Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fit-Tramuntana tal-Asja u fl-Asja Ċentrali
L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) iddeżinjat 23 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'sitt pajjiżi tat-Tramuntana tal-Asja u tal-Asja Ċentrali: il-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan u l-parti Asjatika tar-Russja. Il-parti Ewropea tar-Russja hija inkluża fil-Lvant tal-Ewropa.
Ir-Russja għandha l-ikbar ammont ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bi tmien siti, u tnejn minnhom huma siti transnazzjonali kondiviżi mal-Mongolja fil-Lvant tal-Asja. L-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tniżżel mir-reġjun kien Itchan Kala fl-Użbekistan, fl-1990.
Kull sena, il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO jista' jiddeżinja siti ġodda fil-lista, jew ineħħi s-siti li ma jissodisfawx iktar il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali. Is-siti "mħallta" huma siti li jissodisfaw kriterji bħala sit kulturali u bħala sit naturali.[1][2] Fit-Tramuntana tal-Asja u fl-Asja Ċentrali hemm 11-il sit kulturali, tmien siti naturali u l-ebda sit imħallat. Is-siti kollha fir-Russja huma siti naturali, u bl-eċċezzjoni ta' Saryarka, is-siti kollha tal-Asja Ċentrali huma siti kulturali.
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji jista' jispeċifika wkoll li sit jinsab fil-periklu, u jikkwota "kundizzjonijiet li jheddu l-istess karatteristiċi tal-għażla tal-UNESCO li wasslu biex is-sit jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".[3] L-ebda sit minn dan ir-reġjun ma ddaħħal fil-lista tas-siti fil-periklu, iżda għadd ta' siti tqiesu biex jiddaħħlu.
Siti ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]NB: * Siti transnazzjonali (bl-asterisk)
Sit | Stampa | Post | Kriterji tal-Għażla | Erja f'ettari (akri) | Sena tad-deżinjazzjoni | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|---|
Mawżolew ta' Khoja Ahmed Yasawi | Turkestan, il-Każakistan | i, iii, iv (kulturali) | 0.55 (1.4) | 2003 | Il-mawżolew iddedikat lill-mistiku Sufista tas-seklu 12 Ahmed Yasawi nbena bejn l-1389 u l-1405 matul it-tmexxija ta' Timur. Minkejja li l-mawżolew qatt ma tlesta kollu, xorta waħda huwa l-ikbar binja u l-iżjed waħda ppreservata tajjeb ta' żmien Timur. Il-mawżolew kien ukoll prototip għal binjiet suċċessivi ta' Timur, speċjalment fil-belt kapitali ta' Timur, Samarkanda.[4] | |
Petroglifiċi fil-Pajsaġġ Arkeoloġiku ta' Tamgaly | Reġjun ta' Almaty, il-Każakistan | iii (kulturali) | 900 (2,200) | 2004 | Il-petroglifiċi tal-Fondoq ta' Tanbaly fil-muntanji ta' Chu-Ili fihom tinqix ta' bnedmin, annimali, u figuri reliġjużi. Dawn imorru lura għat-tieni nofs tat-tieni millenju Q.K. sal-bidu tas-seklu 20 u jagħtu ħjiel dwar il-ħajja tal-komunitajiet pastorali li kienu jgħixu fir-reġjun. Fiż-żona hemm ukoll għadd ta' oqbra, kurgan, u kompartimenti minn Żmien il-Bronż u l-Ħadid.[5] | |
Saryarka – Steppa u Lagi tat-Tramuntana tal-Każakistan | Reġjun ta' Almaty, il-Każakistan | ix, x (naturali) | 450,344 (1,112,820) | 2008 | Saryarka tinkludi żewġ żoni, ir-Riżerva Naturali ta' Naurzum u r-Riżerva Naturali ta' Korgalzhyn (fir-ritratt), li jipproteġu l-isteppa, il-lagi u l-artijiet mistagħdra mhux mimsusa tal-Asja Ċentrali. Dawn il-ħabitats huma postijiet importanti għall-passa tat-tjur migratorji u jipprovdu kenn għal għadd kbir ta' speċijiet mhedda, fosthom il-grawwi tas-Siberja, il-pellikani tad-Dalmazja, l-ajkla ta' Pallas u s-sajga.[6] | |
