Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho
Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho huma grupp ta' tempji tal-Induiżmu u tal-Ġainiżmu fid-distrett ta' Chhatarpur, Madhya Pradesh, l-Indja, madwar 175 kilometru fix-Xlokk ta' Jhansi, li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] It-tempji huma famużi għas-simboliżmu arkitettoniku bl-istil nagara u għall-iskulturi erotiċi tagħhom.[3]
Il-biċċa l-kbira tat-tempji ta' Khajuraho nbnew bejn it-885 W.K. u l-1050 mid-dinastija Chandela.[4] Skont dokumenti storiċi, is-sit tat-tempji ta' Khajuraho kellu 85 tempju sas-seklu 12, li kienu mifruxa fuq 20 kilometru kwadru. Minnhom, baqgħu jeżistu biss xi 25 tempju, mifruxa fuq sitt kilometri kwadri. Minn dawn it-tempji eżistenti, it-Tempju ta' Kandariya Mahadeva huwa mżejjen b'bosta skulturi mimlija dettalji, simboliżmu u espressività tal-arti Indjana tal-qedem.[5]
Meta nbnew dawn il-monumenti, is-subien lokali kienu jgħixu bħala għożżieba eremiti jew brahmcharis sakemm isiru adulti, u dawn l-iskulturi kienu jgħinuhom jitgħallmu dwar ir-rwol materjali tagħhom bħala kapijiet tal-familja.[6][7] Il-grupp ta' tempji ta' Khajuraho nbnew f'daqqa iżda ġew iddedikati lil żewġ reliġjonijiet, l-Induiżmu u l-Ġainiżmu, u b'hekk irnexxielhom jissuġġerixxu tradizzjoni ta' aċċettazzjoni u ta' rispett għal fehmiet reliġjużi differenti fir-reġjun.[8]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-monumenti ta' Khajuraho jinsabu fl-istat Indjan ta' Madhya Pradesh, fid-distrett ta' Chatarpur, madwar 620 kilometru (385 mil) fix-Xlokk ta' New Delhi. It-tempji jinsabu ħdejn raħal żgħir magħruf ukoll bħala Khajuraho, b'popolazzjoni ta' madwar 24,481 ruħ skont iċ-ċensiment tal-2011.
Ir-raħal ta' Khajuraho huwa moqdi mill-Ajrudrom Ċivili ta' Khajuraho (kodiċi IATA: HJR), b'servizzi lejn New Delhi, Agra, Varanasi u Mumbai.[9] Is-sit huwa kkollegat ukoll mas-servizz ferrovjarju Indjan, u l-istazzjon ferrovjarju jinsab bejn wieħed u ieħor xi sitt kilometri mid-daħla tal-monumenti.
Il-monumenti jinsabu xi għaxar kilometri lil hinn mill-Awtostrada Nazzjonali 75 mil-Lvant għall-Punent tal-pajjiż, u madwar 50 kilometru mill-belt ta' Chhatarpur, li hija kkollegata mal-belt kapitali tal-istat Bhopal permezz tal-Awtostrada Nazzjonali 86 mil-Lbiċ għall-Grigal tal-pajjiż.
It-Tempju ta' Bhand Deva tas-seklu 10 fir-Rajasthan inbena bl-istil tal-monumenti ta' Khajuraho u sikwit jissejjaħ "Khajuraho ż-Żgħir".
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho nbena matul it-tmexxija tad-dinastija Chandela. L-attività tal-kostruzzjoni bdiet kważi minnufih malli kisbu l-poter fir-renju tagħhom kollu, li mbagħad sar magħruf bħala Bundelkhand.[10] Il-biċċa l-kbira tat-tempji nbnew matul ir-renji tar-rejiet Induisti Yashovarman u Dhanga.[11] L-aqwa eżempju tal-legat ta' Yashovarman huwa t-Tempju ta' Lakshmana, filwaqt li l-aqwa eżempju tal-legat ta' Dhanga huwa t-Tempju ta' Vishvanatha. L-ikbar u l-iktar tempju famuż attwalment huwa t-tempju ta' Kandariya Mahadeva li nbena fir-renju tar-re Vidyadhara.[12] L-iskrizzjonijiet tat-tempju jissuġġerixxu li ħafna mit-tempji li għadhom eżistenti tlestew bejn id-970 u l-1030 W.K., filwaqt li iktar tempji tlestew matul id-deċennji ta' wara.
