Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Indoneżja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-dragun ta' Komodo fil-Park Nazzjonali ta' Komodo.

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] L-Indoneżja rratifikat il-Konvenzjoni fis-6 ta' Lulju 1989, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

B'kollox l-Indoneżja għandha għaxar Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, sitta kulturali u erba' naturali. L-ewwel erba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Indoneżja żdiedu fl-1991: il-Kumpless tat-Tempji ta' Borobudur, il-Kumplessi tat-Tempji ta' Prambanan, il-Park Nazzjonali ta' Komodo u il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon. L-iżjed sit li żdied reċentement mill-Indoneżja huwa l-Assi Kożmoloġiku ta' Yogyakarta u l-Binjiet Storiċi tagħha, fl-2023. Fl-2011, il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra tniżżlu fil-lista tas-siti fil-periklu, minħabba t-theddidiet tal-insib, tal-qtugħ illegali tas-siġar, tal-iżvilupp agrikolu, tal-pjanijiet biex jinbnew toroq li jgħaddu minn ġos-sit.[4]

Siti ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[5]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Kriterji tal-Għażla Erja

f'ettari (akri)

Sena tad-deżinjazzjoni Deskrizzjoni
Kumpless tat-Tempji ta' Borobudur A view from the temple down, several stupas Distrett ta' Magelang, Ġava Ċentrali kulturali:

(i), (ii), (vi)

1991 Dan it-tempju Buddist famuż, li jmur lura għas-sekli 8 u 9, jinsab fiċ-ċentru ta' Ġava. Inbena f'tliet saffi: bażi piramidali b'ħames terrazzi kwadri konċentriċi, il-qafas tawwali ta' kon bi tliet pjattaformi ċirkolari, u fil-quċċata, stupa monumentali. Il-ħitan u l-balavostri huma mżejna b'bassoriljievi fini, li jiksu erja totali ta' 2,500 metru kwadru. Madwar il-pjattaformi ċirkolari hemm 72 stupa b'għamla ta' qniepen, u kull waħda fiha statwa tal-Buddha. Il-monument ġie rrestawrat bl-għajnuna tal-UNESCO fis-snin 70 tas-seklu 20.[6]
Pajsaġġ Kulturali tal-Provinċja ta' Bali: is-Sistema tas-Subak bħala Manifestazzjoni tal-Filosofija tat-Tri Hita Karana Panoramic image of a mountainous greenery Bali kulturali:

(iii), (v), (vi)

2012 Il-pajsaġġ kulturali ta' Bali jikkonsisti minn ħames għelieqi mtarrġa tar-ross u t-tempji tal-ilma tagħhom li jkopru żona ta' 19,500 ettaru. It-tempji huma l-enfasi ta' sistema kooperattiva tal-immaniġġjar tal-ilma mill-kanali u mir-reċinti, magħrufa bħala subak, li tmur lura għas-seklu 9. Inkluż fil-pajsaġġ hemm it-Tempju tal-Ilma Rjali tas-seklu 18 ta' Pura Taman Ayun, li huwa l-ikbar binja arkitettonika u l-iżjed waħda impressjonanti ta' dak it-tip fil-gżira. Is-sistema tas-subak tirrifletti l-kunċett filosofiku tat-Tri Hita Karana, li torbot flimkien l-ispirtu, id-dinja umana u n-natura. Din il-filosofija twieldet mill-iskambju kulturali bejn Bali u l-Indja tul dawn l-aħħar 2,000 sena u sawret il-pajsaġġ ta' Bali. Is-sistema tas-subak ta' prattiki demokratiċi u egalitarji tal-biedja ppermettiet liċ-ċittadini ta' Bali jsiru l-iżjed nies prolifiċi fit-tkabbir tar-ross fl-arċipelagu, minkejja l-isfida li kellha tiġi sostnuta popolazzjoni densa.[7]
Park Nazzjonali ta' Komodo A komodo dragon at the seashore. Distrett tal-Punent ta' Manggarai, Lvant ta' Nusa Tenggara naturali:

(vii), (x)

