Muntanji tad-Deheb ta' Altai
Il-Muntanji tad-Deheb ta' Altai huwa l-isem ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-Russja magħmul mir-Riżervi Naturali ta' Altai u ta' Katun, il-Lag ta' Teletskoye, il-Muntanja ta' Belukha, u l-Promontorju ta' Ukok. Skont l-UNESCO "ir-reġjun jirrappreżenta l-iżjed sekwenza kompluta ta' żoni ta' veġetazzjoni altitudinali fis-Siberja ċentrali, fosthom l-isteppa, l-isteppa forestali, il-foresti mħallta, il-veġetazzjoni subalpina u l-veġetazzjoni alpina". Il-Muntanji tad-Deheb ta' Altai huma importanti wkoll għall-preservazzjoni ta' mammiferi li globalment jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni, fosthom il-leopard tal-borra, l-argali ta' Altai, u l-mogħża tal-barr Siberjana. Is-sit ikopri erja enormi ta' 16,178 km2 (6,246 mil kwadru).[1][2]
Attrazzjonijiet turistiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Normalment it-turisti jżuru erba' siti fi ħdan ir-reġjun ta' Altai: il-Muntanja ta' Belukha, il-Promontorju ta' Ukok, ix-xmara Katun u l-Wied ta' Karakol.
Il-Muntanja ta' Belukha titqies bħala sit sagru għall-Buddisti u għall-Burkanisti. Il-miti tagħhom dwar din il-parti tal-katina muntanjuża wasluhom biex jemmnu li hija s-sit ta' Shangri-la (Shambala). Dan is-sit issa jospita lil bosta xabbaturi kull sena; l-ewwel xabbaturi telgħu sal-qċaċet tal-Muntanji tad-Deheb ta' Altai fil-bidu tas-seklu 20.
Il-Promontorju ta' Ukok huwa sit funebri tal-qedem tal-poplu Siberjan bikri. Għadd ta' miti huma kkollegati ma' din il-parti tar-reġjun.
Ix-xmara Katun hija sit reliġjuż importanti għan-nies li jgħixu fl-inħawi ta' Altai, u huma (matul iċ-ċelebrazzjonijiet) jużaw l-għarfien ekoloġiku antik għall-irpiljar u għaż-żamma tax-xmara. Il-Wied ta' Karakol huwa famuż għal-lagi mhux mimsusa tiegħu li jinsabu bejn 1,820 metru u 2,097 metru (5,971 pied u 6,880 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.[3]
Valur kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm il-Muntanji tad-Deheb ta' Altai tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO skont kriterji naturali, iħaddnu wkoll informazzjoni dwar il-kultura nomadika tax-Xiti. Il-permafrost f'dawn il-muntanji ppreserva xi tumbati funebri tax-Xiti. Dawn l-oqbra ffriżati jew kurgans, fihom oġġetti tal-metall, bċejjeċ tad-deheb, katavri mmummifikati, katavri bit-tpinġijiet, żwiemel issagrifikati, oġġetti tal-injam u tal-ġilda, ħwejjeġ, tessuti, eċċ.[4] Madankollu, il-Promontorju ta' Ukok (li jinsab fi ħdan il-Muntanji tad-Deheb ta' Altai) huwa sit sagru għall-poplu ta' Altai, għaldaqstant l-arkeologi u l-istudjużi li ppruvaw jiskavaw is-sit għall-fdalijiet umani qajmu kontroversja.
Il-Mużew Brittaniku f'Londra tella' għall-wiri l-"Ġellieda Xiti tas-Siberja tal-Qedem" minn Settembru 2017 sa Jannar 2018. Il-wirja kienet sponsorjata minn British Petroleum (BP).[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanji tad-Deheb ta' Altai ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Theddidiet klimatiċi
[immodifika | immodifika s-sors]It-tibdil fil-klima kkawża t-tidwib tal-permafrost li pperikola l-preservazzjoni tat-tumbati funebri. Matul l-aħħar 100 sena kien hemm żieda ta' 1 °C (34 °F) fit-temperatura fl-Asja u ta' 2 °C (36 °F) fit-temperatura fl-inħawi iktar baxxi ta' Altai. Din iż-żieda tal-aħħar tinħass iktar fix-xitwa u fir-rebbiegħa.
L-għargħar glaċjali f'daqqa saru problema f'din iż-żona. B'mod partikolari, il-Glaċier ta' Sofiyskiy fir-reġjun qed jirtira b'rata ta' 18-il metru (59 pied) fis-sena.
Żieda fit-temperatura hija ta' theddida wkoll għal diversi speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni li jgħixu f'dan ir-reġjun muntanjuż. L-ispeċijiet li jgħixu f'dawn l-inħawi jinkludu l-leopard tal-borra, l-argali ta' Altai, l-ajkla tal-isteppa u ċ-ċikonja sewda.
Sforzi ta' preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2005, iċ-Ċentru tal-Wirt Dinji tal-UNESCO vara l-Proġett ta' Preservazzjoni tal-Oqbra Ffriżati tal-Muntanji ta' Altai, b'appoġġ finanzjarju mill-fondi fiduċjarji Fjammingi u tal-UNESCO. Madankollu, fl-14 ta' Mejju 2008 dan il-proġett intemm.[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Golden Mountains of Altai - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2007-08-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-18. Miġbur 2024-04-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Pacific Environment: Greater Altai, Altai Krai, Republic of Altai, Tyva (Tuva), and Novosibirsk". web.archive.org. 2007-03-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-14. Miġbur 2024-04-26.
- ^ "Golden Mountains – Russia" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-26.
- ^ Colette, Augustin (2007). Case Studies on Climate Change and World Heritage. UNESCO. ISBN 978-92-3-104125-9.
- ^ "Scythians: climate change and Indigenous rights in the Altai mountains" (bl-Ingliż). 2018-01-14. Miġbur 2024-04-26.
- ^ Han, Junhi (2008). Publication on Frozen Tombs of the Altai Mountains. UNESCO.