Forti ta' Agra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Forti ta' Agra

Il-Forti ta' Agra huwa forti storiku fil-belt ta' Agra, l-Indja. Kien ir-residenza prinċipali tal-imperaturi tad-dinastija Mughal sal-1638, meta l-belt kapitali ġiet ittrasferita minn Agra għal Delhi. Qabel ma spiċċa taħt il-Brittaniċi, l-aħħar mexxejja Indjani li okkupawh kienu l-Maratha. Fl-1983, il-Fort ta' Agra tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Jinsab madwar żewġ kilometri u nofs fil-Majjistral tal-monument famuż tat-Taj Mahal. Il-forti jista' jiġi deskritt aħjar bħala belt iffortifikata.

Bħall-kumplament ta' Agra, l-istorja tal-Forti ta' Agra qabel l-invażjoni ta' Mahmud Ghaznavi mhix ċara. Madankollu, fis-seklu 15 ir-Rajput ta' Chauhan okkupawh. Ftit wara, Agra ngħatat l-istatus ta' belt kapitali meta Sikandar Lodi (1487-1517) ittrasferixxa l-belt kapitali tiegħu minn Delhi u bena xi ftit binjiet fil-Forti preċedenti ta' Agra. Wara l-ewwel battalja ta' Panipat fl-1526, il-Mughal ħatfu l-forti u wettqu t-tmexxija tagħhom minnu. Fl-1530, Nasir-ud-Din Muḥammad, magħruf iktar bħala Humayun, kien inkurunat fih. Il-forti kiseb id-dehra attwali tiegħu matul ir-renju ta' Akbar (1556-1605).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Agra maħtuf minn Hemu qabel il-Battalja ta' Delhi fl-1556.

Wara l-Ewwel Battalja ta' Panipat fl-1526, Babur baqa' fil-forti, fil-palazz ta' Ibrahim Lodi. Iktar 'il quddiem bena bir imtarraġ fih. Is-suċċessur tiegħu, Humayun, kien inkurunat fil-forti fl-1530. Huwa kellu jikkonċedi telfa f'Bilgram fl-1540 quddiem il-qawwa ta' Sher Shah Suri. Il-forti baqa' f'idejn is-Suri sal-1555, meta Humayun reġa' ħatfu taħt il-poter tiegħu. Il-ġeneral ta' Adil Shah Suri, Hemu, reġa' ħataf il-belt ta' Agra fl-1556 u ppersegwita l-gvernatur maħrub tagħha sa Delhi, fejn ikkonfronta lill-Mughal fil-Battalja ta' Tughlaqabad.[2]

Kif induna bl-importanza tal-pożizzjoni ċentrali tal-belt, Akbar għamilha l-belt kapitali tiegħu u wasal fiha fl-1558. L-istoriku tiegħu, Abul Fazl, iddokumenta li kien hemm forti tal-brikks magħruf bħala "Badalgarh". Kien jinsab f'kundizzjoni mitluqa u Akbar ordna li jiġi mibni mill-ġdid bil-blat ramli aħmar miż-żona ta' Barauli, fid-distrett ta' Dhaulpur, fir-Rajasthan. L-arkitetti stabbilew il-pedamenti tiegħu u l-Forti ta' Agra nbena bil-brikks fil-qalba tiegħu minn ġewwa u bil-blat ramli aħmar fuq barra. Xi 4,000 bennej ħadmu fuq il-kostruzzjoni tiegħu kuljum għal tmien snin, u lestewh fl-1573.[3][4]

Kien biss matul ir-renju tan-neputi ta' Akbar, Shah Jahan, li s-sit ingħata d-dehra attwali tiegħu. Shah Jahan bena t-Taj Mahal għall-memorja ta' martu, Mumtaz Mahal. Għad-differenza ta' nannuh, Shah Jahan kellu t-tendenza li jibni binjiet bl-irħam abjad.

