Aqbeż għall-kontentut

Kunya-Urgench

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kunya-Urgench
 Turkmenistan
Amministrazzjoni
Stat sovranTurkmenistan
Region of TurkmenistanDaşoguz Region (en) Translate
Isem uffiċjali Köneürgenç
Ismijiet oriġinali Köneürgenç
Ġeografija
Koordinati 42°19′00″N 59°09′31″E / 42.3167°N 59.1586°E / 42.3167; 59.1586Koordinati: 42°19′00″N 59°09′31″E / 42.3167°N 59.1586°E / 42.3167; 59.1586
Kunya-Urgench is located in Turkmenistan
Kunya-Urgench
Kunya-Urgench
Kunya-Urgench (Turkmenistan)
Demografija
Popolazzjoni 36,754 abitanti
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+5
Veduta tal-minaret twil ta' Kunya-Urgench.

Kunya-Urgench (bit-Turkmen: Köneürgenç / Көнеүргенч; bil-Persjan: کهنه گرگانج, Kuhna Gurgānj, litteralment "Gurgānj Antika"), magħrufa wkoll bħala Urgench Antika, Urganj jew Konye-Urgench, hija belt ta' madwar 30,000 ruħ fit-Tramuntana tat-Turkmenistan, kemm kemm fin-Nofsinhar tal-fruntiera mal-Użbekistan. Hija wkoll is-sit fejn kienet ġiet stabbilita l-belt antika ta' Gurgānj, fejn hemm il-fdalijiet tal-belt kapitali ta' Khwarazm. L-abitanti tal-belt abbandunawha fil-bidu tas-seklu 18 sabiex jiżviluppaw insedjament ġdid, u Kunya-Urgench baqgħet mhux mimsusa minn dak iż-żmien. Fl-2005, il-fdalijiet ta' Urgench Antika tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Ħarsa ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]

Stabbilita fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara Amu Darya, Ürgenç Antika kienet tinsab tul waħda mill-iżjed mogħdijiet Medjevali importanti: it-Triq tal-Ħarir, is-salib it-toroq taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Punent u tal-Lvant. Il-belt antika ta' Kunya-Urgench hija waħda mill-iżjed siti arkeoloġiċi importanti fit-Turkmenistan, u tinsab f'żona enormi f'pajsaġġ protett li fih għadd kbir ta' monumenti ppreservati tajjeb, li jmorru lura għas-sekli 11 sa 16. Dawn jinkludu moskej, id-daħliet ta' caravanserai, fortizzi, mawżolej u minaret. L-influwenza tal-istil arkitettoniku u tax-xogħol tas-sengħa tagħhom waslet sal-Iran, sal-Afganistan u sal-arkitettura tas-seklu 16 tal-Imperu Mugal fl-Indja.

Atanyyazow jispjega, "Fix-xogħlijiet tal-istoriċi Ċiniżi, l-isem ta' Yue-Gyan, li jitfaċċa b'karattri Ġeorġjani fix-xogħlijiet ta' studjużi Għarab tas-seklu 10... kien jintuża bħala Gurganj, nattiv ta' Khorezm.... u s-suffiss -j, skont Yakut, ifisser l-istess bħall-kelma... abat, jiġifieri "villaġġ" u "belt"... Peress li l-isem antik oriġina mill-kelma Gurgen..., it-toponimu ta' Gurganj... ifisser "il-belt ta' Gurgen" kif ukoll "Gurgen, il-belt tan-nies". Iktar 'il quddiem, minflok l-isem ta' Gurganj beda jintuża Urgench".[2] Madankollu, ma teżistix spjegazzjoni dwar it-tifsira ta' Gurgen jew Gurgan.

Storja u żvilupp

[immodifika | immodifika s-sors]
L-armata ta' Timurlane tassedja l-belt ta' Urgench fis-seklu 14.

