Aqbeż għall-kontentut

Jantar Mantar, Jaipur

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ir-Rashivilaya Yantra tal-Jantar Mantar ta' Jaipur

Il-Jantar Mantar ta' Jaipur huwa ġabra ta' 19-il strument astronomiku li nbnew mir-re Rajput Sawai Jai Singh II, il-fundatur ta' Jaipur fir-Rajasthan, l-Indja. Il-monument tlesta fl-1734.[1] Jinkludi l-ikbar arloġġ tax-xemx fid-dinja magħmul bil-ġebel[2], u huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Jinsab qrib il-Palazz tal-Belt u l-Hawa Mahal. L-istrumenti jippermettu li ssir l-osservazzjoni tal-pożizzjonijiet astronomiċi b'għajnejn il-bniedem. L-osservatorju huwa eżempju tal-astronomija pożizzjonali Tolemajka li kienet kondiviża minn bosta ċivilizzazzjonijiet.[1][2]

Il-monument jinkludi strumenti li jaħdmu f'kull waħda mit-tliet sistemi klassiċi ewlenin tal-koordinati tas-smewwiet: is-sistema lokali tal-orizzont u ż-żenit, is-sistema ekwatorjali, u s-sistema elliptika.[1] Il-Kanmala Yantraprakara huwa strument li jaħdem f'żewġ sistemi u jippermetti t-trasformazzjoni tal-koordinati direttament minn sistema għall-oħra.[4]

Il-monument ġarrab ħsarat fis-seklu 19. Sar xogħol bikri ta' restawr taħt is-superviżjoni tal-Maġġur Arthur Garrett, astronomu dilettant akkanit, matul il-ħatra tiegħu bħala Assistent Inġinier Statali għad-Distrett ta' Jaipur.[5]

L-isem "jantar" ġej minn yantra, kelma bis-Sanskritu, li tfisser "strument, magna", u "mantar" minn mantrana, li wkoll hija kelma bis-Sanskritu, li tfisser "ikkonsulta, ikkalkula").[6] Għaldaqstant, "Jantar Mantar" tfisser litteralment "strument li jikkalkula".[2]

Jai Singh innota li ż-Zij, li kien jintuża biex tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-oġġetti fis-smewwiet, ma kienx jaqbel mal-pożizzjonijiet ikkalkulati fuq it-tabella. Huwa bena ħames osservatorji ġodda fi bliet differenti sabiex joħloq Zij iktar preċiż. It-tabelli astronomiċi li ħoloq Jai Singh, magħrufa bħala ż-Zij-i Muhammad Shahi, baqgħu jintużaw b'mod kontinwu fl-Indja għal seklu. Madankollu, it-tabella ma tantx kellha importanza 'l barra mill-Indja. Barra minn hekk, it-tabella kienet tkejjel ukoll il-ħin.[7]

L-ikbar arloġġ tax-xemx fid-dinja

Mhux magħruf eżattament meta Raja Jai Singh beda l-kostruzzjoni tal-Jantar Mantar ta' Jaipur, iżda diversi strumenti kienu nbnew sal-1728, u l-kostruzzjoni tal-istrumenti f'Jaipur kompliet sal-1738. Matul l-1735, meta l-kostruzzjoni laħqet il-qofol tagħha, mill-inqas 23 astronomu kienu impjegati f'Jaipur, u minħabba l-klima politika li kienet qed tevolvi, il-Jantar Mantar ta' Jaipur ħa post Delhi bħala l-osservatorju prinċipali ta' Raja Jai Singh u baqa' l-osservatorju ċentrali ta' Jai Singh sa mewtu fl-1743. L-osservatorju tilef is-sostenn taħt Isvari Singh (li rrenja bejn l-1743 u l-1750) minħabba gwerra tas-suċċessjoni bejnu u ħuh. Madankollu, Mado Singh (li rrenja bejn l-1750 u l-1768), is-suċċessur ta' Isvari Singh, appoġġa l-osservatorju, għalkemm ma kienx hemm l-istess livell ta' attività fih bħal taħt Jai Singh. Minkejja li xi xogħlijiet ta' restawr saru fil-Jantar Mantar ta' Jaipur taħt Pratap Singh (li rrenju bejn l-1778u l-1803), l-attività fl-osservatorju waqfet għalkollox mill-ġdid. Matul dan iż-żmien, inbena tempju u Pratap Singh biddel is-sit tal-osservatorju f'fabbrika tal-armi tan-nar.[7]