It-tempji ta' Khajuraho nbnew madwar 35 mil mill-belt Medjevali ta' Mahoba, il-kapitali tad-dinastija Chandela, fir-reġjun ta' Kalinjar. Fil-letteratura antika u Medjevali, ir-renju tagħhom ġie msemmi bħala Jijhoti, Jejahoti, Chih-chi-to u Jejakabhukti.[13]
L-ewwel tismija ddokumentata ta' Khajuraho saret fis-641 minn Xuanzang, pellegrin Ċiniż li ddeskriva li għadda qrib diversi tużżani ta' monasteri Buddisti mhux attivi u xi tużżana tempji b'elf Braħmin iqumu l-allat tagħhom.[14] Fl-1022, Khajuraho ssemmiet minn Abu Rihan-al-Biruni, l-istoriku Persjan li akkumpanja lil Mahmud ta' Ghazni fl-assedju tiegħu ta' Kalinjar; huwa jsemmi lil Khajuraho bħala l-kapitali ta' Jajahuti. L-assedju ma rnexxiex, u ntlaħaq ftehim ta' paċi meta r-re Induista qabel li jħallas rahan lil Mahmud ta' Ghazni sabiex itemm l-attakk u jitlaq.[15]
It-tempji ta' Khajuraho kienu jintużaw b'mod attiv sal-aħħar tas-seklu 12. Dan inbidel fis-seklu 13; wara li l-armata tas-Sultanat ta' Delhi, taħt il-kmand tas-Sultan Musulman Qutb-ud-din Aibak, attakkat u ħatfet lir-renju Chandela. Xi seklu wara, Ibn Battuta, il-vjaġġatur Marokkin fil-memorji dwar is-soġġorn tiegħu fl-Indja mill-1335 sal-1342, semma li żar it-tempji ta' Khajuraho, u sejħilhom "Kajarra"[16] kif ġej:
...ħdejn it-tempji (ta' Khajuraho), li fihom idoli li ġew mutilati mill-Musulmani, jgħixu għadd ta' yogis li x-xagħar innukklat partikolari tagħhom kiber twil daqs ġisimhom. U skont il-prassi tal-axxetiżmu estrem kollha jilbsu bl-isfar. Bosta Musulmani jattendu l-prietki ta' dawn l-irġiel biex jieħdu tagħlimiet (yoga) minnhom. — Ibn Battuta, għall-ħabta tal-1335, f'Riḥlat Ibn Baṭūṭah[17]
Ir-reġjun tal-Indja Ċentrali, fejn jinsabu t-tempji ta' Khajuraho, kien ikkontrollat minn diversi dinastiji Musulmani mis-seklu 13 sas-seklu 18. F'dan il-perjodu, xi tempji ġew ipprofanati, filwaqt li wara kien hemm perjodu twil fejn ġew mitluqa. Fl-1495, pereżempju, il-kampanja ta' qerda tat-tempji ta' Sikandar Lodi kienet tinkludi lil dawk ta' Khajuraho. Il-fatt li t-tempji ta' Khajuraho kienu remoti u iżolati pproteġa lit-tempji Induisti u Ġainisti mill-qerda kontinwa li ġabu magħhom il-Musulmani.[18][19] Tul is-sekli, il-veġetazzjoni u l-foresti ħakmu t-tempji.[20]