Id-dati preċiżi meta ġiet stabbilita l-belt ta' Kunya-Urgench mhumiex ċerti, iżda sejbiet arkeoloġiċi fl-Għolja ta' Kyrkmolla (waħda mill-fortizzi prinċipali tas-sit arkeoloġiku) jiżvelaw li l-belt diġà kellha struttura b'saħħitha fis-sekli 5 u 4 Q.K. Uħud mill-iżjed dokumentazzjonijiet bikrin juru li Khwarezm kienet inħakmet mill-Għarab fis-712 W.K., li ħadu f'idejhom il-belt kapitali ta' Kath tad-dinastija Afrigida tal-Khwarezm Iranjana. Il-belt kibret u saret prominenti bejn is-sekli 10 u 14 bħala l-belt kapitali ta' Khwarezm minflok Kath. Gurjanu ntużat bħala ċentru kummerċjali importanti, u kienet tikkompeti bħala fama u bħala popolazzjoni ma' bosta bliet oħra tal-Asja Ċentrali, bħal pereżempju Bukhara. Kienet saret prosperuża ferm minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha tul ir-rotot kummerċjali prinċipali min-Nofsinhar sat-Tramuntana, u mill-Punent sal-Lvant, u tat kontribut siewi lill-iżvilupp tax-xjenza u tal-kultura fl-Asja Ċentrali.

Skont kittieb tal-1893, Djordjania jew Jorjania kienet it-"tieni belt kapitali" tal-pajjiż. Kienet tinsab fuq il-kanal ta' Wadak li x'aktarx kien fit-tarf tal-Lvant ta' Kunya-Darya, li x'aktarx kienet il-baċir tax-xmara li issa tagħti għal-Lag ta' Sarykamysh. Kemm kemm fil-Lvant tal-belt kien hemm diga li kienet tisqi l-inħawi u kienet timblokka l-fluss tax-xmara Oxus fil-Baħar Kaspju. Fl-1220 kemm il-belt kif ukoll id-diga nqerdu mill-Mongoli u l-inħawi kollha tal-madwar saru mraġ. Kunya-Urgench ma damitx wisq ma' nbniet fuq jew qrib is-sit ta' Jorjania.[3]

Fl-1221, Genghis Khan qered il-belt fl-invażjoni tal-Asja Ċentrali min-naħa tal-Mongoli, f'wieħed mill-iżjed massakri mdemmija fl-istorja tal-bniedem. Il-biċċa l-kbira tal-poplu fil-belt antika, jekk mhux kollu, inqatlu jew tkeċċew, u dan witta t-triq għat-"Turkifikazzjoni" ta' Khwarazm. Minkejja l-effetti devastanti tal-invażjoni, il-belt reġgħet ingħatat il-ħajja u reġgħet kisbet l-istatus li kellha qabel. Ġiet deskritta mill-vjaġġatur Berberu tas-seklu 14 Ibn Battuta bħal "l-ikbar u l-isbaħ belt, l-iktar waħda grandjuża u l-iżjed waħda importanti tat-Torok. Fiha bażars fini u toroq wesgħin, għadd kbir ta' binjiet u abbundanza ta' prodotti bażiċi".[4]

Fl-1373, Timur attakka lil Khwarezm, u l-mexxej Yusef Sufi tad-dinastija Sufi arrenda quddiem il-qawwa ta' Timur. Fl-1379, Yusef Sufi rribella kontra Timur, li seraq lil Urgench, u Yusef Sufi nqatel. Fl-1388, id-dinastija Sufi ta' Urgench reġgħet irvellat kontra Timur; din id-darba Timur qered għalkollox il-binjiet kollha ta' Urgench sal-art, immassakra l-popolazzjoni kollha, qered is-sistema ta' irrigazzjoni tal-belt, u ordna li jinżera' x-xgħir fuq l-art fejn qabel kien hemm il-belt. Ħalla biss moskea waħda mhux imġarrfa. Dan kollu, flimkien mal-bidla f'daqqa tal-fluss tax-xmara Amu Darya, fissru l-bidu tad-deklin ta' Kunya-Urgench sas-seklu 16, meta mbagħad ġiet sostitwita bħala belt kapitali reġjonali minn Khiva u fl-aħħar mill-aħħar ġiet abbandunata.