Xena wara l-isplużjoni tal-munizzjon fil-Forti ta' Agra nhar id-29 ta' Novembru 1871

Il-forti spiċċa taħt il-mexxejja Jat ta' Bharatpur għal 13-il sena. Fi ħdan il-forti huma bnew il-haveli (binja tradizzjonali) ta' Ratan Singh ki. L-Imperu Maratha invada u ħataf il-forti fil-bidu tas-seklu 18. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-forti bidel is-sjieda bejn il-Maratha u l-għedewwa tagħhom bosta drabi. Wara t-telfa katastrofika li ġarrbu fit-Tielet Battalja ta' Panipat minħabba Ahmad Shah Abdali fl-1761, il-Maratha baqgħu barra mir-reġjun għad-deċennju kollu ta' wara. Finalment, Mahadji Shinde ħataf il-forti fl-1785. Il-Maratha tilfu l-forti kontra l-Brittaniċi matul it-Tieni Gwerra bejn il-Brittaniċi u l-Maratha fl-1803.

Il-forti kien is-sit fejn seħħet battalja matul ir-ribelljoni Indjana tal-1857, li kkawżat it-tmiem tat-tmexxija tal-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja (bl-Ingliż: British East India Company) fl-Indja, u wasslet għal seklu ta' tmexxija diretta tal-Indja mir-Renju Unit. Fit-30 ta' Novembru 1871, sitta u tletin ruħ mietu meta splodiet il-fabbrika tal-munizzjon.[5]

Tqassim[immodifika | immodifika s-sors]

Pjanta tal-Forti ta' Agra mill-Kotba ta' Murray għall-Vjaġġaturi tal-1911

Il-forti għandu erja ta' 380,000 m2 u għandu pjanta semiċirkolari li tinsab b'mod parallel max-xmara Yamuna. Is-swar u l-ħitan tiegħu jlaħħqu għoli ta' sebgħin pied. Is-swar doppji għandhom bastjuni ċirkolari enormi f'intervalli sparsi, b'dars, b'amberżuni, u b'fetħiet għall-attakki u għad-difiża. Kien hemm erba' bibien jew daħliet, waħda fuq kull naħa tal-forti. Il-Bieb ta' Khizri kien jagħti għal fuq ix-xmara.[6]

Tnejn mill-bibien jew daħliet tal-forti huma notevoliT: il-"Bieb ta' Delhi" u l-"Bieb ta' Lahore". Dan tal-aħħar huwa magħruf ukoll bħala l-"Bieb ta' Amar Singh", f'isem Amar Singh Rathore.

Il-Bieb ta' Delhi huwa monumentali u jħares lejn il-belt fuq in-naħa tal-Punent tal-forti. Jitqies bħala l-iktar bieb grandjuż mill-erba' bibien u kapulavur ta' żmien Akbar. Dan inbena għall-ħabta tal-1568 kemm biex isaħħaħ is-sigurtà kif ukoll bħala d-daħla formali tar-re, u jinkludi karatteristiċi marbuta mat-tnejn. Huwa mżejjen b'irħam abjad intarsjat. Pont tal-injam li kien jittella' u jitniżżel kien jintuża biex wieħed jaqsam il-ħandaq mimli bl-ilma u jasal sad-daħla mill-art tal-belt. Fuq ġewwa, kien hemm daħla interna msejħa Hathi Pol ("Bieb l-Iljunfanti") – mgħasses b'żewġ iljunfanti tal-ġebel flimkien mar-rikkieba tagħhom ta' daqs reali – li kienet iżżid saff ieħor ta' sigurtà. Permezz tal-pont li jittella' u jitniżżel, segwit minn telgħa żgħira, u lilwa ta' 90 grad bejn il-bieb estern u intern, id-daħla kienet prattikament impenetrabbli. Matul assedju, min kien iwettaq l-attakki kien juża l-iljunfanti biex ikissru l-bibien tal-forti. Mingħajr biċċa wita għar-rankatura, wieħed ma setax jikseb biżżejjed veloċità, u b'hekk il-pjanta tal-forti kienet imfassla apposta għal dan l-għan, biex kemm jista' jkun ma jiġux iffaċilitati l-attakki.[6]

Il-Bieb ta' Delhi tal-Forti ta' Agra (1863-1869)

Minħabba li l-militar Indjan (b'mod partikolari l-Brigata tal-Paraxuts) għadu juża l-parti tat-Tramuntana tal-Forti ta' Agra, il-Bieb ta' Delhi ma jistax jintuża mill-pubbliku. It-turisti, minflok, jidħlu mill-Bieb ta' Amar Singh.

