Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġi ta' Dauria

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pajsaġġ ta' Dauria.

Il-Pajsaġġi ta' Dauria huma Sit ta' Wirt Dinji naturali transnazzjonali tal-UNESCO, kondiviż bejn ir-Russja u l-Mongolja, u parti mir-reġjun ekoloġiku tal-"isteppa forestali ta' Dauria" (din tal-aħħar hija estiża sal-Grigal taċ-Ċina). It-tliet pajjiżi li jmissu ma' xulxin ilhom jikkooperaw flimkien mill-1994 fl-ambitu tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żona Protetta ta' Dauria. Is-sit jinkludi wkoll il-Lagi ta' Torey.[1]

Ir-reġjun ekoloġiku tal-isteppa ta' Dauria huwa l-unika reġjun fid-dinja fejn iż-żona ta' tranżizzjoni bejn il-bijoma tat-taiga u dik tal-isteppa kontinentali miti għadha preżenti u ma tantx ġiet mimsusa.

Mappa tal-Pajsaġġi ta' Dauria.

Id-distrett tal-Lag ta' Zun-Torej, fuq in-naħa tar-Russja, għal żmien twil baqa' mhux affettwat mill-interferenzi tal-attivitajiet umani, u kienu jżuruh biss xi kaċċaturi u sajjieda. Min-naħa l-oħra, ir-reġjuni tal-isteppa esperjenzaw il-kontra ta' dan: kważi 20 % minnhom tħaddmu għall-produzzjoni tal-għelejjel u l-kumplament intużaw għar-ragħa jew għall-produzzjoni tal-ħuxlief. Fuq in-naħa tal-Mongolja, ir-reġjun magħruf bħala Mongol Daguur baqa' b'popolazzjoni skarsa sas-snin 40 tas-seklu 20. Il-ftit persuni preżenti kienu jkabbru l-bhejjem b'mod tradizzjonali. L-affarijiet inbidlu mhux ħażin permezz tal-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja transfruntiera ta' Choibalsan-Borzja fl-1939: ġiet stabbilita l-belt fil-fruntiera ta' Ereentsav u ġiet stabbilita wkoll l-kooperattiva agrikola tas-sum ta' Chuluunkhoroot. Din tal-aħħar kienet tinkludi 20,000 ettaru ta' raba' agrikolu u kienet ta' importanza nazzjonali għall-Mongolja; madankollu, bit-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq, din ġiet abbandunata. Minn hemm 'il quddiem, ir-raba' qatt ma nħadem iktar.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Dauria.

Il-Pajsaġġi ta' Dauria ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Il-Pajsaġġi ta' Dauria.

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Pajsaġġi ta' Dauria huwa magħmul mir-riżervi naturali li ġejjin:

Koordinati: 49°58′N 115°26′E.

  1. Ir-Riżerva tal-Bijosfera ta' Dauria (49,764 ettaru).
  2. Iż-Żona ta' Lqugħ tar-Riżerva ta' Bijosfera (117,690 ettaru).
  3. Ir-Riżerva Naturali tal-Wied tad-Dzeren (111,568 ettaru). Dzeren (bir-Russu: дзерэн) huwa l-isem Russu tal-għażżiela tal-Mongolja.

Koordinati: 49°42′N 115°06′E.

  1. Mongol Daguur A (87,780 ettaru).
  2. Mongol Daguur B (15,236 ettaru).
  3. Iż-Żona ta' Lqugħ tar-Riżervi Naturali (477,064 ettaru).

Id-distrett tal-Lag ta' Zun-Torej (fir-Russja) huwa ta' importanza partikolari bħala żoni tar-riproduzzjoni għal xi speċijiet ta' għasafar fost l-iktar mhedda fid-dinja:

  • il-wiżża ċinju (Anser cygnoides; 13,400 eżemplar, 17 % tal-popolazzjoni dinjija);
  • il-pitarrun (Otis tarda) (150 eżemplar, 13 % tal-popolazzjoni dinjija);
  • il-gawwi tal-Asja Ċentrali (Ichthyaetus relictus; 2,430 eżemplar, 20 % tal-popolazzjoni dinjija);
  • il-grawwa Siberjana (Leucogeranus leucogeranus) (32 eżemplar, 1 % tal-popolazzjoni dinjija);
  • il-grawwa ta' għonqha abjad (Antigone vipio) (240 eżemplar, 4 % tal-popolazzjoni dinjija);
  • il-grawwa monaka (Grus monacha) (1,250 eżemplar, 12 % tal-popolazzjoni dinjija).

Barra minn hekk, l-inħawi tal-lag huma żona importanti ta' mistrieħ għall-għasafar tal-passa li ma jbejtux hemmhekk. Pereżempju, hemmhekk wieħed jista' jsib għadd kbir ta' eżemplari ta' ċinji minuri (Cygnus columbianus), il-kuluvert aħmar (Tadorna ferruginea), il-brajmla (Aythya ferina), il-pluviera żgħira (Pluvialis fulva), il-pespus tal-baħar (Tringa glareola), il-monakella saqajha suwed (Charadrius alexandrinus), it-tertuxa ta' għonqha aħmar (Calidris ruficollis), il-beggazzina ta' munqarha wiesa' (Limicola falcinellus) u l-gurlin żgħir (Numenius minutus).

Kważi l-ispeċijiet kollha ta' mammiferi li oriġinaw fir-reġjun huma rrappreżentati b'għadd kbir fi ħdan iż-żona protetta ddeżinjata. B'mod partikolari, hemm bosta speċijiet tal-ordni tar-rodituri u tal-karnivori.

Fi ħdan iż-żona tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Pajsaġġi ta' Dauria wieħed jista' jsib sitt speċijiet endemiċi u sottoendemiċi:

  • l-iskojjattlu tal-art ta' Dauria (Spermophilus dauricus);
  • il-ġurdien ta' Brandt (Lasiopodomys brandtii);
  • il-qanfud ta' Dauria (Mesechinus dauuricus);
  • il-ballottra ta' Dauria (Myospalax aspalax);
  • il-ħamster ta' Dauria (Cricetulus barabensis);
  • l-għażżiela tal-Mongolja (Procapra gutturosa).
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Landscapes of Dauria". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-28.
  2. ^ "Il-Pajsaġġi ta' Dauria" (PDF). nhpfund.org.