Iktar 'il quddiem l-inħawi ġew abitati mit-Turkmeni mill-bidu tas-seklu 19, iżda żviluppaw l-iktar l-inħawi 'l barra mill-belt antika, u użaw lil din tal-aħħar bħala ċimiterju. Madankollu, dan l-użu issa waqaf għalkollox, u saru sforzi biex il-lapadi tal-oqbra li kienu qed jittieklu biż-żmien jitneħħew mis-sit.

Il-belt il-ġdida ta' Urgench ġiet żviluppata lejn ix-Xlokk, fit-territorju li llum il-ġurnata jagħmel parti mill-Użbekistan. Ftit mill-ewwel riċerka arkeoloġika fis-sit tal-belt antika sar minn Alexander Yakubovsky fl-1929.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Kunya-Urgench ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Fdalijiet arkeoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Minaret ta' Kutlug Timur.

Il-konfigurazzjoni urbana ta' Kunya Urgench intilfet u għad fadal biss ċerti monumenti li għadhom weqfin. Dawn huma eżempji awtentiċi u rikki ta' arkitettura fina u ta' tradizzjonijiet tal-bini li kienu jeżistu għal sekli sħaħ. Il-livell ta' konservazzjoni jvarja minn binja għall-oħra, u l-iżjed xogħol ta' restawr sostanzjali twettaq f'dawn l-aħħar tletin sena, matul l-era Sovjetika, permezz ta' metodi u materjali tradizzjonali.

Minaret ta' Kutlug-Timur

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Minaret ta' Kutlug Timur x'aktarx li huwa l-iżjed struttura li tispikka f'dan is-sit. Imur lura għas-sekli 11 u 12, u huwa għoli 60 metru. B'hekk huwa l-ogħla monument fis-sit. Għandu dijametru ta' 12-il metru fil-bażi tiegħu u ta' żewġ metri fuq nett.

Abbażi tax-xogħol ta' tiżjin tiegħu fil-brikks, inkluż kitbiet Kufiċi, huwa maħsub li l-minaret huwa kostruzzjoni iktar bikrija, li ġiet irrestawrata biss minn Kutlug-Timur għall-ħabta tal-1330.[6]

Mawżolew ta' Turabek-Khanum

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-Mawżolew ta' Turabek Khanum min-Nofsinhar.

Imsemmi għal Turabek-Khanum, il-mara ta' Kutlug-Timur (li rrenja bejn l-1321 u l-1336), din l-istruttura tinsab fil-parti tat-Tramuntana ta' Gurgench tal-qedem. Il-mawżolew huwa notevoli għad-disinn eleganti tiegħu u għat-tiżjin impressjonanti bil-madum. Huwa biċċa xogħol sofistikata tal-arkitettura, kemm fil-kunċettwalizzazzjoni tal-ispazji tiegħu kif ukoll fl-inġinerija tiegħu. Dawn iż-żewġ aspetti jintużaw bis-sħiħ b'mod konxju sabiex jinkiseb effett viżiv, estetiku u spiritwali.

Il-binja oriġinali kienet magħmula minn żewġ kmamar: sala kbira b'koppla u waħda iżgħar warajha. Is-sala l-kbira għandha tnax-il naħa fuq barra u hija eżagonali minn ġewwa. Qabilha hemm portal tad-daħla u vestibolu.