Fis-snin 30 tas-seklu 19, xi Induisti lokali ggwidaw lill-Brittaniku T. S. Burt sat-tempji u b'hekk reġgħu ġew skoperti mill-pubbliku globali.[21] Alexander Cunningham iktar 'il quddiem irrapporta, ftit snin wara l-iskoperta mill-ġdid, li t-tempji kienu jintużaw b'mod sigriet mill-yogis u minn eluf ta' Induisti li kienu jaslu għal pellegrinaġġ matul ix-Shivaratri li tiġi ċċelebrata kull sena fi Frar jew f'Marzu abbażi ta' kalendarju tal-qamar. Fl-1852, F. C. Maisey ħejja l-iktar tpinġijiet bikrin tat-tempji ta' Khajuraho.[22]
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem "Khajuraho" jew Kharjuravāhaka ġej mis-Sanskritu tal-qedem (kharjura, खर्जूर tfisser siġra tal-palm tat-tamal[23], u vāhaka, वाहक tfisser "wieħed li jġorr").[24] Skont leġġendi lokali jingħad li t-tempji kellhom żewġ siġriet tal-palm tat-tamal tad-deheb fid-daħla tagħhom (li ma nstabux meta t-tempji ġew skoperti mill-ġdid). Desai jiddikjara li Kharjuravāhaka tfisser ukoll "wieħed li jġorr l-iskorpjuni", li huwa isem simboliku ieħor għall-alla Shiva (li fl-għamla kiefra tiegħu jilbes girlandi magħmulin mis-sriep u mill-iskorpjuni).[25]
Ix-xogħol ta' tismija u ta' dokumentazzjoni sistematika fis-snin 50 u 60 tas-seklu 19 ġie adottat b'mod wiesa' u għadu jintuża. Huwa ġabar flimkien it-tempji fi tliet gruppi: il-grupp tal-Punent madwar Lakshmana, il-grupp tal-Lvant madwar Javeri, u l-grupp tan-Nofsinhar madwar Duladeva.[26]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Grupp ta' Monumenti ta' Khajuraho ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Tempji, affiljazzjonijiet reliġjużi u sena tal-konsagrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Sekwenza | Isem modern tat-tempju | Reliġjon | Divinità | Sena tat-tlestija
(W.K.)[27] |
Ritratt |
---|---|---|---|---|---|
1 | Chausath Yogini | Induiżmu | Devi, 64 Yoginis | 885 | |
2 | Lalguan Mahadev | Induiżmu | Shiva | 900 | |
3 | Brahma | Induiżmu | Shiva | 925 | |
4 | Lakshmana | Induiżmu | Vaikuntha Vishnu | 939 | |
5 | Varaha | Induiżmu | Varaha | 950 | |
6 | Parshvanatha | Ġainiżmu | Parshvanatha | 954 | |
7 | Ghantai | Ġainiżmu | Adinatha | 960 | |
8 | Mahishasuramardini | Induiżmu | Parvati | 995 | |
9 | Vishvanatha | Induiżmu | Shiva | 999 | |
10 | Matangeshwar | Induiżmu | Shiva | 1000 | |
11 | Vishnu-Garuda | Induiżmu | Vishnu | 1000 | |
12 | Fdalijiet ta' Beejamandal | Induiżmu | Shiva | 1000 | |
13 | Ganesha | Induiżmu | Shiva | 1000 | |
14 | Jagadambi | Induiżmu | Devi Jagadambi | 1023 | |
15 | Chitragupta | Induiżmu | Shiva | 1023 | |
16 | Adinath | Ġainiżmu | Adinatha | 1027 | |
17 | Shantinatha | Ġainiżmu | Shantinatha | 1027 | |
18 | Kandariya Mahadeva (l-ikbar tempju) | Induiżmu | Shiva | 1029 | |
19 | Vamana | Induiżmu | Vamana | 1062 | |