Muntanja Sagra ta' Sulaiman-Too | Osh, il-Kirgistan | ii, vi (kulturali) | 112 (280) | 2009 | Il-Muntanja Sagra ta' Sulaiman-Too tinsab 'il fuq mill-Wied ta' Fergana f'salib it-toroq importanti tat-Toroq tal-Ħarir. Ilha tiġi meqjuma bħala muntanja sagra miż-żminijiet pre-Iżlamiċi u Iżlamiċi. Hemm bosta postijiet ta' qima max-xaqlibiet tal-muntanja, inkluż għerien bil-petroglifiċi ta' bnedmin, annimali, u figuri ġeometriċi. Hemm ukoll żewġ moskej tas-seklu 16.[7] | |
Sikhote-Alin Ċentrali | Primorsky Krai, ir-Russja | x (naturali) | 1,553,928 (3,839,840) | 2001 | Dan is-sit jinkludi tliet komponenti fil-katina muntanjuża ta' Sikhote-Alin: ir-Riżerva Naturali ta' Sikhote-Alin, ir-Riżerva Żooloġika ta' Goralij, u l-Wied tax-xmara Bikin (miżjud bħala estensjoni fl-2018, fl-istampa). Il-foresti miti jirrappreżentaw punt ta' lqugħ uniku bejn it-tajga u s-subtropiċi, u jospitaw speċijiet bħat-tigra Siberjana, l-ors iswed tal-Himalayas, iċ-ċerv tal-misk Siberjan, il-ballottra Siberjana u ż-żibellin.[8] | |
Baċir tal-Lag ta' Uvs* | ir-Russja u l-Mongolja | ix, x (naturali) | 898,064 (2,219,160) | 2003 | Dan is-sit transnazzjonali huwa magħmul minn seba' komponenti fir-Russja u ħames komponenti fil-Mongolja. Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs huwa baċir endorejku bi drenaġġ fil-Lag ta' Uvs li huwa lag kbir, baxx u mielaħ ħafna. Il-baċir fih varjetà wiesgħa ta' ħabitats, inkluż artijiet mistagħdra, steppi, tipi differenti ta' foresti, ekosistemi tal-ilma ħelu u tal-ilma mielaħ, kif ukoll it-tundra muntanjuża. Iż-żona tospita diversi speċijiet ta' għasafar, leopardi tal-borra, il-gerbils tal-Mongolja, l-argali, u l-mogħoż tal-barr Siberjani.[9] | |
Muntanji tad-Deheb ta' Altai | Repubblika ta' Altai, ir-Russja | x (naturali) | 1,611,457 (3,982,000) | 1998 | Dan is-sit jinkludi r-Riżervi Naturali ta' Altai u ta' Katun, il-Lag ta' Teletskoye, il-Muntanja ta' Belukha, u l-Promontorju ta' Ukok. L-inħawi huma importanti fid-dawl tal-bijodiversità, b'żoni ta' veġetazzjoni f'altitudnijiet differenti li jvarjaw minn steppi, steppi forestali, foresti mħallta, għal veġetazzjoni sub-Alpina u Alpina. Fl-inħawi jgħixu wkoll il-leopardi tal-borra.[10] | |
Pajsaġġi ta' Dauria* | Zabaykalsky Krai, ir-Russja u l-Mongolja | ix, x (naturali) | 912,624 (2,255,140) | 2017 | Dauria, jew Transbaikal, hija reġjun fil-Lvant tal-Lag ta' Baikal. Is-sit transnazzjonali jinkludi żoni tar-Riżerva Naturali ta' Daursky fir-Russja u tliet żoni fil-Mongolja, inkluż ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Daguur. Il-pajsaġġ jinkludi ekosistemi ta' steppi differenti, foresti, bwar tal-ħaxix, kif ukoll l-artijiet mistagħdra u lagi. Iż-żona hija importanti bħala sit għat-tibjit jew rotta tal-passa għal diversi speċijiet ta' għasafar, bħall-grawwa ta' għonqha bajda, u hija wkoll żona tal-migrazzjoni tal-gazzella tal-Mongolja.[11] | |
Lag ta' Baikal | Oblast ta' Irkutsk, Buryatia, ir-Russja | vii, viii, ix, x (naturali) | 8,800,000 (22,000,000) | 1996 | B'fond ta' 1,700 metru (5,600 pied, il-Lag ta' Baikal huwa l-iżjed lag fond fid-dinja u fih madwar 20 % tal-ilma ħelu mhux iffriżat tad-dinja. Huwa wkoll l-eqdem lag fid-dinja, b'età ta' 25 miljun sena. Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, fih jgħixu ġabra unika ta' flora u fawna tal-ilma ħelu, b'bosta speċijiet endemiċi.[12] | |