Ram Singh (li rrenja bejn l-1835 u l-1880) lesta x-xogħlijiet ta' restawr tal-Jantar Mantar ta' Jaipur fl-1876, u saħansitra wassal biex uħud mill-istrumenti jservu iktar fit-tul billi daħħal iċ-ċomb fil-linji tal-istrumenti u billi uża l-ġebla għar-restawr ta' xi strumenti tal-ġibs. Madankollu, l-osservatorju ma damx ma jerġa' jiġi mitluq, u ma ġiex irrestawrat qabel l-1901 taħt Madho Singh II (li rrenja bejn l-1880 u l-1922).[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Jantar Mantar ta' Jaipur ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Veduta panoramika tal-Jantar Mantar ta' Jaipur
Il-Jantar Mantar ta' Jaipur juża t-tliet sistemi antiki tal-koordinati mill-ħames sistemi ta' koordinati magħrufa tas-smewwiet. F'din l-istampa ta' hawn fuq, is-sistemi ta' koordinati bl-aħmar (ellittika) u bil-blu (ekwatorjali) huma tnejn mit-tliet sistemi klassiċi preżenti fl-istrumenti tal-monument.[1]

L-osservatorju jikkonsisti minn dsatax-il strument għall-kejl tal-ħin, għat-tbassir tal-eklissi, għat-traċċar tal-pożizzjoni tal-istilel maġġuri skont kif id-dinja torbita madwar ix-xemx, għall-aċċertament tad-deklinazzjonijiet tal-pjaneti, u għad-determinazzjoni tal-altitudnijiet tal-oġġetti tas-smewwiet u għal efemeridi relatati. Dawn huma d-19-il strument astronomiku differenti tal-Jantar Mantar ta' Jaipur:

