Aqbeż għall-kontentut

Hawa Mahal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Lvant tal-Hawa Mahal.

Il-Hawa Mahal huwa palazz fil-belt ta' Jaipur, l-Indja. Huwa magħmul bil-ġebla tar-ramel ta' lewn aħmar u roża, u jinsab fit-tarf tal-Palazz tal-Belt ta' Jaipur u jibqa' sejjer saż-Zenana jew il-kompartimenti tan-nisa.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-istruttura nbniet fl-1799 mill-Maharaja Sawai Pratap Singh, in-neputi tal-Maharaja Sawai Jai Singh, il-fundatur tal-belt ta' Jaipur, l-Indja.[1] Tant baqa' ispirat mill-istruttura unika tal-Khetri Mahal, li bena dan il-palazz grandjuż u storiku.

Il-palazz ġie ddisinjat minn Lal Chand Ustad. Il-faċċata tiegħu ta' ħames sulari qisha xehda tan-naħal, bid-953 tieqa żgħira msejħa Jharokhas imżejna b'xogħol mirqum tal-kannizzati.[2] Il-ħsieb oriġinali tad-disinn tal-kannizzati kien li jippermetti lin-nisa rjali josservaw il-ħajja ta' kuljum u l-festivals li kienu jiġu ċċelebrati fit-triq ta' taħthom mingħajr ma kienu jidhru, peress li kellhom jobdu r-regoli stretti tal-purdah, li kienu jipprojbixxu li jidhru fil-pubbliku mingħajr ma jkollhom wiċċhom mgħotti. Din il-karatteristika arkitettonika kienet tippermetti wkoll li tgħaddi l-arja friska mill-effett ta' Venturi, u b'hekk l-istruttura kollha minn ġewwa kienet tkun ferm iktar pjaċevoli minn barra matul is-sajf meta x-xemx kienet tkun fl-aqwa tagħha.[3][4] Ħafna nies meta jaraw il-Hawa Mahal mit-triq jaħsbu li jkunu qed jaraw il-faċċata ta' quddiem tal-palazz, iżda fil-fatt ikunu qed jaraw il-parti ta' wara tal-palazz.[5]

Fl-2006 saru xogħlijiet ta' rinnovazzjoni u ta' restawr fuq il-Hawa Mahal, wara distakk ta' xi 50 sena, sabiex jaqilgħu l-faċċata tal-monument. Il-proġett huwa stmat li sewa Rs 4,568 miljun.[6] Is-settur korporattiv ta daqqa t'id fil-finanzjament tal-għall-preservazzjoni tal-monumenti storiċi ta' Jaipur u l-Unit Trust of India ħadet ħsieb il-manutenzjoni tal-Hawa Mahal.[7] Il-palazz huwa parti estiża ta' kumpless enormi. Id-dettalji tax-xogħol tat-tinqix fil-ġebel huma karatteristiċi li jwasslu biex dan il-monument jitqies bħala attrazzjoni turistika popolari.

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-palazz huwa monument ta' ħames sulari b'għamla ta' piramida b'għoli ta' madwar 50 pied (15-il metru). It-tliet sulari ta' fuq tal-istruttura għandhom wisa' ta' kamra unika, filwaqt li l-ewwel u t-tieni sular għandhom terrazzi quddiemhom. L-elevazzjoni ta' quddiem, kif jaraha wieħed li jkun għaddej mit-triq, tixbah lil xehda tan-naħal b'toqob żgħar. Kull toqba għandha twieqi f'minjatura u kannizzati, tiżjin u koppli mnaqqxa tal-ġebla tar-ramel. Għandha d-dehra ta' massa ta' kompartimenti semiottagonali, li twassal għall-faċċata unika tal-monument. Il-faċċata fuq ġewwa, fuq in-naħa ta' wara tal-binja, tikkonsisti minn kmamar mibnija permezz ta' pilastri u kurituri b'tiżjin minimu, u tasa; sas-sular ta' fuq nett. Fuq ġewwa, il-palazz ġie deskritt "li għandu kmamar magħmula b'irħam b'kuluri differenti, b'riljievi b'panewijiet intarsjati jew indurati; filwaqt li għandu funtani li jsebbħu ċ-ċentru tal-bitħa".[8][9]