Waħda mill-iżjed karatteristiċi arkitettoniċi impressjonanti tal-mawżolew hija l-koppla tonda li ssaqqaf is-sala prinċipali. Il-wiċċ tal-koppla minn ġewwa huwa miksi b'mużajk ikkulurit li jifforma għamliet ornamentali mirquma li jikkonsistu minn fjuri u minn stilel, li joħolqu metafora viżiva tas-smewwiet jew tal-ġenna. Ma hemmx eżempji kontemporanji paralleli ta' din ix-xorta f'Urgench, u xi karatteristiċi arkitettoniċi, bħat-tiżjin imsemmi hawn fuq, mhux preżenti f'monumenti oħra li nbnew matul il-ħajja ta' Turabek-Khanum, għall-ħabta tal-1330. Għalhekk, diffiċli li l-binja tiġi datata għal żmien daqstant bikri. Madankollu, dawn il-karatteristiċi huma preżenti fl-Asja Ċentrali, iżda iktar 'il quddiem, matul ir-renju ta' Timur, ġellied ta' dixxendenza Torka-Mongola. Teknoloġiji ġodda, bħall-mużajk bil-fajjenza, huma preżenti fil-binjiet l-iktar bikrin ta' Timur, bħall-Palazz ta' Aq Saray f'Shahrisabz, fl-Użbekistan, li nbeda fl-1379 iżda li kien għadu ma tlestiex fl-1404.[6]

Tiżjin bil-mużajk fuq il-koppla tal-Mawżolew ta' Turabek Khanum.

Mawżolew ta' Tekesh

[immodifika | immodifika s-sors]

Din l-istruttura x'aktarx li hija l-Qabar tas-Sultan Ala al-Din Tekish, il-fundatur tal-Imperu ta' Khwarezm u l-mexxej tiegħu bejn l-1172 u l-1200. Ġiet identifikata bħala mawżolew minħabba t-tradizzjoni li kull binja antika tal-Asja Ċentrali tiġi ddedikata lil xi ħadd storiku jew mitiku.

Il-binja hija magħmula mill-brikks u tikkonsisti minn sala kwadra b'ħitan li huma għoljin sa 11.45-il metru, tanbur tond enormi u saqaf koniku b'koppla interna moħbija taħtu. Il-koppla hija kkollegata mal-ħitan tas-sala kwadra li sserraħ fuqhom permezz ta' "ċintorin" ottagonali. L-istruttura bejn il-koppla u l-ottagonu hija mżejna b'16-il niċċa mhux daqstant fondi. L-għamla tagħhom mhijiex ippuntata bħalma wieħed isib spiss fl-arkitettura Iżlamika tal-Asja Ċentrali, iżda pjuttost semiċirkolari. Dan huwa motiv li jista' jinstab fil-miħrab tal-irħam tas-seklu 8 fil-Mużew ta' Baghdad, u qajla ntuża fl-Asja Ċentrali: każ paragunabbli ieħor li jista' jinstab fit-Turkmenistan hu dak tal-miħrab tal-moskea ta' Muhammad Ibn Zayd tas-seklu 11 f'Merv. Madankollu, iż-żewġ strutturi jinsabu wisq 'il bogħod minn xulxin biex jitqiesu bħala prototipi.

Il-Mawżolew ta' Tekesh.

Is-saqaf koniku fuq barra nbena f'saffi orizzontali permezz tat-teknika ta' volta falza. Fuq ġewwa, is-saqaf huwa msaħħaħ permezz ta' 12-il riffieda weqfin fuq il-koppla interna. Għalkemm dan jaf jidher bħala teknika riskjuża ta' kostruzzjoni, is-saqaf għadu f'kundizzjoni pjuttost tajba: il-quċċata nett biss iġġarfet, u hemm ftit ħsara fit-tiżjin bil-madum blu tal-majjolika.

Waħda mill-karatteristiċi speċjali tal-arkitettura tal-binja hi l-faċċata tagħha. Għandha niċċa b'portal għoli u b'arkata prinċipali, li issa tilfet l-għamla oriġinali tagħha. Il-ħnejja ppuntata tal-portal hija miksija b'sistema kkumplikata ta' għamliet qishom stalaktiti, li huma motiv dekorattiv magħmula bit-terrakotta u huwa armat fuq zkuk tal-injam fi ħdan ix-xogħol bil-brikks.

Mir-riċerka fuq din l-istruttura nibtu spekulazzjonijiet li l-Mawżolew ta' Tekesh jaf kien jinsab fiċ-ċentru ta' xi kostruzzjoni kbira li kienet tikkonsisti minn għadd ta' binjiet oħra. Għaldaqstant, ċerti studjużi jargumentaw li l-binja kellha skop differenti minn dak ta' mawżolew, pereżempju bħala Binja tal-Gvern jew Palazz tal-mexxejja tal-Imperu ta' Khwarezm.[7]

Veduta tal-faċċata tal-Mawżolew ta' Tekesh.

