Pjaneta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
It-tmien pjaneti tas-sistema solari, fl-istampa jidher anki Plutone li sa ftit żmien ilu kien jitqies bħala id-disa' pjaneta tas-sistema.

Pjaneta huwa korp ċelesti ta' massa sinjifikattiva li jorbita madwar stilla, u li ma jipproduċix enerġija permezz ta' fużjoni nukleari. Qabel is-snin '90 kienu magħrufa biss disa' pjaneti (kollha fis-Sistema Solari tagħna). Fl-aħħar tal-2002, kienu iktar minn 100 pjaneta magħrufa, kollha skopruti bħala pjaneti extrasolari.

Il-kelma pjaneta ġejja mill-Grieg, mill-kelma li kienet tintuża għal vagabond. Fl-astronomija antika, il-pjaneti vagabondi kienu l-korpi ċelesti viżibili li kienu jbiddlu l-koordinati ċelesti ekwatorjali. Dawn kienu l-Qamar, ix-Xemx, Merkurju, Venere, Marte, Ġove, u Saturnu. Għal sekli sħaħ l-astronomi fittxew spjegazzjoni għaċ-ċaqliq tal-pjaneti li jidhru jivvagabondaw fuq l-isfond tal-kwiekeb ‘fissi’. Kien fis-seklu sbatax meta Johannes Kepler iddetermina li huma jorbitaw max-Xemx f’orbiti ellitiċi, li ċ-ċaqliq tagħhom kien kompletament mifhum.

L-astronomi ħafna drabi jsejħu l-asterojdi "pjanetini" (pjaneti żgħar), u l-korpi planetari ikbar (dawk li normalment jissejħhu pjaneti) "pjaneti maġġuri". Il-pjaneti tas-Sistema Solari jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji skond il-kompożizzjoni tagħhom. Dawk li jixbħu d-Dinja (komposti prinċipalment minn ġebel) huma magħrufa bħala pjaneti terrestri. It-terrestri huma relattivament żgħar, komposti prinċipalment minn blat u metalli, u għandhom atmosferi rqaq. L-atmosferi differenti jikkawżaw il-kundizzjonijiet fuq il-wiċċ ta’ kull pjaneta terrestri biex ivarjaw konsiderevolment. Id-Dinja tagħna biss, bl-oċeani vasti tagħha u bl-atmosfera rikka bl-ossiġnu u nitroġenu, hija kapaċi li żżomm forma ta’ ħajja avvanzata.

Dawk komposti minn materjal gassuż, bħal Ġove, huma magħrufa bħala Ġovjani, jew inkella ġganti gassużi. L-erba' pjaneti gassużi, huma: Ġove nnfisu, Saturnu, Uranu u Nettunu, huma komposti l-iktar minn idroġenu u elju. Ġove huwa l-ikbar u l-iktar pjaneta massiv fis-sistema solari, iżda anki Nettunu — l-iżgħar mill-pjaneti Ġovjani — għandu dijametru erba’ darbiet iżjed minn dak tad-Dinja.

Xi drabi tiġi wżata kategorija oħra għal dawk il-korpi bħal Plutone, komposti prevalentement minn silġ: din il-kategorija ta' pjaneti tinkludi wkoll ħafna korpi non planetari, bħal qmura ta' pjaneti esterni (pereżempju Titanju).

Il-Pjaneti tas-Sistema Solari[editja]

Il-pjaneti tas-Sistema Solari skond id-daqs relattiv tagħhom

Il-pjaneti tas-Sistema Solari huma (f'ordni ta' distanza mix-Xemx):

  1. Merkurju
  2. Venere jew Zahrija
  3. Dinja bil-Qamar, ħafna drabi kkunsidrata bħala pjaneta doppju
  4. Marte jew Mars jew Il-Hamra
  5. Ġove
  6. Saturnu
  7. Uranu
  8. Nettunu

Sa ftit żmien ilu (Awissu 2006) Plutone kien jitqies ukoll bħala pjaneta, iżda llum dan m'għadux jitqies bħala tali iżda bħala pjaneta nanu; bħala l-ikbar asterojda tal-faxxa ta' Kuiper.