1991 Dawn il-gżejjer vulkaniċi jgħixu fihom popolazzjoni ta' madwar 5,700 gremxula ġganteska, li minħabba d-dehra u l-imġiba aggressiva tagħhom jissejħu d-"draguni ta' Komodo". Ma jeżistu mkien iktar fid-dinja u huma ta' interess kbir għax-xjenzati li jistudjaw it-teorija tal-evoluzzjoni. Il-ġnub tal-għoljin imħarbta magħmula minn irqajja' ta' savanna niexfa u rqajja' ta' veġetazzjoni ħadra bix-xewk joħolqu kuntrast mal-bajjiet tar-ramel abjad jgħajjat u l-ilmijiet blu ta' fuq il-qroll.[8]
Park Nazzjonali ta' Lorentz A rocky hill beside a lake. Papua naturali:

(viii), (ix), (x)

1999 Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz (2.35 miljun ettaru) huwa l-ikbar żona protetta fix-Xlokk tal-Asja. Huwa l-unika żona protetta fid-dinja li jinkorpora transett kontinwu u intatt li jvarja minn ambjent ta' qċaċet miksijin bil-borra għal ambjent tropikali tal-baħar, li jinkludi artijiet mistagħdra estensivi fl-artijiet baxxi. Il-park jinsab f'punt fejn jiltaqgħu żewġ plakek kontinentali li qed jaħbtu ma' xulxin, u b'hekk fih ġeoloġija kumplessa b'formazzjoni kontinwa ta' muntanji kif ukoll tiswir ewlieni permezz tal-glaċjazzjoni. Fil-park hemm ukoll siti bil-fossili li jipprovdu evidenza tal-evoluzzjoni tal-ħajja fi New Guinea, b'livell għoli ta' endemiżmu u bl-ogħla livell ta' bijodiversità fir-reġjun.[9]
Kumpless tat-Tempji ta' Prambanan Several medium-high compounds forming a complex. Ġava Ċentrali u Reġjun Speċjali ta' Yogyakarta kulturali:

(i), (iv)

1991 Dan is-sit inbena fis-seklu 10 u huwa l-ikbar kumpless ta' tempji ddedikati lil Xiva fl-Indoneżja. 'Il fuq miċ-ċentru tal-aħħar ta' dawn l-għamliet kwadri konċentriċi hemm tliet tempji mżejna b'riljievi li juru l-ġrajja epika tar-Ramayana, u huma ddedikati lit-tliet divinitajiet kbar tal-Induiżmu (Xiva, Vixnu u Braħma) u tliet tempji ddedikati lill-annimali qaddejja tagħhom.[10]
Wirt tal-Estrazzjoni tal-Faħam ta' Ombilin f'Sawahlunto A coal mine, with transportation being a cart. Punent ta' Sumatra kulturali:

(ii),(iv)

2019 Dan is-sit industrijali, li nbena għall-estrazzjoni, għall-ipproċessar u għat-trasport tal-faħam ta' kwalità għolja f'reġjun inaċċessibbli ta' Sumatra, ġie żviluppat mill-gvern kolonjali tan-Netherlands mill-aħħar tas-seklu 19 sal-bidu tas-seklu 20 b'forza tax-xogħol irreklutata mill-popolazzjoni lokali u ssupplimentata mill-ħabsin minn żoni kkontrollati min-Netherlands. Jinkludi r-raħal tas-sit tal-estrazzjoni, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-faħam fil-port ta' Emmahaven u n-network tal-linji ferrovjarji li jikkollegaw il-minjieri mal-faċilitajiet kostali. Il-Wirt tal-Estrazzjoni tal-Faħam ta' Ombilin inbena bħala sistema integrata li kienet tippermetti l-estrazzjoni, l-ipproċessar u t-trasport, it-tagħbija u l-ħatt tal-faħam b'mod effiċjenti mill-fond.[11]
Sit tal-Bniedem Bikri ta' Sangiran Upper part of a petrified skull including some teeth. Distrett ta' Sragen, Ġava Ċentrali kulturali:

(iii), (vi)

1996 L-iskavi li saru hawnhekk mill-1936 sal-1941 wasslu għall-iskoperta tal-ewwel fossili ta' ominidi. Iktar 'il quddiem, instab 50 fossila ta' Meganthropus palaeo u Pithecanthropus erectus/Homo erectus – nofs il-fossili magħrufa kollha ta' ominidi fid-dinja. Sangiran ilu abitat għal dawn l-aħħar miljun sena u nofs, u huwa wieħed mis-siti ewlenin għall-fehim tal-evoluzzjoni tal-bniedem.[12]
Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra View of a hill. Aceh, Jambi u Lampung naturali:

