapport ta' Dritt għall-Informazzjoni, iżda fih ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar l-esportazzjoni tal-istatwa nieqsa 'l barra mill-Indja. L-istoriċi issa jemmnu li l-istatwa nbiegħet b'kuntrabandu, inbigħet mill-politiċi, jew inqerdet.[13] Is-simbolu tal-Progress, statwa oħra, li tinsab fil-quċċata tal-koppla tal-istazzjon, spiss tiġi mfixkla ma' dik tar-Reġina Vittorja.

Isem ġdid[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istazzjon ta' Vittorja qabel ma ssemma l-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji fl-1995

L-istazzjon ingħata ismijiet ġodda diversi drabi. Inbena biex jissostitwixxi l-istazzjon ta' Bori Bunder li kien operattiv mill-1853 sal-1888, u ssejjaħ l-Istazzjon ta' Vittorja bħala kommemorazzjoni tal-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina Vittorja. Fl-1996, l-istazzjon issejjaħ l-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji bħala ġieħ lill-Imperatur Chhatrapati Shivaji, il-fundatur tal-Imperu Maratha.[14][15]

F'Diċembru 2016, il-Ministeru ta' Fadnavis għadda riżoluzzjoni biex isem l-istazzjon jinbidel għall-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji Maharaj fl-Assemblea ta' Maharashtra u f'Mejju 2017, il-Ministeru għall-Intern uffiċjalment bagħat ittra lill-gvern statali dwar il-konferma tal-bidla tal-isem. Madankollu, iż-żewġ ismijiet preċedenti flimkien mal-kodiċijiet tal-istazzjon "VT" u "CST" għadhom jintużaw lokalment flimkien mal-isem u l-kodiċi tal-istazzjon attwali "CSMT".[16][17]

Attakki ta' Mumbai tal-2008[immodifika | immodifika s-sors]

Mafkar għall-vittmi tal-attakki ta' Mumbai fl-2008

Fis-26 ta' Novembru 2008, żewġ terroristi daħlu fis-sala tal-passiġġieri tal-istazzjon, u bdew jisparaw lejn in-nies u jitfgħulhom il-granati. It-terroristi kienu armati bi snieter AK-47. Wieħed mit-terroristi, Ajmal Kasab, iktar 'il quddiem inqabad ħaj mill-pulizija u ġie identifikat minn xi xhieda tal-att terroristiku. L-oħrajn ma baqgħux ħajjin. L-attakki bdew għall-ħabta tad-21:30 meta ż-żewġ irġiel daħlu fis-sala tal-passiġġieri u qabdu jisparaw.[18][19] It-terroristi qatlu 58 ruħ u darbu 104 oħra. L-attakk tagħhom intemm għall-ħabta tal-22:45 wara li ħarġu mill-istazzjon min-naħa tat-Tramuntana lejn in-naħa tal-Punent tad-daħla ta' wara tal-isptar ta' Cama. L-evidenza mill-kameras CCTV intużat biex tidentifika u tixli lil Kasab. Fl-2010, Kasab ingħata l-piena tal-mewt għar-rwol tiegħu fl-attakk, u fl-2012 ġie mgħallaq.[20]

Struttura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-binja tal-istazzjon hija ddisinjata bl-istil arkitettoniku Gotiku Vittorjan Għoli. Il-binja fiha fużjoni ta' influwenzi mill-arkitettura Gotika Taljana Vittorjana li dak iż-żmien bdiet terġa' tingħata l-ħajja u mill-arkitettura klassika Indjana. Il-kontorni, it-turretti, l-arkati ppuntati, u l-pjanta eċċentrika tal-istazzjon huma qrib l-arkitettura klassika tal-palazzi Indjani. Esternament, it-tinqix fl-injam, il-madum, il-puġġamani ornamentali tal-ħadid u tar-ram isfar, il-grilji għall-uffiċċji tal-bejgħ tal-biljetti, il-balavostri għat-turġien grandjużi u ornamenti oħra kienu frott ix-xogħol tal-istudenti tal-Iskola tal-Arti ta' Sir Jamsetjee Jeejebhoy. L-istazzjon huwa eżempju ta' kapulavur arkitettoniku ferrovjarju tas-seklu 19 għas-soluzzjonijiet strutturali u tekniċi avvanzati tiegħu. L-istazzjon CSMT inbena b'livell għoli ta' inġinerija ferrovjarja u ċivili. Huwa wieħed mill-ewwel u mill-ifjen prodotti tal-użu tat-teknoloġija industrijali, b'fużjoni mal-istil Gotiku li reġa' ħa l-ħajja fl-Indja dak iż-żmien. L-istruttura ċentrali bil-koppla tal-uffiċċji ferrovjarji għandha pjattaforma twila 330 pied li hija kkollegata ma' kompartiment imsaqqaf għall-ferroviji twil 1,200 pied, u l-kontorn tagħha jservi ta' pjanta għall-kumplament tal-binja. Il-koppla mqabbża tal-istazzjon, li nbniet mingħajr iċċentrar, ġiet meqjusa bħala kisba innovattiva ta' dak iż-żmien.[21]