Is-sit huwa importanti ħafna fir-rigward tal-istorja arkitettonika tiegħu. Abul Fazal iddokumenta li ħames mitt binja bid-disinni mill-isbaħ ta' Bengal u Gujarat kienu nbnew fi ħdan il-forti. Uħud minnhom twaqqgħu minn Shah Jahan biex ikollu spazju għall-palazzi tiegħu bl-irħam abjad. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet l-oħra ġew meqruda mit-truppi Brittaniċi tal-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja bejn l-1803 u l-1862 biex ikollhom spazju għall-barrakki. Tletin binja tal-Mughal biss ħelsuha ħafif fin-naħa tax-Xlokk, faċċata tax-xmara, fosthom il-Bieb ta' Delhi u l-Bieb ta' Akbar u l-palazz ta' "Bengali Mahal".[6]

Il-Bieb ta' Akbar jew "Akbar Darwaza" beda jissejjaħ bħala l-Bieb ta' Amar Singh minn Shah Jahan. Il-bieb għandu disinn simili għall-Bieb ta' Delhi. It-tnejn li huma nbnew bil-blat ramli aħmar.

Il-palazz ta' Bengali Mahal inbena bil-blat ramli aħmar u issa huwa maqsum f'żewġ palazzi, l-Akbari Mahal u l-Jahangiri Mahal.[7]

Il-binja Diwan-E-Aam minn ġewwa

Siti storiċi oħra fi ħdan il-Forti ta' Agra[immodifika | immodifika s-sors]