(vii), (ix), (x)

2004 Il-Wirt tal-Foresti Tropikali ta' Sumatra jkopri 2.5 miljun ettaru u jinkludi tliet parks nazzjonali: il-Park Nazzjonali ta' Gunung Leuser, il-Park Nazzjonali ta' Kerinci Seblat u l-Park Nazzjonali ta' Bukit Barisan Selatan. Is-sit għandu l-ikbar potenzjal ta' konservazzjoni fit-tul tal-bijoti distintivi u diversi ta' Sumatra, inkluż bosta speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni. Fiż-żona protetta huwa stmat li jgħixu 10,000 speċi ta' pjanti, inkluż 17-il ġeneru endemiku; iktar minn 200 speċi ta' mammiferi; u xi 580 speċi ta' għasafar, li minnhom 465 huma residenti u 21 huma endemiċi. Mill-ispeċijiet ta' mammiferi, 22 huma Asjatiċi u ma jinstabu mkien iktar fl-arċipelagu u 15 huma kkonfinati fir-reġjun tal-Indoneżja, inkluż l-orangutan endemiku ta' Sumatra. Is-sit jipprovdi wkoll evidenza bijoġeografika tal-evoluzzjoni tal-gżira. Is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2011 minħabba l-insib, il-qtugħ illegali tas-siġar, l-iżvilupp agrikolu, u l-pjanijiet biex jinbnew toroq li jgħaddu minn ġol-parks.[13]
Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon A lonely rainforest, with a small string of river at the center. Banten u Lampung naturali:

(vii), (x)

1991 Dan il-park nazzjonali, li jinsab fit-tarf nett tal-Lbiċ ta' Ġava fuq il-Medda ta' Sunda, jinkludi l-peniżola ta' Ujung Kulon u diversi gżejjer lil hinn mill-kosta, inkluż ir-riżerva naturali ta' Krakatoa. Apparti s-sbuħija naturali u l-interess ġeoloġiku tas-sit – b'mod partikolari għall-istudju tal-vulkani fuq l-art – il-park fih l-ikbar żona li għad fadal ta' foresti tropikali tal-artijiet baxxi fil-pjanura ta' Ġava. Diversi speċijiet ta' pjanti u ta' annimali fil-periklu ta' estinzjoni jistgħu jinstabu hemmhekk, u r-rinoċeronti ta' Ġava huma l-iżjed mhedda fost l-ispeċijiet kollha.[14]
Assi Kożmoloġiku ta' Yogyakarta u l-Binjiet Storiċi tagħha Pagelaran front hall of Kraton Yogya Reġjun Speċjali ta' Yogyakarta kulturali:

(ii), (iii)

2023 L-assi ċentrali ta' Yogyakarta ġie stabbilit fis-seklu 18 mis-Sultan Mangkubumi, u minn dak iż-żmien baqgħet tintuża bħala ċentru governattiv u bħala ċentru tat-tradizzjonijiet kulturali ta' Ġava. L-assi ta' sitt kilometri mit-Tramuntana għan-Nofsinhar huwa ppożizzjonat b'tali mod li jikkollega l-Muntanja ta' Merapi u l-Oċean Indjan, mal-Kraton (palazz) fiċ-ċentru tiegħu, u l-monumenti kulturali ewlenin tul l-assi lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar li jiġu kkollegati permezz ta' ritwali. Jinkorpora t-twemmin ewlieni dwar il-kożmoloġija fil-kultura ta' Ġava, inkluż l-immarkar taċ-ċikli tal-ħajja.[15]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Indonesia - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Danger listing for Indonesia's Tropical Rainforest Heritage of Sumatra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  5. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Borobudur Temple Compounds". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscape of Bali Province: the Subak System as a Manifestation of the Tri Hita Karana Philosophy". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Komodo National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lorentz National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Prambanan Temple Compounds". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ombilin Coal Mining Heritage of Sawahlunto". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sangiran Early Man Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tropical Rainforest Heritage of Sumatra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ujung Kulon National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-14.
  15. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Cosmological Axis of Yogyakarta and its Historic Landmarks". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-24.