  1. Chakra Yantra (erba' arki semiċirkolari li fuqhom gnomon jixħet dell, u b'hekk jagħti d-deklinazzjoni tax-xemx f'erba' ħinijiet speċifiċi tal-jum. Din id-data tikkorrispondi għal nofsinhar f'erba' osservatorji madwar id-dinja (Greenwich fir-Renju Unit, Zurich fl-Iżvizzera, Notke fil-Ġappun u Saitchen fl-Oċean Paċifiku); dan huwa l-ekwivalenti għal ħajt ta' arloġġi li jirreġistraw il-ħinijiet differenti f'inħawi differenti tad-dinja)[8]
  2. Dakshin Bhitti Yantra (ikejjel il-meridjan, l-altitudni u d-distanzi taż-żenit tal-korpi tas-smewwiet)[8]
  3. Digamsha Yantra (pilastru fin-nofs ta' żewġ ċrieki konċentriċi fuq barra, għall-kejl tal-ażimut tax-xemx u għall-kalkolu tat-tbassir tal-ħin tat-tlugħ ix-xemx u ta' nżul ix-xemx)[9]
  4. Disha Yantra
  5. Dhruva Darshak Pattika (għall-osservazzjoni u għas-sejbien tal-pożizzjoni tal-istilla polar fir-rigward ta' korpi oħra tas-smewwiet)[9]
  6. Jai Prakash Yantra (żewġ arloġġi tax-xemx emisferiċi qishom skutelli b'markaturi tal-irħam li jimmappjaw l-immaġnijiet invertiti tas-smewwiet u li jippermettu lill-osservatoru jiċċaqlaq fl-istrument stess; jintuża wkoll għall-kejl tal-attitudnijiet, tal-ażimut, tal-angoli tas-sigħat u tad-deklinazzjonijiet)[1][8]
  7. Kapali Yantra (ikejjel il-koordinati ta' korpi tas-smewwiet fis-sistemi tal-ażimut u ekwatorjali; kwalunkwe punt fis-sema jista' jiġi ttrasformat viżivament minn sistema ta' koordinati għall-oħra)[4]
  8. Kanali Yantra
  9. Kranti Vritta Yantra (ikejjel il-lonġitudni u l-latitudni tal-korpi tas-smewwiet)
  10. Laghu Samrat Yantra (l-iżgħar arloġġ tax-xemx fil-monument, inklinat f'27 grad, li jkejjel il-ħin, għalkemm b'mod inqas preċiż mill-Vrihat Samrat Yantra)[9]
  11. Misra Yantra (li jfisser "strument imħallat", huwa ġabra ta' ħames strumenti differenti)
  12. Nadi Valaya Yantra (żewġ arloġġi tax-xemx fuq uċuħ differenti tal-istrument li jirrappreżentaw l-emisferi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar; ikejjel il-ħin bi preċiżjoni ta' inqas minn minuta)[9]
  13. Palbha Yantra
  14. Rama Yantra (binja wieqfa li tintuża biex tinstab l-altitudni u l-ażimut tax-xemx)
  15. Rashi Valaya Yantra (12-il arloġġ gnomon li jkejlu l-koordinati ellittiċi tal-istilel, tal-pjaneti u tat-12-il sistema kollha ta' kostellazzjonijiet)
  16. Shastansh Yantra (maġenb il-Vrihat Samrat Yantra; dan l-istrument għandu ark f'60 grad mibni fil-pjan tal-meridjan fi ħdan kompartiment mudlam. F'nofsinhar, l-immaġni tax-xemx minn toqba ċkejkna tiġi fuq skala ta' taħt u tippermetti lill-osservatur ikejjel id-distanza taż-żenit, id-deklinazzjoni u d-dijametru tax-xemx)[10]
  17. Unnatamsa Yantra (ċirku tal-metall maqsum f'erba' segmenti minn linji orizzontali u vertikali, b'toqba fin-nofs; il-pożizzjoni u l-orjentazzjoni tal-istrument tippermetti l-kejl tal-altitudni tal-korpi tas-smewwiet)[9]
  18. Vrihat Samrat Yantra (l-ikbar arloġġ tax-xemx tat-tip gnomon fid-dinja, li jkejjel il-ħin f'intervalli ta' żewġ sekondi bl-użu tad-dell mid-dawl tax-xemx)
  19. Yantra Raj Yantra (astrolabju tal-bronż ta' 2.43 metri, wieħed mill-ikbar fid-dinja, li jintuża darba fis-sena biss, u li jikkalkula l-kalendarju tal-Induiżmu)[11]

Il-Vrihat Samrat Yantra, li jfisser ir-"re il-kbir tal-istrumenti", huwa għoli 88 pied (27 metru); id-dell tiegħu juri l-ħin binhar. Il-faċċata tiegħu hija angolata f'27 grad, il-latitudni ta' Jaipur. Iċ-chhatri (koppla żgħira) tal-Induiżmu fuq nett tintuża bħala pjattaforma li tħabbar l-eklissijiet u l-wasla tal-monsuni.

Fil-biċċa l-kbira, l-istrumenti huma strutturi kbar. Ġie allegat li l-iskala li biha nbnew iżżid il-preċiżjoni tagħhom. Madankollu, il-penumbra tax-xemx tista' tkun wiesgħa sa 30 mm, u b'hekk iż-żidiet ta' 1 mm tal-arloġġ tax-xemx magħruf bħala s-Samrat Yantra jispiċċaw ma jkollhom l-ebda sinifikat prattiku. Barra minn hekk, il-bennejja li bnew l-istrumenti ma kellhomx biżżejjed esperjenza fil-kostruzzjoni fuq skala bħal dik, u ċ-ċediment tal-pedimenti sussegwentement waslet biex jitilfu l-allinjament tagħhom Is-Samrat Yantra, pereżempju, li huwa arloġġ tax-xemx, jingħad li jkejjel il-ħin bi preċiżjoni ta' madwar żewġ sekondi fil-ħin lokali ta' Jaipur.[12] L-arloġġ tax-xemx ġgantesk jew is-Samrat Yantra (li tfisser "l-Istrument Suprem") huwa wieħed mill-ikbar arloġġi tax-xemx fid-dinja, u huwa għoli 27 metru.[13] Id-dell tiegħu jiċċaqlaq b'mod viżibbli 1 mm kull sekonda, jew bejn wieħed u ieħor il-wisa' ta' id (6 cm) kull minuta, li tista' tkun esperjenza tal-għaġeb għal min josservah.