Ritratt tal-istazzjon fl-1903

Fuq ġewwa l-binja ġiet maħsuba bħala sensiela ta' kmamar kbar b'soqfa għoljin. Hija binja utilitarja u kellha bżonn diversi bidliet skont il-ħtiġijiet tal-utenti, li mhux dejjem kellhom għal qalbhom l-istazzjon. Il-binja għandha pjanta simetrika b'għamla tal-ittra Ċ fuq assi mil-Lvant għall-Punent. In-naħat kollha tal-binja jingħataw valur indaqs fid-disinn. Fuq nett tal-binja hemm il-koppla għolja ċentrali, li sservi bħala punt fokali. Il-koppla hija struttura ottagonali mqabbża b'figura femminili kolossali fil-quċċata tagħha li hija simbolu tal-Progress, b'torċa olzata 'l fuq f'idha l-leminija u rota bl-imgħażel f'idha x-xellugija. Il-partijiet laterali tal-binja jikkonfinaw il-bitħa, li tiftaħ beraħ lejn it-triq. Il-partijiet laterali huma ankrati b'turretti monumentali f'kull waħda mill-erba' kantunieri tagħhom, li jibbilanċjaw il-koppla ċentrali u jservu bħala gwarniċ. Il-faċċati jippreżentaw id-dehra ta' ringieli pproporzjonati sew ta' twieqi u ta' arkati. It-tiżjin permezz ta' statwi, bassoriljievi u freġji huwa eżuberanti għalkemm ikkontrollat sew. Fuq il-kolonni tad-daħliet hemm figuri ta' ljun (li jirrappreżenta lill-Gran Brittanja) u ta' tigra (li tirrappreżenta l-Indja). L-istruttura prinċipali hija mibnija b'taħlita ta' blat ramli u ġebla tal-ġir mill-Indja, filwaqt li ntuża rħam Taljan ta' kwalità għolja għall-elementi dekorattivi ewlenin. Fuq ġewwa, l-ispazji prinċipali ġew imżejnin ukoll: il-pjan terran tal-parti tat-Tramuntana magħrufa bħala l-Kompartiment Stilla, li għadu jintuża bħala l-uffiċċju tal-bejgħ tal-biljetti, huwa mżejjen bl-irħam Taljan u l-ħaġra blu llostrata Indjana. L-arkata tal-ġebel huma miksija bil-weraq imnaqqax u figuri grotteski.[22] Fuq ġewwa, is-saqaf tas-sala tal-prenotazzjonijiet oriġinarjament kienet miżbugħa bil-blu, bid-deheb u bl-aħmar qawwi fuq bażi ta' blu jgħajjat bl-istilel tad-deheb. Il-ħitan kienu miksija bil-madum igglejżjat magħmul minn Maw & Co tar-Renju Unit. Fuq barra, hemm l-istatwi li jirrappreżentaw il-Kummerċ, l-Agrikoltura, l-Inġinerija u x-Xjenza, u statwa li tirrappreżenta l-Progress fuq il-quċċata tal-koppla ċentrali tal-istazzjon.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-istazzjon mixgħul billejl

L-Istazzjon ta' Chhatrapati Shivaji ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Pjattaformi[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istazzjon CSMT għandu total ta' 18-il pjattaforma — seba' pjattaformi għall-ferroviji suburbani EMU u ħdax-il pjattaforma (il-Pjattaform 8 sal-Pjattaforma 18) għall-ferroviji fuq distanzi twal. Ir-Rajdhani, id-Duronto, il-Garib Rath u t-Tejas Express jitilqu mill-Pjattaforma 18.[23] Dormitorji bl-arja kkundizzjonata ġew inawgurati fl-Istazzjon fis-16 ta' April 2013. Il-faċilità għandha 58 sodda għall-irġiel u 20 għan-nisa.[24]