Il-pjaneti kollha tas-Sistema Solari (minbarra d-Dinja) għandhom isimhom li ġej mill-mitoloġija Rumana. Anki l-ismijiet tal-qmura ġejjin minn ismijiet ta' allat jew ta' persunaġġi tal-mitoloġija klassika, u xi mdaqqiet anki minn karattri tad-drammi ta' Shakespeare. L-asterojdi jistgħu jiġu msemmija, b'diskrezjoni ta' min skoprihom, b'isem kwalunkwe (bl-approvazzjoni tal-Unjoni Astronomika Internazjonali).

Ġew proposti ħafna pjaneti ipotetiċi, bħal Eris iżda dan bħal Plutone qed jiġi kkunsidrat bħala Pjaneta nanu. Eris (uffiċjalment 136199 Eris, u qabel 2003 UB313) kien skopert minn Michael E. Brown, Chad Trujillo, u David Rabinowitz fil-5 ta' Jannar, 2005, minn ritratti li ġew meħuda fil-21 ta' Ottubru, 2003. Huma riedu jagħtuha l-isem Ksina (en: Xena) iżda l-Unjoni Astronomika Internazjonali, l-għaqda internazzjonali tal-Astronomija tatha l-isem tal-alla Grieg tad-diżarmonija, Eris. L-isem latin hu Discordia. Wieħed mir-raġuni għala intgħażel dan l-isem hu biex jirrifletti t-taħwid u l-konfużjoni li hemm fil-komunità tal-astronomi dwar in-natura tal-oġġett (il-pjaneta nana).

Kważi il-pjaneti extrasolari kollha (dawk barra s-Sistema Solari) skoperti s'issa għandhom massa daqs jew ikbar minn ta' Ġove, l-ikbar pjaneta tagħna (l-unika eċċezzjoni hija komposta minn tliet pjaneti orbitanti pulsar, il-bqija ta' splużjoni ta' supernova. Dawn huma l-uniċi tliet pjaneti extrasolari ta' massa simili għad-Dinja). Il-mottiv huwa derivat minn effett ta' selezzjoni, li fih l-istrumenti tagħna huma kapaċi li jaraw biss pjaneti kbar ħafna u biswit għall-istilla tagħhom, għax l-effetti gravitazzjonali tagħhom huma ikbar u allura iktar faċli li jidhru. Jeżistu probabilment, ħafna iktar pjaneti extrasolari li għadna ma nistgħux niskopru. Barra minn hekk, huwa probabbli li l-pjaneti skopruti s'issa, mhux simili għall-ġganti gassużi li nafu, għax huma tant viċin l-istilla tagħhom li għandhom temperaturi elevati (anki sa' eluf ta' gradi għal xi wħud), u spiss ikollhom orbita altament ellittika, li twassalhom alternattivament, viċin u 'l bogħod mill-istilla tagħhom.

Huwa maħsub li l-pjaneti ġew ffurmati fil-kollass tan-nebulosa stess, li kienet l-oriġini tal-istilla ċentrali. Il-mudelli ta' formazzjoni planetarja, jipprevedu li fil-bidu jiffurmaw biljuni ta' korpi żgħar ħafna, li eventwalment jingħaqdu u jiffurmaw korpi ikbar meta jaħbtu ma' xulxin.

Il-pjaneti fl-opri letterarji u ċinematografiċi[editja]

L-esplorazzjoni ta' pjaneti oħra huwa tema kostanti tal-fantaxjenza, speċjalment b'rabta ma' forom ta' ħajja aljeni. Tnejn mill-iktar serje televiżivi fantaxjentifiċi ċelebri, Star Trek u Stargate SG-1, huma bbażati fuq is-sejba ta' pjaneti u ċiviltajiet ġodda.

Referenzi[editja]

Ħoloq esterni[editja]