Aqbeż għall-kontentut

Baċir tal-Lag ta' Uvs

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs.

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs (bil-Mongolu: Увс нуурын хотгор, b'ittri Rumani: Uws nuuriin hotgor), magħruf ukoll bħala l-Baċir ta' Uvs Nuur, il-Baċir tal-Lag ta' Ubs jew il-Baċir ta' Ubs Nuur, huwa baċir endorrejku li jinsab fil-fruntiera territorjali tal-Mongolja u Tuva, repubblika tal-Federazzjoni Russa. Il-baċir jagħmel parti mill-Baċir tad-Drenaġġ Intern tal-Asja Ċentrali u ngħata isem il-Lag ta' Uvs (magħruf ukoll bħala Uvs Nuur jew Ubsu Nur), li huwa lag kbir tal-ilma salmastru fin-naħa tal-Punent tal-baċir tad-drenaġġ tiegħu, u huwa wieħed mill-aħħar fdalijiet tal-isteppi tal-mammut. Il-Lag ta' Uvs huwa lag baxx b'erja ta' 3,350 km2 (1,290 mil kwadru). Il-baċir kollu tiegħu, li jinkludi diversi lagi iżgħar, għandu erja ta' 70,000 km2 (27,000 mil kwadru).[1]

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs jaf jirreferi wkoll għall-hekk imsejjaħ Vojt ta' Ubsunur (bir-Russu: Убсунурская котловина, b'ittri Rumani: Ubsunorskaya Kotlovina), li hija n-naħa tal-Punent tal-baċir tad-drenaġġ, jew għal iktar minn 10,000 km2 (3,900 mil kwadru) ta' żoni protetti li jkopru l-lag u l-madwar tiegħu. Dan l-hekk imsejjaħ "vojt" jifforma n-naħa tat-Tramuntana tad-Depressjoni tal-Lagi l-Kbar, li għandha erja ta' iktar minn 100,000 km2 (39,000 mil kwadru). Il-"vojt", u l-biċċa l-kbira tal-baċir tad-drenaġġ, jinsabu fil-Provinċji ta' Khövsgöl, ta' Zavkhan u ta' Uvs tal-Majjistral tal-Mongolja, u d-Distretti ta' Mongun-Tayginsky, ta' Ovyursky, ta' Tes-Khemsky u ta' Erzinsky tan-Nofsinhar tar-Repubblika ta' Tuva.

Il-baċir jagħmel parti minn sensiela ta' artijiet olzati u artijiet vojta li jinsabu fir-reġjuni muntanjużi ta' Tannu-Ola u ta' Altai. Hemmhekk, l-iżjed deżert fit-Tramuntana tad-dinja jiltaqa' mal-iżjed żona bit-tundra fin-Nofsinhar tal-Emisferu tat-Tramuntana. Żona ta' 10,560 km2 (4,080 mil kwadru), li tliet kwarti minnha tinsab fil-Mongolja, ġiet iddeżinjata bħala Riżerva ta' Bijosfera fl-1997, u żona ta' trikkib parzjali ta' bejn wieħed u ieħor l-istess daqs tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[2] Il-parti tal-lag li tinsab fil-Mongolja u l-madwar tagħha mbagħad ġew adottati bħala art mistagħdra tar-Ramsar fl-2004.

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-muntanji ta' Tannu-Ola jiffurmaw il-fruntiera tat-Tramuntana tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs. Il-Lag ta' Tere-Khol', l-uniku lag tal-ilma ħelu tal-baċir, jinsab, bħal-Lag ta' Uvs, fil-fruntiera bejn ir-Russja u l-Mongolja. Il-parti iktar fil-Lvant tal-baċir tad-drenaġġ tal-Lag ta' Uvs hija estiża, fit-Tramuntana, lejn il-fondoq ta' Sengilen tal-Muntanji Sayan, u fil-Lvant, lejn il-baċir tal-Lag ta' Sangiin Dalai. Il-parti tan-Nofsinhar tal-baċir tmiss mal-baċir tal-Lag ta' Khyargas, u l-Muntanji ta' Khan Khökhii jisseparaw iż-żewġ baċiri tad-Depressjoni tal-Lagi l-Kbar. Iktar lejn il-Lvant, il-Katina Muntanjuża ta' Bulnai tifforma l-fruntiera tan-Nofsinhar tal-baċir tad-drenaġġ tal-Lag ta' Uvs. Fil-Punent tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs hemm il-baċir endorrejku tal-Lag ta' Üüreg, li jmiss mal-Muntanji ta' Altai. Il-Katina Muntanjuża ta' Tsagan-Shibetu tissepara parzjalment il-baċiri tal-Lagi ta' Uvs u ta' Üüreg. It-tarf tal-Lbiċ tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs ikopri l-biċċa l-kbira tal-Katina Muntanjuża ta' Türgen Uul, u jinkludi x-xaqlibiet tal-Grigal tal-Muntanja Harhiraa.