Kultura popolari[immodifika | immodifika s-sors]

L-istazzjon intuża fil-ġbid tal-filmat tal-kanzunetta "Jai Ho" fil-film Slumdog Millionaire; u fil-ġbid tal-film Indjan tal-2011 Ra.One.[25]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Kodiċijiet tal-istazzjonijiet tal-Indja" (PDF).
  2. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Chhatrapati Shivaji Terminus (formerly Victoria Terminus)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.
  3. ^ Aruṇa Ṭikekara, Aroon Tikekar (2006). The cloister's pale: a biography of the University of Mumbai. Popular Prakashan. p. 357. ISBN 81-7991-293-0.
  4. ^ Eaton, Richard M. (25 July 2019). India in the Persianate Age: 1000-1765. Penguin Books Limited. p. 198. ISBN 978-0-14-196655-7.
  5. ^ Kedourie, Elie (2013). Nationalism in Asia and Africa. Routledge. p. 71. ISBN 978-1-136-27613-2.
  6. ^ Subramaniam, Arjun (2016). India's Wars: A Military History, 1947-1971. HarperCollins Publishers India. p. 30. ISBN 978-93-5177-750-2.
  7. ^ McGregor, Ronald Stuart (1993). "छत्रपति chatrapati (n)". The Oxford Hindi-English Dictionary. Oxford University Press. p. 338. ISBN 978-0-19-563846-2.
  8. ^ McGregor, Ronald Stuart (1993). "महाराज maharaj (n)". The Oxford Hindi-English Dictionary. Oxford University Press. p. 800. ISBN 978-0-19-563846-2.
  9. ^ "From VT to CST: Interesting facts about Mumbai's busiest railway station". www.mid-day.com (bl-Ingliż). 2016-06-20. Miġbur 2022-04-29.
  10. ^ "India's impressive railway stations". Rediff (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.
  11. ^ Bombay Gothic by Christopher W., Londra, 2002, India Book House PVT Ltd, ISBN 81-7508-329-8.
  12. ^ "CST's Victoria missing without a trace" (bl-Ingliż). 2015-12-21. Miġbur 2022-04-29.
  13. ^ W, Christopher (2002). Bombay Gothic. London: India Book House PVT Ltd. ISBN 81-7508-329-8.
  14. ^ "Suresh Kalmadi". web.archive.org. 2009-02-28. Miġbur 2022-04-29.
  15. ^ "FAQ – Pune International Marathon | Pune Railways". web.archive.org. 2009-08-02. Miġbur 2022-04-29.
  16. ^ "Mumbai travellers, CST is now Chhatrapati Shivaji Maharaj Terminus". Hindustan Times (bl-Ingliż). 2017-06-29. Miġbur 2022-04-29.
  17. ^ Jun 30, Maharashtra Times /; 2017; Ist, 22:39. "Mumbai Railway station renamed to Chhatrapati Shivaji Maharaj Terminus | Mumbai News - Times of India". The Times of India (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
  18. ^ "3 witnesses identify Kasab, court takes on record CCTV footage- Politics/Nation-News-The Economic Times". web.archive.org. 2009-06-18. Miġbur 2022-04-29.
  19. ^ "Photographer recalls Mumbai attacks". web.archive.org. 2009-06-17. Miġbur 2022-04-29.
  20. ^ Nov 21, TNN / Updated:; 2012; Ist, 11:19. "Lashkar-e-Taiba: Ajmal Kasab hanged and buried in Pune's Yerwada Jail | India News - Times of India". The Times of India (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-29.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link) Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
  21. ^ "Home". OnManorama. Miġbur 2022-04-29.
  22. ^ "IND 945 AN.doc" (PDF).
  23. ^ Sarkar, Anupam Enosh. "0 COVID-19 Special Departures from Mumbai CSTM CR/Central Zone - Railway Enquiry". indiarailinfo.com. Miġbur 2022-04-29.
  24. ^ "Dormitories for women at CST,LTT get good response" (bl-Ingliż). 2013-04-19. Miġbur 2022-04-29.
  25. ^ Outlook Publishing (6 October 2008). Outlook. Outlook Publishing. p. 69.