Kyrkmolla hija tumbata tal-ħamrija għolja 12-il metru (39 pied) li fl-imgħoddi kienet fortizza. Tinsab fil-periferiji tal-Grigal ta' Gurgench. Din hija partikolarment sinifikanti peress li hemmhekk instabu l-iżjed bċejjeċ bikrin taċ-ċeramika, li jmorru lura għas-seklu 5 Q.K. Is-sit huwa protett permezz ta' ħajt oħxon tal-brikks u tat-tajn li jmur lura għas-sekli 10 sa 14, u dan ġie parzjalment rikostruwit wara li saru l-iskavi arkeoloġiċi.

Kumpless tal-Mawżolej ta' Najm-ad-Din al-Kubra, tas-Sultan Ali u ta' Piryar Vali

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-kumpless jinsab fiċ-ċentru tal-belt il-ġdida ta' Kunya-Urgench, fi ħdan ċimiterju Musulman. Il-Mawżolew ta' Najm-ad-Din al-Kubra nbena fl-ewwel nofs tas-seklu 14, u ġie ddedikat lill-filosfu, pittur, tabib, mastru taċ-ċess u ġeneral Najm al-Din Kubra, il-fundatur tal-ordni Sufi ta' Kubrawiya. Dan il-mawżolew huwa wieħed mill-istrutturi li ġie rikostruwit matul l-era ta' prosperità ta' Khorezm, u anke wara l-invażjoni tal-Mongoli.

Il-Mawżolew tas-Sultan Ali, li rrenja fis-seklu 16, jinstab faċċata tal-Mawżolew ta' Najm-ad-Din al-Kubra. Huwa monument eżagonali, b'koppla li għandha dijametru ta' 9.5 metri.

Il-Mawżolew ta' Piryar Vali, kontemporanju ta' Najm ad-Din al-Kubra, jinsab fil-Punent tal-Mawżolew ta' Najm-ad-Din al-Kubra, u nbena fis-sekli 13 u 14. Għandu għoli ta' 6.5 metri u tul ta' 7.5 metri.

Il-Mawżolew ta' Najm ad-Din al-Kubra.

Mawżolew ta' Il Arslan

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Mawżolew ta' Il Arslan huwa opra tal-għaġeb tal-arkitettura, u huwa magħruf ukoll lokalment bħala l-Mawżolew ta' Kho-Rezmshah II Arslan, li rrenja mill-1156 sal-1172. Il-mawżolew, li jmur lura għas-seklu 12, huwa l-eqdem monument f'Gurgench li għadu ma ġġarrafx.

Il-binja għandha struttura kubojdali tal-brikks, simili għall-iżjed mawżolew Iżlamiku bikri eżistenti fl-Asja Ċentrali, il-mawżolew tas-Samanidi tal-bidu tas-seklu 10 f'Bukhara, iżda minflok għandu koppla emisferika b'saqaf koniku fuq barra. L-istruttura hija mżejna b'motiv imnaqqax bħala riljiev fil-panewijiet tal-brikks, freġju b'aforiżma miktuba b'kitba mill-isbaħ, u b'motivi veġetali mnaqqxa li juru varjazzjonijiet ta' mudell Għarbi. L-iskema dekorattiva tal-koppla hija magħmula b'teknika tal-madum ikħal ileqq li jifforma mudell ġeometriku.[8]

Portal quddiem il-Mawżolew ta' Najm ad-Din al-Kubra.

Skont uħud mill-iżjed skoperti xjentifiċi reċenti, waħda mill-funzjonijiet tal-istruttura, f'ċertu punt, kienet il-ħżin tal-ilma.