Lal Chand Usta kien l-arkitett. L-istruttura nbniet bil-ġebel tar-ramel ta' lewn aħmar u roża biex jaqbel mal-bqija tal-monumenti l-oħra fil-belt, li wassal biex il-belt ta' Jaipur tissejjaħ "il-Belt ir-Roża". Il-faċċata tagħha b'953 niċċa b'jharokhas imnaqqxa b'mod mirqum (uħud magħmula bl-injam) toħloq kuntrast kbir mas-sempliċità tal-faċċata fuq in-naħa ta' wara tal-istruttura. Il-wirt kulturali u arkitettoniku tagħha hu riflessjoni ta' fużjoni tal-arkitettura Rajput Induista u l-arkitettura Mughal Iżlamika; l-istil Rajput joħroġ fid-dieher fil-forma ta' kanopewijiet bil-koppli, pilastri mrikkbin, u disinni bil-fjuri u bil-lotus, filwaqt li l-istil Iżlamiku joħroġ fid-dieher fix-xogħol tal-filugran intarsjat fil-ġebel u fl-arkati (distinti mix-xebħ mal-Panch Mahal f'Fatehpur Sikri).[10][11]

L-aċċess għall-Hawa Mahal min-naħa tal-palazz tal-belt hu minn daħla imperjali. Din tagħti għal bitħa kbira, b'binjiet b'żewġ sulari fuq tliet naħat, u l-Hawa Mahal jikkonfinaha fuq in-naħa tal-Lvant. F'din il-bitħa hemm ukoll mużew arkeoloġiku.[12]

Il-Hawa Mahal kien magħruf ukoll bħala l-kapulavur ewlieni tal-Maharaja Jai Singh peress li kien ir-residenza ppreferuta tiegħu minħabba l-eleganza u l-mod kif kien mgħammar il-Hawa Mahal fuq ġewwa. L-effett ta' tberrid fil-kmamar, bis-saħħa taż-żiffa li kienet tgħaddi mit-twieqi ż-żgħar tal-faċċata, ġie msaħħaħ bil-funtani fiċ-ċentru ta' kull waħda mill-kmamar.[13]

Wieħed jista' jasal għaż-żewġ sulari ta' fuq tal-Hawa Mahal permezz ta' rampi biss. Iż-żamma tal-Hawa Mahal hija f'idejn id-dipartiment arkeoloġiku tal-Gvern ta' Rajasthan.[12]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "About Hawa Mahal | Hawa Mahal" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-22.
  2. ^ Rai, Vinay; William L. Simon (2007). Think India: the rise of the world's next superpower and what it means for every American. Hawa Mahal. Dutton. p. 194. ISBN 978-0-525-95020-2.
  3. ^ "Hawa Mahal - Hawa Mahal Jaipur, Hawa Mahal Jaipur Rajasthan, Hawa Mahal Jaipur India". www.iloveindia.com. Miġbur 2022-11-22.
  4. ^ "Hawa Mahal Jaipur - History, Architecture, Visiting Hours". www.jaipur.org.uk. Miġbur 2022-11-22.
  5. ^ "Hawa Mahal The Crown Of Jaipur - Information About Hawa Mahal - Architecture, History, Jaipur Rajasthan India Amerjaipur" (bl-Ingliż). 2021-12-12. Miġbur 2022-11-22.
  6. ^ "- - Daily News from India and South Asia". web.archive.org. 2011-07-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-17. Miġbur 2022-11-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "INTAC" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-11-22. Miġbur 2022-11-22.
  8. ^ "Hawa Mahal,Hawa Mahal Jaipur,Hawa Mahal in Jaipur,Jaipur Hawa Mahal,Hawa Mahal Tour,Hawa Mahal of Jaipur,Hawa Mahal in Jaipur Rajasthan,Tour to Hawa Mahal in Jaipur". web.archive.org. 2009-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-12-09. Miġbur 2022-11-22.
  9. ^ Sitwell, Sacheverel (1962). The red chapels of Banteai Srei: and temples in Cambodia, India, Siam, and Nepal. Hawa Mahal. Weidenfeld u Nicolson. p. 174. ISBN 9789020073201.
  10. ^ "Hawa Mahal Jaipur, Hawa Mahal, Jaipur Hawa Mahal, Hawa Mahal of Jaipur Tour in India Rajasthan". web.archive.org. 2009-12-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-12-12. Miġbur 2022-11-22.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Fatehpur Sikri". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-22.
  12. ^ a b "Hawa Mahal in Jaipur,Information on Hawa Mahal Jaipur,About Hawa Mahal Jaipur Rajasthan,History of Hawa Mahal Jaipur Rajasthan,Mahal in Jaipur Rajasthan India". web.archive.org. 2010-01-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-01-29. Miġbur 2022-11-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ Rousselet, Loius; Charles Randolph Buckle (2005). India and its native princes: travels in Central India and in the presidencies of Bombay and Bengal. Hawa Mahal. Asian Educational Services. p. 228. ISBN 81-206-1887-4.