20 | Javeri | Induiżmu | Shiva | 1090 | |
21 | Chaturbhuja | Induiżmu | Vishnu | 1110 | |
22 | Duladeo (Duladeva) | Induiżmu | Shiva | 1125 |
Arti u skultura
[immodifika | immodifika s-sors]It-tempji ta' Khajuraho fihom varjetà ta' opri tal-arti, li minnhom 10 % ġewwa u barra t-tempji huma arti erotika sexual. Uħud mit-tempji li għandhom żewġ saffi ta' ħitan għandhom tinqix erotiku żgħir fuq in-naħa ta' barra tal-ħajt intern. Xi studjużi jissuġġerixxu li dawn huma rappreżentazzjoni ta' prattiki sesswali tantriċi.[28] Studjużi oħra jsostnu li l-arti erotika hija parti mit-tradizzjoni Induista tat-trattament tal-kama bħala parti essenzjali u proprja tal-ħajja tal-bniedem, u t-turija simbolika jew espliċita tagħha hija komuni fit-tempji tal-Induiżmu.[29][30] James McConnachie, fl-istorja tiegħu dwar il-Kamasutra, jiddeskrivi l-iskulturi erotiċi ta' Khajuraho bħala "il-quċċata tal-arti erotika":
Il-panewijiet tal-ħitan esterni mnaqqxa u mirquma b'sengħa tal-għaġeb huma miksija b'ninfi f'kull tip ta' poża jew pożizzjoni, b'qadd wiesa' u b'sidirhom ippoppat li juru ġisimhom fis-sbuħija kollha tiegħu mżejjen bil-ġojjelli. Iż-żina ta' dawn l-apsari tintwera fuq il-ġebel, u jintwerew ukoll jużaw il-kożmetiċi, jaħslu xagħarhom, jilagħbu l-logħob, jiżfnu u jaqflu u jħollu l-panċieri tagħhom. ... Maġenb in-ninfi spiss hemm sensiela ta' griffins, allat gwardjani u, l-iktar famużi, maithunas f'pożizzjonijiet sesswali jew erotiċi stravaganti.
It-tempji fihom diversi eluf ta' statwi u opri tal-arti. It-Tempju ta' Kandarya Mahadeva waħdu huwa mżejjen b'iktar minn 870 statwa jew opra tal-arti. Xi 10 % minn dan it-tinqix ikonografiku fih temi sesswali u diversi pożi sesswali. Ħsieb żbaljat komuni hu li ladarba dawn l-istrutturi antiki bit-tinqix f'Khajuraho huma tempji, it-tinqix jirrappreżenta xeni sesswali bejn l-allat jew id-divinitajiet;[31] madankollu, l-arti tal-kama jirrappreżentaw diversi espressjonijiet sesswali ta' bnedmin differenti.[32] Il-maġġoranza l-kbira tal-opri tal-arti jirrappreżentaw bosta aspetti tal-ħajja ta' kuljum, ġrajjiet mitiċi kif ukoll it-turija simbolika ta' diversi valuri lajċi u spiritwali importanti fit-tradizzjoni Induista.[29] Pereżempju, hemm rappreżentazzjonijiet li juru nisa jużaw il-kożmetiċi, mużiċisti jdoqqu l-mużika, ħaddiema jaħdmu ċ-ċeramika, bdiewa, u oħrajn fil-ħajja ta' kuljum tagħhom fil-Medjuevu.[33] Dawn ix-xeni jinsabu fuq il-ħitan esterni, li hija xi ħaġa tipika tat-tempji Induisti.