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs ikopri l-parti tal-Punent tal-baċir tad-drenaġġ tal-Lag ta' Uvs.

Arkeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Depressjoni tal-Lagi l-Kbar (ritratt satellitari bl-ismijiet tal-lagi).

Skont Greenpeace, il-Baċir tal-Lag ta' Uvs fih saħansitra 40,000 sit arkeoloġiku tat-tribujiet nomadiċi tax-Xiti, tat-Torok, tal-Unniu ta' tribujiet oħra. Għadd ta' artefatti arkeoloġiċi għadhom ma ġewx studjati. Fl-Asja Ċentrali, il-Baċir tal-Lag ta' Uvs fih l-ikbar konċentrazzjoni ta' tumbati funebri, li jirrappreżentaw madwar nofs is-siti arkeoloġiċi tar-reġjun, u bosta minnhom huma saħansitra eqdem mill-Piramidi Eġizzjani. Hemm eluf ta' tinqix fuq il-blat u skulturi tal-ġebel ta' żmien l-insedjamenti Medjevali u t-tempji Buddisti.[3]

It-tiftix arkeoloġiku li twettaq fl-2007–2008 qalb il-fdalijiet ta' Por-Bazhyn, li jinsabu fuq gżejra fil-parti Russa tal-Lag ta' Tere-Khol', issuġġerixxa li ċ-ċint li nstab madwar is-sit kien inbena għall-ħabta tat-tieni nofs tas-seklu 8 W.K., taħt il-Khaganat ta' Uyghur.[4]

Popolazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet ta' Por-Bazhyn, ftit qabel l-iskavi tal-2007–2008.

Id-densità tal-popolazzjoni hija baxxa fil-Baċir tal-Lag ta' Uvs. Huwa popolat kważi esklużivament mill-poplu nomadiku Tuvan u minn nissiela tal-bhejjem tal-ifrat li jgħixu fil-yurts. In-nuqqas ta' industrija u d-dipendenza tal-abitanti fuq l-għajxien tradizzjonali, bħar-ragħa nomadika, kellhom ftit li xejn impatt fuq il-pajsaġġ u wasslu biex l-ekosistema tibqa' relattivament ħielsa mill-effetti negattivi li normalment jiġu imposti mill-preżenza tal-bniedem. Kemm il-parti Russa kif ukoll il-parti tal-Mongolja tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs jospitaw nies minn Tuva li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat f'merħliet, li jgħixu fil-yurts u li prattikament jirrappreżentaw il-popolazzjoni kollha.[5]

Flora u fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Yurts fil-Baċir tal-Lag ta' Uvs.

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs, fil-fruntiera bejn il-Mongolja u r-Russja, jinsab f'salib it-toroq bejn diversi ekosistemi kumplessi. Il-baċir għandu erja ta' 10,688 km2 (4,127 mil kwadru). It-territorju jinkludi glaċieri, deżert, tundra alpina, mergħat subalpini u żoni muntanjużi enormi bit-taiga. Hemm ukoll steppi bil-foresti, steppi mingħajr siġar, deżerti semiaridi u għaram dejjem jiċċaqilqu tar-ramel. Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs jipprovdi ħabitat naturali diversifikat, u b'hekk jipproduċi interazzjoni bejn il-pjanti u l-annimali Ewro-Siberjani kif ukoll Asjatiċi Ċentrali u tal-Mongolja.

L-isteppa tal-Mongolja.