Materjali tal-kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Jai Prakash Yantra fil-Jantar Mantar ta' Jaipur

Mibnija mill-ġebla u mill-irħam lokali, kull strument għandu skala astronomika, li ġeneralment hija mmarkata fuq in-naħa ta' ġewwa tal-irħam. Intużaw ukoll tavli tal-bronż, brikks u tkaħħil fil-kostruzzjoni tal-istrumenti fil-monument li huwa mifrux fuq iżjed minn 18,700 metru kwardu. L-istrumenti baqgħu jintużaw b'mod kontinwu sa madwar is-sena 1800, u mbagħad ma baqgħux jintużaw u ġew mitluqa. L-istrumenti ġew irrestawrati diversi drabi matul it-tmexxija kolonjali Brittanika, partikolarment fl-1902. Il-Jantar Mantar ta' Jaipur ġie ddikjarat monument nazzjonali fl-1948 u ġie rrestawrat mill-ġdid fl-2006. Fil-proċess ta' restawr tal-bidu tas-seklu 20 ġew issostitwiti wħud mill-materjali tal-kostruzzjoni oriġinali b'materjali differenti.[1]

Il-Jantar Mantar ta' Jaipur ilu ġestit fil-qafas tal-Att tar-Rajasthan dwar is-Siti u l-Monumenti Arkeoloġiċi mill-1961, u ilu protett bħala Monument Nazzjonali tar-Rajasthan mill-1968.[14]

Tavla tal-Jantar Mantar ta' Jaipur dwar il-pjaneti

Il-Vedas (l-iktar testi antiki tal-Induiżmu) isemmu termini astronomiċi, il-kejl tal-ħin u l-kalendarju, iżda ma jsemmu l-ebda strumenti astronomiku. L-iktar diskussjoni bikrija dwar strumenti astronomiċi, bħall-gnomon u l-klessidra, tinsab fil-Vedangas, testi antiki bis-Sanskritu. Il-gnomon (imsejjaħ Shanku, शङ्कु)[15] li jinsab fil-Jantar Mantar ta' Jaipur jiġi diskuss fil-Vedangas tal-ewwel millenju Q.K. u f'bosta testi li ġew wara bħall-Katyayana Sulbasutras. Diskussjonijiet oħra dwar strumenti astronomiċi jinsabu f'testi tal-Induiżmu bħall-Arthashastra tas-seklu 4 Q.K., f'testi tal-Buddiżmu bħas-Sardulakarna-avadana, u f'testi tal-Ġainiżmu bħas-Surya-prajnapti. It-teoriji wara l-istrumenti jinsabu f'testi ta' Aryabhatta tas-seklu 5 W.K., ta' Brahmagupta u ta' Varahamihira tas-seklu 6 W.K., ta' Lalla tas-seklu 9 W.K., kif ukoll ta' Sripati u ta' Bhaskara tas-seklu 11 W.K. It-testi ta' Bhaskara fihom kapitli sħaħ dwar l-istrumenti u jsejħilhom Yantra-adhyaya.[16][17]

It-teoriji dwar iċ-chakra-yantra, il-yasti-yantra, id-dhanur-yantra, il-kapala-yantra, in-nadivalaya-yantra, il-kartari-yantra, u oħrajn jinsabu f'testi antiki.[16]