Fl-opri tal-arti tat-tempji ta' Khajuraho hemm simboliżmu ikonografiku.[29] Il-qofol tal-valuri Induisti jiġu espressi b'diversi modi. Anke x-xeni tal-kama, meta jitqiesu flimkien mal-iskulturi ta' qabilhom u ta' warajhom, jirrappreżentaw temi spiritwali bħall-moksha. Skont Stella Kramrisch:
“ Dan l-istat li huwa "bħal raġel u mara jħaddnu lil xulxin mill-qrib" huwa simbolu tal-moksha, ir-rilaxx jew ir-riunjoni finali ta' żewġ prinċipji, l-essenza (Purusha) u n-natura (Prakriti). ”
—Stella Kramrisch, 1976
It-tempji ta' Khajuraho jirrappreżentaw espressjoni waħda tal-bosta forom ta' arti li tkattru fir-renji Rajput tal-Indja mis-seklu 8 sas-seklu 10 W.K. Pereżempju, fl-istess żmien ta' Khajuraho nħarġu l-pubblikazzjonijiet ta' poeżiji u ta' drammi, fosthom Prabodhacandrodaya, Karpuramanjari, Viddhasalabhanjika u Kavyamimansa.[34] Uħud mit-temi espressi f'dawn ix-xogħlijiet letterarji huma mnaqqxin bħala skulturi fit-tempji ta' Khajuraho.[35][36] Xi skulturi tal-monumenti ta' Khajuraho ddedikati lil Vishnu jinkludu l-Vyalas, li huma annimali ibridi immaġinarji b'iġsma ta' iljuni, u jinstabu wkoll f'tempji Indjani oħra. Uħud minn dawn l-opri tal-arti mitiċi ibridi jinkludu l-Vrik Vyala (annimal ibridu nofsu lupu u nofsu iljun) u l-Gaja Vyala (annimal ibridu nofsu iljunfant u nofsu iljun). Dawn il-Vyalas jaf jirrappreżentaw kombinament sinkretiku kreattiv ta' setgħat fi ħdan it-tnejn.[37]
Turiżmu u avvenimenti kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]It-tempji ta' Khajuraho huma maqsuma fi tliet gruppi: il-grupp tal-Lvant, il-grupp tan-Nofsinhar u l-grupp tal-Punent, li minnhom dan tal-aħħar biss għandu l-faċilità ta' żjara ggwidata bl-awdjo fejn it-turisti jiġu ggwidati biex iżuru xi seba'-tmien tempji. Hemm ukoll żjara ggwidata bl-awdjo li ġiet żviluppata mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja li tinkludi n-narrazzjoni tal-istorja u tal-arkitettura tat-tempji.[38]
Il-Festival taż-Żfin ta' Khajuraho jsir kull sena fi Frar.[39] Jinkludi diversi tipi ta' żifniet Indjani klassiċi li jsiru fl-isfond tat-Tempji ta' Chitragupta jew ta' Vishwanath.
Fil-kumpless tat-tempji ta' Khajuraho jsir spettaklu bid-dwal u bl-awdjo kuljum filgħaxija. L-ewwel spettaklu kuljum isir bl-Ingliż u t-tieni wieħed bl-Indù. L-ispettakli jsiru fil-beraħ fuq il-ħaxix fil-kumpless tat-tempji.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Khajuraho Group of Monuments UNESCO World Heritage Site
- ^ "World Heritage Day: Five must-visit sites in India". web.archive.org. 2015-04-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-19. Miġbur 2021-09-08.
- ^ Philip Wilkinson (2008), India: People, Place, Culture and History, ISBN 978-1405329040, pp. 352-353.
- ^ Gopal, Madan (1990). K.S. Gautam (ed.). India through the ages. Publication Division, Ministry of Information and Broadcasting, Government of India. p. 179.
- ^ Devangana Desai (2005), Khajuraho, Oxford University Press, Sixth Print, ISBN 978-0-19-565643-5.
- ^ Team, Sales. "Khajuraho". siliconindia. Miġbur 2021-09-08.
- ^ Frontline, Volume 24, Issues 6-12. S. Rangarajan for Kasturi & Sons. 2007. p. 93.
- ^ Fergusson, James; Burgess, James; Spiers, Richard Phené (1910). History of Indian and Eastern architecture. London, J. Murray.
- ^ "Airports Authority of India". web.archive.org. 2015-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-08. Miġbur 2021-09-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ G.S. Ghurye, Rajput Architecture, ISBN 978-8171544462, Reprint Year: 2005, pp. 19-24.
- ^ Sen, Sailendra (2013). A Textbook of Medieval Indian History. Primus Books. ISBN 9789380607344.
- ^ Devangana Desai (2005). Khajuraho (Sixth impression ed.). Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565391-5. p. 10.
- ^ Mitra (1977), The early rulers of Khajuraho, ISBN 978-8120819979.