Minħabba l-pożizzjoni tiegħu f'salib it-toroq bejn it-territorji tas-Siberja, tal-Asja Ċentrali u tal-Mongolja, il-flora u l-fawna tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs għandhom bijodiversità kbira fil-latitudnijiet nofsana. L-ispeċijiet ta' annimali li jgħixu fil-muntanji u fit-tundra, bħaċ-ċriev selvaġġi tas-Siberja u l-gallozz tal-borra ta' Altai, joktru hawnhekk. Il-leopard tal-borra li jinsab fil-periklu ta' estinzjoni huwa preżenti wkoll, l-istess bħall-annimali tat-taiga, fosthom iċ-ċerva ħamra tal-Kaspju, il-linċi u l-lupu. Fost l-annimali tal-isteppa hemm l-alwetta tal-Mongolja, id-damiġella u l-iskojjattlu Siberjan ta' denbu twil. L-annimali tad-deżert jinkludu l-pitarrun u l-gerbil ta' binhar. B'kollox hemm madwar 359 speċi ta' għasafar li jgħixu fil-Baċir tal-Lag ta' Uvs. Peress li l-baċir huwa żona protetta, bosta speċijiet antiki li huma estinti f'reġjuni oħra ġew għall-kenn hawnhekk.

Strumenti ta' konservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1993 ir-Russja pproteġiet il-partijiet tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs li jinsabu fir-Repubblika ta' Tuva bħala r-Riżerva tal-Bijosfera Statali ta' Ubsunurskaya Kotlovina. Fl-1995, Greenpeace Russia ħejjiet il-proposta tagħha li tinnomina l-Baċir tal-Lag ta' Uvs, flimkien mal-Mongolja, bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u ddeskrivietu bħala "wieħed mill-ikbar korpi tal-ilma intatti fl-Asja Ċentrali".[2]

Strumenti ta' konservazzjoni tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs
Riżerva ta' Bijosfera Sit ta' Wirt Dinji Strumenti oħra
Deżinjazzjoni Komponenti Deżinjazzjoni Komponenti
Tuva, ir-Russja Ubsunorskaya Kotlovina (1997):
  • Erja taż-żona ewlenija: 558 km2 (215-il mil kwadru)
  • Erja taż-żona ta' lqugħ: 2,285 km2 (882 mil kwadru)
  • unità 1
  • unità 2
  • unità 3
  • unità 4
  • unità 5
Baċir tal-Lag ta' Uvs (Nru 769rev, 2003):
  • Erja taż-żona ewlenija: 8,981 km2 (3,468 mil kwadru)
  • Erja taż-żona ta' lqugħ: 1,708 km2 (659 mil kwadru)
  1. Taiga ta' Mongun
  2. Ubsu-Nur
  3. Oroku-Shinaa
  4. Aryskannyg
  5. Jamaalyg
  6. Tsugeer els
  7. Ular
  8. Tsagan shuvuut
  9. Turgen
  10. Lag ta' Uvs
  11. Altan els
  12. Xmara ta' Tes
Riżerva tal-Bijosfera Naturali Statali
Ubsunurskaya Kotlovina (Nru 667010, 1993)
Il-Mongolja Baċir tal-Lag ta' Uvs (1997):
  • Erja taż-żona ewlenija: 3,661 km2 (1,414-il mil kwadru)
  • Erja taż-żona ta' lqugħ: 4,056 km2 (1,566 mil kwadru)
  • unità tal-Lag ta' Uvs
  • unità ta' Turgen Uul
  • unità ta' Altan Els
  • unità ta' Tsaagan Shovod
Art Mistagħdra tar-Ramsar
Il-Lag ta' Uvs u l-artijiet mistagħdra tal-madwar (Nru 1379, 2004):
  • Erja: 5,850 km2 (2,260 mil kwadru)
Il-leopard tal-borra.

Riżerva ta' Bijosfera[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Riżerva tal-Bijosfera tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs hija riżerva b'muntanji jew b'depressjoni fraġli li tinsab fil-fruntiera territorjali tal-Mongolja u r-Repubblika ta' Tuva fil-Federazzjoni Russa qalb il-Muntanji ta' Tannu-Ola, u r-reġjun tal-Muntanji ta' Altai — parti minn sensiela ta' artijiet olzati u depressjonijiet. Hawnhekk l-iżjed deżert tat-Tramuntana jiltaqa' mal-iżjed żona tat-tundra fin-Nofsinhar fid-dinja.