It-teleskopju fl-Indja

[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm l-osservatorji ta' Jai Singh ma kinux jużaw it-teleskopji, Jai Singh innifsu kellu diversi teleskopji li okkażjonalment kien juża għall-osservazzjonijiet tiegħu, u fl-Indja kienu qed jinbnew teleskopji oħra. Madankollu, it-teleskopji li nbnew dak iż-żmien ma tantx kienu preċiżi għall-kejl tal-oġġetti tas-smewwiet. Fl-Ewropa, għall-ewwel bdew jintużaw trombi teleskopiċi li kienu jżidu l-preċiżjoni tal-kejl tal-oġġetti tas-smewwiet. Madankollu, it-tromba teleskopika kienet għadha invenzjoni ġdida fl-Ewropa u kienet għadha ma waslitx fl-Indja. L-innovazzjonijiet Ewropej fl-astronomija kienu biss kemxejn iktar preċiżi mill-istrumenti Induisti Medjevali li ħoloq Jai Singh.[7]

Il-Jantar Mantar ta' Jaipur intuża għall-ġbid tal-film tal-2006 The Fall bħala labirint.

Storm Thorgerson ħa ritratt ta' arloġġ tax-xemx tal-Jantar Mantar ta' Jaipur għall-qoxra tad-DVD ta' Shpongle, Live at the Roundhouse 2008.[18]

Julio Cortázar ħa ritratti tal-Jantar Mantar ta' Jaipur f'kollaborazzjoni ma' Antonio Gálvez għall-ktieb Prosa del Observatorio (Editorial Lumen: Barċellona, 1972).

  1. ^ a b ċ d e f "UNESCO Astronomy and World Heritage Webportal - Show entity". www3.astronomicalheritage.net. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-07. Miġbur 2021-09-06.
  2. ^ a b ċ Smithsonian. Timelines of Science. Penguin. p. 136. ISBN 978-1465414342.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Jantar Mantar, Jaipur". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-06.
  4. ^ a b Sharma, VN (1991). "The Kapala Yantras of Sawai Jai Singh" (PDF). Indian Journal of History of Science. 26 (2): 209–216" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-05-05. Miġbur 2021-09-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Monthly Notices of the Royal Astronomical Society, Vol. 81, p. 257.
  6. ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-06.
  7. ^ a b ċ d Nath., Sharma, Virendra (2016). Sawai Jai Singh and his astronomy. Jai Singh II, Maharaja of Jaipur, 1686-1743. (2nd ed.). Delhi: Motilal Banarsidass Publishers. ISBN 978-81-208-1256-7.
  8. ^ a b ċ David Kelly (2011). Exploring Ancient Skies: A Survey of Ancient and Cultural Astronomy. Springer. p. 82. ISBN 978-1441976239.
  9. ^ a b ċ d e Lindsay Brown (2008). Rajasthan, Delhi & Agra. p. 157. ISBN 978-1741046908.
  10. ^ Andreas Volwahsen (2001). Cosmic architecture in India. Prestel. pp. 48–73. ISBN 978-3791325064.
  11. ^ SC Bhatt (2006). Land and People of Indian States and Union Territories. p. 362. ISBN 978-8178353791.
  12. ^ Perlus, Barry. "Architecture in the Service of Science: The Astronomical Observatories of Jai Singh II" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-02-05. Miġbur 2021-09-07.
  13. ^ Aragón, Heraldo de. "El gigante del tiempo de Vadorrey, récord Guinness". heraldo.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2021-09-06.
  14. ^ "Department of Archaeology & Museums, Rajasthan" (PDF). museumsrajasthan.gov.in. Miġbur 2021-09-06.
  15. ^ "Sanskrit - Asien.net" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2021-09-06.
  16. ^ a b Yukio Ohashi (Editor: H Selin) (1997). Encyclopaedia of the History of Science, Technology, and Medicine. Springer. pp. 83–86. ISBN 978-0792340669.
  17. ^ David Edwin Pingree (1981). A History of Indian Literature, Vol 6. Otto Harrassowitz Verlag. pp. 52–54. ISBN 978-3447021654.
  18. ^ "Twisted Music". web.archive.org. 2012-02-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-20. Miġbur 2021-09-06.