Kumpless ta' Ibn Khajib

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-monument huwa ddedikat lil Ibn Khajib, wieħed mid-dixxipli ta' Najm-ad-Din al-Kubra li kellu talent kbir. Il-kumpless jinsab fil-parti tal-Punent ta' Urgench Antika u jikkonsisti minn għadd ta' monumenti li nbnew f'perjodi differenti, mis-seklu 14 sas-seklu 19.

Ak-Kala hija fortizza li tinsab fil-Lbiċ tal-fdalijiet tal-belt Medjevali ta' Urgench. Il-ħitan tagħha, għoljin bejn sitt metri sa tmien metri, u li huma ħoxnin madwar żewġ metri fuq in-naħa ta' fuq, huma estiżi għal iktar minn kilometru. Il-ħitan inbnew bil-brikks u bit-tajn imnixxfin fix-xemx u l-irkejjen tagħhom huma mżejna b'torrijiet semiċirkolari, filwaqt li n-naħa ta' ġewwa tal-fortizza hija mirfuda bir-riffieda.

Khorezm-Bag hija fortizza kwadra, mibnija minn Khan Muhammed Emin, ta' 400 metru b'500 metru, u nbniet f'nofs is-seklu 19 fil-periferiji tal-Lbiċ ta' Kunya-Urgench. Il-fortizza hija mdawra b'ħajt difensiv għoli li fil-biċċa l-kbira tiegħu ttiekel ferm bl-erożjoni u biż-żmien.[5]

Mużew ta' Kunya-Urgench (Moskea ta' Dash)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mawżolew ta' Il Arslan.

Il-mużew jinsab fl-istruttura tal-brikks tal-Moskea ta' Dash, eks madrasa li nbniet fil-bidu tas-seklu 20. Kien inbena bħala moskea u ntuża bħala madrasa qabel ma ġie kkonvertit f'mużew fis-snin 90 tas-seklu 20. L-istruttura hija fil-biċċa l-kbira kwadra, b'sensiela ta' kmamar li jagħtu għal bitħa interna kbira, u li issa jospitaw diversi artefatti.

Il-mużew jiffoka fuq l-istorja ta' Kunya-Urgench, fuq l-arti u l-artiġjanat tradizzjonali tar-reġjun, u fuq it-tradizzjoni tal-bini ta' Kunya-Urgench. L-ikbar kamra hija ddedikata lill-istorja u lit-teżori tal-belt antika, u tinkludi mudell komprensiv f'minjatura ta' Gurgench u varjetà ta' artefatti bħal skutelli taċ-ċeramika, madumiet ileqqu, ġugarelli tat-tfal jew testi bl-Għarbi. Kamra importanti oħra hija ċċentrata madwar il-Moskea ta' Dash u l-istorja tal-kostruzzjoni u tal-użu tagħha. Madwar il-bitħa interna, wara l-binja prinċipali, il-kumplament tal-kmamar iżgħar, li qabel kienu l-kmamar tas-sodda tal-istudenti tal-madrasa, ġew ikkonvertiti f'19-il kamra b'artefatti u b'tagħrif li jispjega l-artiġjanat tradizzjonali tar-reġjun, bħall-produzzjoni tat-twapet u tal-fuħħar, il-kostruzzjoni tal-Yurts, eċċ.[5]

Tradizzjoni tal-bini

[immodifika | immodifika s-sors]

Kunya-Urgench, għal żmien twil ħafna, kienet skola prolifika ta' mastri, bennejja u arkitetti, tal-kostruzzjoni. L-għarfien u l-ħiliet ta' dan l-iskola nfirxu, tul is-sekli, fid-dinja Musulmana kollha, u jistgħu jiġu ammirati fl-istrutturi u fit-tiżjin ta' bosta binjiet mill-perjodu ta' Timur, kemm fit-Turkmenistan stess kif ukoll fl-Użbekistan, fl-Afganistan, fit-Transkawkasja, fit-Turkija, fl-Iran, fil-Pakistan u fl-Indja. Pereżempju, għadd ta' binjiet f'Samarkanda nbnew minn bennejja u minn arkitetti li ġew impjegati minn Kunya-Urgench fis-seklu 14.