Promontorju ta' Putorana | Krasnoyarsk Krai, ir-Russja | vii, ix (naturali) | 1,272,150 (3,143,600) | 2010 | Il-Promontorju ta' Putorana huwa l-iżjed parti fit-Tramuntana tal-Promontorju Ċentrali tas-Siberja. Ġeoloġikament, il-promontorju huwa magħmul primarjament mill-bażalt tat-Trappi Siberjani. Din iż-żona remota u l-biċċa l-kbira mhux mimsusa tinkludi diversi ekosistemi, bħat-tajga, it-tundra forestali, it-tundra, id-deżerti Artiċi, il-lagi u x-xmajjar. Il-veġetazzjoni timmarka l-punt ta' lqugħ bejn il-flora tal-Punent tas-Siberja u tal-Lvant tas-Siberja. Il-promontorju jinsab tul ir-rotta ewlenija tal-migrazzjoni tar-renni.[13] | |
Park Naturali tal-Pilastri ta' Lena | Sakha, ir-Russja | viii (naturali) | 1,272,150 (3,143,600) | 2012 | Il-Pilastri ta' Lena huma formazzjoni naturali faċċata tax-xmara Lena. Il-pilastri, li huma għoljin sa 200 metru (660 pied), ġew iffurmati minn klima kontinentali iebsa bi xtiewi bierda, b'temperaturi ferm sew taħt iż-żero, u bi sjuf sħan, li rriżultaw f'azzjoni ta' ffriżar segwita minn waħda ta' tidwib li wessgħu d-diversi xquq bejn il-blat. Il-pilastri jikkonsistu minn blat Kambrijan u fihom fossili li jiddokumentaw id-differenzjazzjoni bikrija tal-ispeċijiet matul l-isplużjoni Kambrijana. Fl-2015 kien hemm modifika minuri fil-konfini tas-sit.[14] | |
Sistema Naturali tar-Riżerva tal-Gżira ta' Wrangel | Okrug Awtonomu ta' Chukotka, ir-Russja | ix, x (naturali) | ix, x (naturali) | 2004 | Il-Gżira ta' Wrangel tinsab fl-Oċean Artiku bejn il-Baħar ta' Chukchi u l-Baħar tal-Lvant tas-Siberja. Peress li ma kinitx miksija għalkollox bis-silġ matul il-glaċjazzjoni Kwaternarja, ippreservat għadd kbir ta' komunitajiet ta' pjanti li f'inħawi oħra ġew imfixla mis-silġ, u għad għandha l-ikbar bijodiversità fost il-gżejjer Artiċi kollha. Kienet ukoll il-post fejn huwa magħruf li kien hemm l-aħħar mammut sufi eżistenti fid-dinja. Apparti l-gżira prinċipali, is-sit jinkludi wkoll il-gżira iżgħar ta' Herald u l-ibħra tal-madwar. Iż-żona tospita għadd ta' għasafar tal-baħar, wiżż tal-borra, u kolonja kbira ta' walrus, u hija sit ewlieni tal-ikel għall-balieni griżi.[15] | |
Vulkani ta' Kamchatka | Kamchatka Krai, ir-Russja | vii, viii, ix, x (naturali) | 3,830,200 (9,465,000) | 1996 | Il-Peniżola ta' Kamchatka fiha densità kbira ta' vulkani attivi u karatteristiċi vulkaniċi assoċjati, kif ukoll bosta glaċieri. Fl-inħawi jgħixu speċijiet bħal-lontra tal-baħar, l-ors kannella, l-ajkla tad-denb abjad u l-ajkla tal-baħar ta' Steller. Fix-xmajjar jirriproduċu speċijiet salmonidi. Il-konfini tas-sit ġew estiżi fl-2001 sabiex jiġu inklużi sitt inħawi b'kollox. Fl-istampa hemm il-vulkan ta' Klyuchevskaya Sopka.[16] | |
Sit Proto-Urban ta' Sarazm | Panjakent, it-Taġikistan | kulturali:
(ii), (iii) |
16 (40) | 2010 | Sarazm, li tfisser "fejn tibda l-art", huwa sit arkeoloġiku li huwa xhieda tal-iżvilupp ta' insedjamenti umani fl-Asja Ċentrali, mir-raba' millenju Q.K. sal-aħħar tat-tielet millenju Q.K. Il-fdalijiet juru l-iżvilupp bikri tal-proto-urbanizzazzjoni f'dan ir-reġjun. Dan iċ-ċentru ta' insedjament, wieħed mill-eqdem fl-Asja Ċentrali, jinsab bejn reġjun muntanjuż adattat għat-trobbija tal-bhejjem mir-rgħajja nomadiċi, u wied kbir marbut mal-iżvilupp tal-agrikoltura u l-irrigazzjoni mill-ewwel popolazzjonijiet li insedjaw l-inħawi tar-reġjun. Sarazm joħroġ fid-dieher ukoll l-eżistenza ta' skambji kummerċjali u kulturali u ta' relazzjonijiet kummerċjali ma' popli differenti f'żona ġeografika estensiva, estiża mill-isteppi tal-Asja Ċentrali u t-Turkmenistan, sal-pjanura Iranjana, il-wied Indus u saħansitra sal-Oċean Indjan.[17] | |
Park Nazzjonali tat-Taġikistan (Muntanji Pamir) | it-Taġikistan | naturali:
(vii), (viii) |