- ^ Hioco, Christophe; Poggi, Luca (2017). Khajuraho: Indian Temples and Sensuous Sculptures. 5 Continents Editions. p. 9. ISBN 978-88-7439-778-5.
- ^ J. Banerjea (1960), Khajuraho, Journal of the Asiatic Society, Vol. 2-3, pp. 43-47.
- ^ Director General of Archaeology in India (1959), Archaeological Survey of India, Ancient India, Issues 15-19, pp 45-46.
- ^ Arthur Cotterell (2011), Asia: A Concise History, Wiley, ISBN 978-0470825044, pp 184-185.
- ^ Trudy King et al., Asia and Oceania: International Dictionary of Historic Places, ISBN 978-1884964046, Routledge, pp. 468-470.
- ^ Alain Daniélou (2011), A Brief History of India, ISBN 978-1594770296, pp. 221-227.
- ^ Michael D. Willis, An Introduction to the Historical Geography of Gopakṣetra, Daśārṇa, and Jejākadeśa, Bulletin of the School of Oriental and African Studies, University of London, Vol. 51, No. 2 (1988), pp. 271-278; See also K.R. Qanungo (1965), Sher Shah and his times, Orient Longmans, OCLC 175212, pp. 423-427.
- ^ Louise Nicholson (2007), India, National Geographic Society, ISBN 978-1426201448.
- ^ Krishna Deva (1990), Temples of Khajuraho, 2 Volumes, Archaeological Survey of India, New Delhi.
- ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-08.
- ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-08.
- ^ Devangana, Desai (1996). "Chapter 7 - Puns and Enigmatic Language in Sculpture" (PDF).
- ^ Rana Singh (2007), Landscape of sacred territory of Khajuraho, in City Society and Planning (Editors: Thakur, Pomeroy, et al), Volume 2, ISBN 978-8180694585.
- ^ Rana Singh (2007), Landscape of sacred territory of Khajuraho, in City Society and Planning (Editors: Thakur, Pomeroy, et al), Volume 2, ISBN 978-8180694585, Chapter 18
- ^ Rabe (2000), Secret Yantras and Erotic Display for Hindu Temples, Tantra in Practice (Editor: David White), ISBN 978-8120817784, il-Kapitlu 25, pp. 434-446.
- ^ a b ċ Devangana Desai (2005), Khajuraho, Oxford University Press, Sixth Print, ISBN 978-0-19-565643-5
- ^ See:
- Heather Elgood (2000), Hinduism and the Religious Arts, ISBN 978-0304707393, Bloomsbury;
- Stella Kramrisch, The Hindu Temple, Volume 1, ISBN 81-208-0223-3, pp 92-96;
- Alain Danielou (2001), The Hindu Temple: Deification of Eroticism, ISBN 978-0892818549, pp 101-119
- ^ "Khajuraho". Liveindia.com. Retrieved 14 July 2014.
- ^ Alain Danielou (2001), The Hindu Temple: Deification of Eroticism, ISBN 978-0892818549
- ^ George Michell, The Hindu Temple: An Introduction to Its Meaning and Forms, University of Chicago Press, ISBN 978-0226532301, pp 117-123 and pp 56–58
- ^ L. H. Gray, Journal of American Society, Vol. 27
- ^ Devangana Desai (1996), Chapter 7 - Puns and Enigmatic Language in Sculpture in The Religious Imagery of Khajuraho, Project for Indian Cultural Studies, Columbia University Archives
- ^ H.;M. Woodward (1989), "The Lakṣmaṇa Temple, Khajuraho, and Its Meanings", Ars Orientalis, Vol. 19, pp. 27–48
- ^ Hiram W. Woodward, Jr., "The Lakṣmaṇa Temple, Khajuraho, and Its Meanings", Ars Orientalis, Vol. 19, (1989), pp. 27–48
- ^ Tourists to Khajuraho will now have an audio compass The Times of India (25 August 2011)
- ^ Khajuraho Festival of Dances