L-inġenjożità u l-ħila tal-artiġjani u tal-arkitetti lokali joħorġu fid-dieher fid-dettalji eċċezzjonali tal-kostruzzjoni, bħall-istrutturi, l-għamliet jew it-tiżjin, li lkoll kemm huma ġew ipperfezzjonati matul iż-żmien. Barra minn hekk, it-tekniki tradizzjonali tal-bini baqgħu jeżistu sa llum il-ġurnata: pereżempju, il-kalkara f'Kunya-Urgench għadhom jintużaw fir-reġjun kollu għall-produzzjoni tal-brikks li jintużaw fir-rikostruzzjoni ta' binjiet storiċi.[5]

Kunya Urgench għandha klima bierda ta' deżert (BWk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), bi sjuf twal u sħan. Ix-xtiewi ta' Kunya Urgench ikunu relattivament qosra, iżda pjuttost kesħin. Il-preċipitazzjoni hija skarsa matul is-sena kollha, b'medja ta' 109 mm (4.36 pulzieri) ta' xita.

Data klimatika għal Kunya-Urgench
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja f'°C (°F) 0.2

(32.4)

2.7

(36.9)

10.4

(50.7)

20.7

(69.3)

28.5

(83.3)

33.4

(92.1)

35.2

(95.4)

32.6

(90.7)

26.9

(80.4)

17.9

(64.2)

10.1

(50.2)

3.1

(37.6)

18.5

(65.3)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) −4.0

(24.8)

−2.3

(27.9)

4.8

(40.6)

14.1

(57.4)

21.3

(70.3)

25.9

(78.6)

27.9

(82.2)

25.3

(77.5)

19.3

(66.7)

11.1

(52.0)

5.0

(41.0)

0.1

(32.2)

12.4

(54.3)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −8.0

(17.6)

−7.1

(19.2)

−0.5

(31.1)

7.7

(45.9)

14.2

(57.6)

18.4

(65.1)

20.7

(69.3)

18.0

(64.4)

11.7

(53.1)

4.4

(39.9)

0.0

(32.0)

−2.8

(27.0)

6.4

(43.5)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 9

(0.4)

8

(0.3)

17

(0.7)

19

(0.7)

13

(0.5)

4

(0.2)

3

(0.1)

2

(0.1)

3

(0.1)

9

(0.4)

10

(0.4)

12

(0.5)

109

(4.4)

Sors: Climate-data.org[9]
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Kunya-Urgench". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-17.
  2. "Скачать Атаныязов Солтанша. Туркменистаның географик атларынын душундиришли сѳзлуги [DJVU]". www.twirpx.com (bir-Russu). Miġbur 2023-01-17.
  3. Gloukhovsky, Alexandr Ivanovitch, The Passage of the Water of the Amu-Darya by its Old Bed into the Caspian Sea, San Pietruburgu, 1893, pp. 8,10,15,28.
  4. Gibb, H.A.R. trans. and ed. (1971). The Travels of Ibn Baṭṭūṭa, A.D. 1325–1354 (Volume 3). London: Hakluyt Society. p. 541.
  5. 1 2 3 4 "Nomination of the Ancient Town of Kunya-Urgench for the Inclusion on the World Heritage List" (PDF).
  6. 1 2 Golombek, L. 2011. 'The Turabeg Khanom Mausoleum in Kunya Urgench: Problems of Attribution, in Muqarnas. An Annual on the Visual Cultures of the Islamic World, Volume 28, 133-156.
  7. Chmelnizkij, S. 1995 'The Mausoleum of Tekesh in Kunya Urgench', in International Congress of Turkish Art: Art Turc, Turkish Art, Geneve, Fondation Max Van Berchem, 217-221.
  8. Kuehn, S. 2007. 'Tilework on 12th to 14th century funerary monuments in Urgench (Gurganj)', in Arts of Asia, Volume 37, Number 2, 112-129.
  9. "Konye-Urgench Weather & Climate | Temperature & Weather By Month - Climate-Data.org". en.climate-data.org. Miġbur 2023-01-17.