Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Lorentz

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-ktajjen muntanjużi tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz.

Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz huwa park nazzjonali li jinsab f'Papua Ċentrali, l-Indoneżja, fil-Lbiċ tal-Punent tal-Guinea l-Ġdida. B'erja ta' 25,056 km2 (9,674 mil2), dan il-park huwa l-ikbar park nazzjonali fix-Xlokk tal-Asja. Fl-1999 il-Park Nazzjonali ta' Lorentz tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-park huwa eżempju straordinarju tal-bijodiversità tal-Guinea l-Ġdida u huwa wieħed mill-iżjed parks nazzjonali b'diversità ekoloġika fid-dinja. Huwa l-unika riżerva naturali fir-reġjun tal-Asja u tal-Paċifiku li jinkludi firxa altitudinali sħiħa ta' ekosistemi li jvarjaw minn żoni tal-baħar, mangrovji, foresti tal-imraġ mareali u tal-ilma ħelu, foresti tropikali tal-artijiet baxxi u muntanjużi, bwar tal-ħaxix u l-arbuxxelli sub-Alpini, tundra Alpina, u glaċieri ekwatorjali. L-ogħla muntanja bejn il-Himalayas u l-Andes hija Puncak Jaya (li qabel kienet tissejjaħ il-Piramida ta' Carstensz) u tlaħħaq l-4,884 metru.

Mappa tal-park.

Birdlife International sejħet il-Park Nazzjonali ta' Lorentz bħala "x'aktarx l-iżjed riżerva unika importanti fil-Guinea l-Ġdida". Fiha ħames ekoreġjuni tal-"Global 200" tal-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi (WWF): il-Foresti tal-Artijiet Baxxi tan-Nofsinhar tal-Guinea l-Ġdida; il-Foresti Muntanjużi tal-Guinea l-Ġdida; il-Bwar tal-Ħaxix Sub-Alpini tal-Katina Muntanjuża Ċentrali tal-Guinea l-Ġdida; il-Mangrovji tal-Guinea l-Ġdida; u x-Xmajjar u n-Nixxigħat tal-Guinea l-Ġdida.[2]

Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz jinkludi bosta żoni li għadhom ma ġewx immappjati u esplorati, u ċertament fih bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali li għadhom mhumiex magħrufa mix-xjenza tal-Punent. L-għarfien etnobotaniku u etnożooloġiku tal-komunitajiet lokali rigward il-bijota tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz ma tantx hija ddokumentata sew lanqas.

Il-park ingħata l-kunjom ta' Hendrikus Albertus Lorentz, esploratur Olandiż li għadda minn hemm fl-ispedizzjoni tiegħu tal-1909-1910.

Il-ħamiema tal-kuruna tan-Nofsinhar tgħix fl-artijiet baxxi tan-Nofsinhar tal-Guinea l-Ġdida.

Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz għandu 630 speċi ddokumentata ta' għasafar (madwar 95 % tal-għadd totali ta' speċijiet ta' għasafar f'Papua) u 123 speċi ta' mammiferi. L-għasafar jinkludu żewġ speċijiet ta' cassowary, 31 speċi ta' ħamiem, u 60 speċi ta' għasafar ta' San Martin.[3] Sitt speċijiet ta' għasafar huma endemiċi għall-Muntanji tal-Borra, fosthom is-summien tal-Muntanji tal-Borra u l-pitirross tal-Muntanji tal-Borra, 26 speċi huma endemiċi għall-Ktajjen Muntanjużi ta' Papua Ċentrali, filwaqt li tliet speċijiet huma endemiċi għall-Artijiet Baxxi tan-Nofsinhar ta' Papua. L-ispeċijiet mhedda jinkludu l-cassowary tan-Nofsinhar, il-far tas-suf Alpin, il-ħamiema tal-kuruna tan-Nofsinhar, il-pappagall ta' Pesquet, is-sarsella ta' Salvadori u l-qerd in-naħal il-kbir ta' Macgregor.[4]

L-ispeċijiet ta' mammiferi jinkludu l-ekidna tal-munqar twil, l-ekidna tal-munqar qasir, u erba' speċijiet ta' kuskus, kif ukoll wallabies, quolls u kangaroos tas-siġar. Id-dingiso, speċi ta' kangaroo tas-siġar endemiku għall-Katina Muntanjuża ta' Sudirman, ġie skopert fl-1995.