Ir-Riżerva tal-Lag ta' Uvs (Tuva) ingħatat l-istatus ta' Riżerva ta' Bijosfera internazzjonali fl-1998, bħala pass favur il-protezzjoni tan-natura selvaġġa tan-Nofsinhar tas-Siberja fejn hemm l-ikbar meded intatti ta' ekosistemi tar-Russja bis-siġar taż-żnuber tas-Siberja u tal-abit tas-Sibera.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt satellitari tal-Baċir tal-Lag ta' Uvs.

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs ġie nnominat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995 bħala t-tieni wirt dinji naturali tar-Russja fil-lista (l-ewwel kien il-Foresti Verġni ta' Komi).[2]

In-nominazzjoni tressqet b'mod konġunt mir-Repubblika ta' Tuva u mill-Mongolja u kienet tinkludi 75,000 kilometru kwadru ta' foresti u ta' steppa, u l-wirt kulturali u naturali assoċjat. Siti oħra inklużi f'din l-ewwel nominazzjoni Russa kienu:

  • il-Foresti Verġni ta' Komi fil-Lvant Imbiegħed tar-Russja (40,000 km2);
  • il-Vulkani ta' Kamchatka (40,000 km2) b'foresti uniċi, nixxigħat tas-salamun u vulkani fil-Peniżola ta' Kamchatka);
  • l-għejun tax-xmara Ob fil-Muntanji ta' Altai (65,000 km2 ta' ekosistema muntanjuża) tas-Siberja;
  • il-Park Nazzjonali ta' Vodlozero (inkluż il-Lag ta' Vygozero) (10,000 km2), l-ikbar art mistagħdra u ekosistema primordjali tat-taiga (foresta boreali) tal-Ewropa.

Il-Baċir tal-Lag ta' Uvs ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003 u jinkludi 12-il komponent:[2]

  1. Mongun Taiga, ir-Russja (50°12′N 90°12′E), fil-Punent tal-baċir tad-drenaġġ tal-Lag ta' Uvs;
  2. Ubsu-Nur, ir-Russja (50°37′N 93°8′E), fit-tarf tal-Grigal tal-Lag ta' Uvs;
  3. Oroku-Shinaa, ir-Russja (50°37′N 94°0′E), fin-naħa tat-Tramuntana taż-żona madwar ix-xmara Tes, biswit il-parti 12 fuq in-naħa tal-Mongolja;
  4. Aryskannyg, ir-Russja (50°40′N 94°44′E), fil-lvant fiż-żona ta' qabel, parzjalment fil-muntanji ta' Tannu-Ola;
  5. Jamaalyg, ir-Russja (50°15′N 94°45′E), fil-Punent ta' Erzin;
  6. Tsugeer els, ir-Russja (50°5′N 95°15′E), fit-Tramuntana tal-Lag ta' Tere-Khol' u l-madwar;
  7. Ular, ir-Russja (50°32′N 5°38′E), fin-naħa tal-Punent tal-fondoq ta' Sengilen;
  8. Tsagan shuvuut, il-Mongolja (50°19′N 91°9′E), fin-naħa tal-fondoq ta' Tsagan-Shibetu;
  9. Turgen, il-Mongolja (49°46′N 91°22′E), katina muntanjuża fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Üüreg, qrib Türgen, Uvs;
  10. Il-Lag ta' Uvs, il-Mongolja (50°20′N 92°53′E), il-qalba taż-żona tal-Lag ta' Uvs;
  11. Altan els, il-Mongolja (49°50′N 5°0′E), għaram tar-ramel fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Tere-Khol', inkluż il-parti tal-Mongolja ta' dak il-lag;
  12. Ix-xmara ta' Tes, il-Mongolja (50°28′N 93°45′E), żona bejn id-delta tal-Lag ta' Uvs u l-fruntiera Russa.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "EO Newsroom: New Images - Uvs Nuur Basin in Mongolia". web.archive.org. 2008-09-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-09-24. Miġbur 2024-04-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Uvs Nuur Basin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-30.
  3. ^ "Ernet.in". ces.iisc.ernet.in. Miġbur 2024-04-30.
  4. ^ "Archaeology Magazine - Letter from Siberia - Fortress of Solitude - Archaeology Magazine Archive". archive.archaeology.org. Miġbur 2024-04-30.
  5. ^ "The Uvs Nuur Basin". www.nhpfund.org. Miġbur 2024-04-30.
  6. ^ "Southern Siberia Hotspot in the Taiga". web.archive.org. 2000-08-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2000-08-16. Miġbur 2024-04-30.