2,500,000 (6,200,000) | 2013 | Il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan ikopri iktar minn 2.5 miljun ettaru fil-Lvant tal-pajjiż, fiċ-ċentru tal-hekk imsejħa "Għoqda tal-Muntanji Pamir", punt fejn jiltaqgħu l-ogħla ktajjen muntanjużi fil-kontinent Ewrasjatiku. Jikkonsisti minn promontorji għoljin fil-Lvant u minn qċaċet ippuntati fil-Punent, uħud minnhom ogħla minn 7,000 metru, u fih ikun hemm varjazzjonijiet staġonali estremi fit-temperaturi. L-itwal glaċier f'wied 'il barra mir-reġjun polari jinsab fost l-1,085 glaċier li huma parti minn dan il-park, li jinkludi wkoll 170 xmara u iktar minn 400 lag. Jikbru bosta speċijiet ta' flora kemm fir-reġjun tal-Lbiċ kif ukoll fir-reġjun tal-Asja Ċentrali tal-park, u jgħixu wkoll għasafar u mammiferi fil-mhedda nazzjonalment (in-nagħaġ Argali ta' Marco Polo, il-leopardi tal-borra, il-mogħoż tal-barr tas-Siberja u ħafna oħrajn). Il-park spiss ikun soġġett għal terremoti qawwijin, bil-kemm huwa abitat, u prattikament mhux affettwat mill-agrikoltura u minn insedjamenti umani permanenti. Joffri opportunità unika għall-istudju tal-plakek tettoniċi u tal-fenomeni tas-subduzzjoni.[18] | |
Kunya-Urgench | Dashoguz Velayet, it-Turkmenistan | kulturali:
(ii)(iii) |
— | 2005 | [19] | |
Fortizzi Partiċi ta' Nisa | Akhal Velayet, it-Turkmenistan | kulturali:
(ii)(iii) |
78 (190) | 2007 | [20] | |
Park Statali Storiku u Kulturali ta' "Merv Antika" | Mary Velayet, it-Turkmenistan | kulturali:
(ii)(iii) |
353 (870) | 1999 | [21] | |
Ċentru Storiku ta' Bukhara | Reġjun ta' Bukhara, l-Użbekistan 40°10′N 63°40′E | kulturali:
(ii)(iv)(vi) |
216 (530) | 1993 | [22] | |
Ċentru Storiku ta' Shahrisabz | Reġjun ta' Qashqadaryo, l-Użbekistan
38°50′N 66°50′E |
Kulturali:
(iii)(iv) |
240 (590) | 2000 | [23] | |
Itchan Kala (Khiva) | Reġjun ta' Xorazm, l-Użbekistan
41°20′N 61°0′E |
Kulturali:
(iii)(iv)(v) |
37.5 (93) | 1990 | [24] | |
Samarkanda – Salib it-Toroq tal-Kulturi | Reġjun ta' Samarkanda, l-Użbekistan
39°50′N 66°15′E |
Kulturali:
(i)(ii)(iv) |
1,123 (2,770) | 2001 | [25] | |
Toroq tal-Ħarir: in-Network ta' Rotot tal-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan* | Chüy, il-Kirgistan, iċ-Ċina u l-Każakistan | ii, iii, v, vi (kulturali) | 42,668.16 (105,435.3) | 2014 | It-Toroq tal-Ħarir huma network antik ta' rotot kummerċjali li bdew jiffurmaw fis-seklu 2 Q.K. u baqgħu attivi sas-seklu 16. It-toroq kienu jikkollegaw is-soċjetajiet tal-Asja, is-Subkontinent Indjan, l-Asja Ċentrali, il-Punent tal-Asja u l-Lvant Qarib. Minbarra l-iskambju ta' merkanzija, ikkontribwew ukoll għat-tifrix ta' teknoloġiji, ideoloġiji u ta' reliġjonijiet, inkluż il-Buddiżmu, il-Kristjaneżmu Nestorjan, il-Manikeiżmu, iż-Żoroastrijaniżmu u l-Iżlam bikri. Diversi rħula u infrastruttura ta' sostenn inbnew tul ir-rotot. Dan is-Sit ta' Wirt Dinji jkopri l-kurituri minn Chang'an/Luoyang, il-bliet kapitali tad-dinastiji Han u Tang taċ-Ċina, sar-reġjun ta' Zhetysu tal-Asja Ċentrali, u huwa kondiviż maċ-Ċina u mal-Każakistan. Fil-Kirgistan hemm tliet komponenti u fl-istampa jidher wieħed minnhom: it-Torri ta' Burana f'Balasagun.[26] | |
Deżerti Bierda tax-Xitwa ta' Turan* | l-Użbekistan, it-Turkmenistan u l-Każakistan | Naturali: (ix), (x) | — | 2023 | Dan is-sit transnazzjonali jirrappreżenta l-ekosistemi tad-deżerti tal-Asja Ċentrali bi klima kontinentali. Fid-deżerti jgħixu bosta speċijiet ta' pjanti, kif ukoll is-sajga u l-għażżiela.[27] | |
Toroq tal-Ħarir: il-Kuritur ta' Zarafshan-Karakum* | l-Użbekistan, it-Turkmenistan u t-Taġikistan | Kulturali: (ii), (iii), (v) | — | 2023 | [28] | |
Foresti Tugay tar-Riżerva Naturali ta' Tigrovaya Balka | it-Taġikistan | naturali: (ix) | — | 2023 | [29] | |
Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev u s-Siti Relatati ta' Żmien il-Bronż | Khövsgöl, Arkhangai, il-Mongolja | kulturali: (i), (iii) | — | 2023 | Is-sit jinkludi tliet siti bil-ġebel taċ-ċriev, li huwa ġebel megalitiku li jmur lura għal Żmien il-Bronż u għal Żmien il-Ħadid Bikri u li kien jintuża għal prattiki ċerimonjali u funebri. Il-ġebel huwa magħmul minn blokok tal-granit u huwa mnaqqax b'figuri ta' ċriev, kif ukoll uċuħ umani, simboli, u annimali differenti. Sa issa ġew skoperti madwar 1,200 minn dan il-ġebel. F'dawn is-siti hemm ukoll monumenti msejħa khirgisüür u lapidi funebri.[30] |
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Kirgistan
- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fit-Turkmenistan
- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Użbekistan
- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Każakistan
- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fit-Taġikistan
- Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fir-Russja
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "World Heritage List Nominations. UNESCO". web.archive.org (bl-Ingliż). Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - World Heritage in Danger". web.archive.org. 2021-01-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-01-13. Miġbur 2023-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Mausoleum of Khoja Ahmed Yasawi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Petroglyphs of the Archaeological Landscape of Tanbaly". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Saryarka – Steppe and Lakes of Northern Kazakhstan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sulaiman-Too Sacred Mountain". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Central Sikhote-Alin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Uvs Nuur Basin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Golden Mountains of Altai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscapes of Dauria". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lake Baikal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Putorana Plateau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Lena Pillars Nature Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Natural System of Wrangel Island Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Volcanoes of Kamchatka". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-01.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Proto-urban Site of Sarazm". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tajik National Park (Mountains of the Pamirs)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kunya-Urgench". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Parthian Fortresses of Nisa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "State Historical and Cultural Park “Ancient Merv”". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Bukhara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Shakhrisyabz". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Itchan Kala". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Samarkand – Crossroad of Cultures". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads: the Routes Network of Chang'an-Tianshan Corridor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cold Winter Deserts of Turan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads: Zarafshan-Karakum Corridor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Tugay forests of the Tigrovaya Balka Nature Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Deer Stone Monuments and Related Bronze Age Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.