Insedjament uman u kultura

[immodifika | immodifika s-sors]

L-inħawi tal-park nazzjonali ilhom abitati għal iktar minn 25,000 sena. Il-foresti tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz jinkludu l-artijiet tradizzjonali ta' tmien gruppi etniċi indiġeni, fosthom l-Asmat, l-Amung, id-Dani, is-Sempan u l-iNduga. L-istimi tal-popolazzjoni attwali jvarjaw bejn 6,300 u 10,000 ruħ.

Huwa rrikonoxxut b'mod wiesa' li l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-konservazzjoni tal-park se jkollhom jinkorporaw il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta' dawn il-popli jekk il-park irid jirnexxi fil-protezzjoni tal-bijodiversità. Barra minn hekk, id-diversità kulturali hija aspett importanti ieħor biex il-park ikun suċċess.

Theddidiet ekoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

It-theddidiet prinċipali għall-bijodiversità tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz ġejjin mill-qtugħ kummerċjali tas-siġar, mill-konverżjoni tal-foresti għall-pjantaġġuni agrikoli, mill-konverżjoni agrikola tal-azjendi ż-żgħar, mill-iżvilupp tal-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass, mill-kostruzzjoni illegali tat-toroq, u mill-kummerċ illegali tal-ispeċijiet tal-park. It-tisħin globali huwa theddida sostanzjali wkoll.

Mill-2005, ma ġie rrapportat l-ebda qtugħ kummerċjali tas-siġar jew xi theddida oħra fuq skala kbira fi ħdan il-park. Attwalment ma hemm l-ebda proġett attiv ta' konverżjoni tal-foresti, u l-konverżjoni agrikola hija minima. Il-kummerċ illegali tal-ispeċijiet tal-park hija magħrufa bħala problema serja. L-operazzjoni kbira tal-estrazzjoni tad-deheb u tar-ram ta' Freeport ilha attiva għal deċennji sħaħ lejn il-Punent u t-Tramuntana tal-park iżda mhijiex attiva fi ħdan il-konfini tal-park. L-esplorazzjoni għaż-żejt fi ħdan il-park u fil-Grigal tal-park għadha għaddejja.

Il-qagħda kumplessiva tal-bijodiversità tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz attwalment hija eċċellenti. Filwaqt li għad ma hemm theddidiet kbar tal-qtugħ tas-siġar u theddidiet oħra, x'aktarx li dawn jibdew jitfaċċaw fil-ġejjieni. It-tibdil fil-klima huwa theddida reali ħafna, iżda għad ma hemmx ċertezza dwar l-implikazzjonijiet speċifiċi għall-Park Nazzjonali ta' Lorentz.

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel protezzjoni formali ta' erja ta' 3,000 km² fil-qalba tal-pajsaġġ tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz ġiet applikata mill-Gvern Kolonjali Olandiż fl-1919 bl-istabbiliment tal-Monument Naturali ta' Lorentz. Fl-1978, il-Gvern Indoneżjan stabbilixxa Riżerva Naturali Stretta b'erja ta' 21,500 km². Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz ġie stabbilit fl-1997, b'erja totali ta' 25,056 km², inkluż estensjoni fil-Lvant u ż-żoni kostali u tal-baħar.

Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO fl-1999,[1] madankollu erja ta' madwar 1,500 km² ġiet eskluża minħabba l-preżenza ta' titoli tal-esplorazzjoni u tal-estrazzjoni fi ħdan il-park.

Mill-2005 ma ġie assenjat l-ebda persunal jew gwardjan tal-park. Madankollu, is-suċċess tal-park jiddependi ferm fuq il-fehim tal-komunitajiet lokali u fuq l-appoġġ tagħhom għall-konservazzjoni, iktar milli l-infurzar estern biss. Diversi organizzazzjonijiet tal-konservazzjoni qed jaħdmu fl-inħawi tal-park.

Fl-2006, il-Ministru għall-Forestrija stabbilixxa struttura ta' ġestjoni għall-Park Nazzjonali ta' Lorentz, l-Uffiċċju tal-Park Nazzjonali ta' Lorentz b'sede f'Wamena. L-Uffiċċju beda jiffunzjona fl-2007, b'44 persunal sa nofs l-2008. Madankollu, Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UNESCO fl-2008 irrikonoxxiet li l-kapaċità tal-Uffiċċju kienet tassew limitata minħabba n-nuqqas ta' finanzjament, ta' tagħmir u ta' esperjenza.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Lorentz ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Lorentz National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-18.
  2. ^ "Ekoreġjuni tad-WWF" (PDF).
  3. ^ "Lorentz N Park". web.archive.org. 2010-07-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-07-17. Miġbur 2023-10-18.
  4. ^ "Nominazzjoni UNESCO" (PDF).