  • L-Għadira ta' Jahangir (1610): din l-għadira artifiċjali hija magħmula minn tank monolitiku (hauz) u kienet tintuża għall-għawm. Għandha għoli ta' ħames piedi, dijametru ta' tmien piedi u ċirkonferenza ta' 25 pied. Fuq in-naħa esterna tax-xifer tal-għadira hemm iskrizzjoni bil-Persjan li ssemmiha bħala "Hauz-e-Jahangir". Ġiet skoperta l-ewwel darba ħdejn il-bitħa interna tal-palazz ta' Akbar. Fl-1843 u iktar 'il quddiem, it-tank tqiegħed quddiem il-binja ta' Diwan-e-Am. Fl-1862, ġie mqiegħed fi ġnien pubbliku (Company Bagh) u ġarrab ħafna ħsara. Iktar 'il quddiem, Sir John Marshall reġa' ġab it-tank lura f'postu oriġinali fil-Forti ta' Agra. Minħabba dan it-tank, il-palazz sar famuż bħala Jahangiri Mahal għalkemm huwa parti mill-Bengali Mahal ta' Akbar.
  • Ix-Shahjahani Mahal (1628-1635): dan il-palazz jinsab bejn il-Khas Mahal, magħmul minn irħam abjad, u l-Jahangiri Mahal, magħmul minn blat ramli aħmar, u jinsab f'pożizzjoni tranżizzjonali bejn dawn iż-żewġ kumplessi residenzjali ta' żewġ epoki differenti. Huwa l-iktar tentattiv bikri tal-imperatur Mughal Shah Jahan li jikkonverti binja eżistenti magħmula mill-blat ramli aħmar skont il-gosti tiegħu u kien l-iktar palazz bikri tiegħu fil-Forti ta' Agra. Fih sala kbira, kmamar laterali u torri ottagonali fuq in-naħa tax-xmara. Il-kostruzzjoni tal-qafas tiegħu saret bil-brikks u l-blat ramli aħmar, flimkien ma' stukko abjad tal-ġibs oħxon, impitter b'disinni ta' fjuri kkuluriti. Il-palazz kollu xi darba kien abjad ileqq bħall-irħam abjad. Fuq il-faċċata li tħares lejn il-Khas Mahal, hemm dalan kbir spazjuż tal-irħam abjad, magħmul minn ħames ħnejjiet, mirfuda fuq pilastri doppji u mħarsa esternament b'chhajja. Il-kompartimenti magħluqin tiegħu fil-Punent, il-Bieb ta' Ghaznin, il-bir imtarraġ ta' Babur u bir ieħor kollha jinsabu taħt din il-binja.
  • Il-Bieb ta' Ghaznin (1030): il-bieb oriġinarjament kien jappartjeni għall-qabar ta' Mahmud Ghaznavi f'Ghazni. Ġie ttrasportat hemmhekk mill-Brittaniċi fl-1842. Lord Ellenborough, il-Gvernatur Ġenerali, f'proklamazzjoni storika stqarr li l-bieb tal-injam tas-siġra tas-sandlu ta' Somnath kien dak li Mahmud kien ħa lejn Ghazni fl-1025, u meta l-Brittaniċi reġgħu ġabuh lura fil-Forti ta' Agra kienu qishom qed ipattu għal insult li kien sar 800 sena qabel. Din l-istqarrija falza saret biex il-Brittaniċi jiksbu r-rieda tajba tal-poplu Indjan. Il-bieb, fil-fatt, huwa magħmul minn injam lokali tad-deodar ta' Ghazni u mhux tas-siġra tas-sandlu. L-istil tad-dekorazzjoni ma jixbah xejn lix-xogħol bl-injam antik ta' Gujarat. Hemm ukoll iskrizzjoni bl-Għarbi mnaqqxa fil-parti ta' fuq tal-bieb. Din issemmi lil Mahmud bl-epiteti tiegħu. Sir John Marshall kien qiegħed tabella li kienet tiddeskrivi l-ġrajja kollha li rrakkonta dwar il-bieb. Il-bieb huwa għoli 16.5-il pied u wiesa' 13.5-il pied, u għandu piż ta' madwar nofs tunnellata. Huwa magħmul minn panewijiet ġeometriċi, eżagonali u ottagonali li ġew imwaħħla f'xulxin, wieħed ġo l-ieħor fil-gwarniċ mingħajr imsiemer irbattuti. L-idea li jitqiegħed f'Somnath ma twettqitx u l-bieb ġie abbandunat. Minn dak iż-żmien 'l hawn, huwa maħżun f'kamra.
  • Il-Katina tal-Ġustizzja ta' Jahangir (għall-ħabta tal-1605): dan huwa l-post fejn ir-re Mughal Jahangir stabbilixxa l-"katina tal-ġustizzja" (Zanjir-i-Adl) tiegħu għall-ħabta tal-1605. Huwa jiddokumenta fil-memorji tiegħu li wara t-tlugħ tiegħu fil-poter, l-ewwel ordni li ta, "kienet l-irbit tal-katina tal-ġustizzja ħalli b'hekk jekk dawk li kienu involuti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kienu jdewmu l-affarijiet jew ikunu ipokriti, il-parti offiża setgħet tħarrek il-katina biex l-istorbju tagħha tiġbidlu l-attenzjoni". Din kienet tassew magħmula mid-deheb pur, kienet twila 80 pulzier u kellha 60 qanpiena mdendlin magħha. Kellha piż ta' kwintal. Tarf minnha kienet marbuta mad-dars tax-Shah-Burj u t-tarf l-ieħor kienet marbuta ma' pilastru tal-ġebel fuq ix-xatt tax-xmara. Vjaġġaturi barranin kontemporanji bħal William Hawkins rawha personalment. Ġiet impittra wkoll f'pittura kontemporanja tal-1620. Din kienet mod kif jinstab rimedju għad-diffikultajiet tan-nies li setgħu jiksbu l-għajnuna tar-re, l-ogħla awtorità ġudizzjarja tal-imperu, direttament, mingħajr ħlas, biża' jew formalità, sabiex jiksbu soljev immedjat. Ma kinitx issir distinzjoni bejn il-kasti jew it-twemmin jew bejn il-foqra u l-għonja. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta' Jahangir ("Adl-i-Jahangir") saret leġġenda fl-istorja tal-Indja.
  • Il-Muthamman Burj (Shah Burj) u Jharokha (1632-1640): dan il-palazz mill-isbaħ jinsab 'il fuq mill-ogħla bastjun tal-Forti ta' Agra fuq in-naħa tax-xmara u jħares lejn il-Lvant. Oriġinarjament inbena bil-blat ramli aħmar minn Akbar, li kien jużah għall-jharokha darshan (diskors ta' kuljum mill-gallarija), kif ukoll għall-qima tax-xemx, kuljum fi tlugħ ix-xemx. Jehangir użah ukoll bħala jharokha, kif joħroġ fid-dieher fil-pittura tiegħu tal-1620. Huwa wkoll stabbilixxa l-"Adl-i-Janjir" (il-katina tal-ġustizzja) tiegħu fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Minħabba l-pjanta ottagonali tiegħu, ġie msajjaħ "Muthamman Burj". Issemma wkoll bħala "Shah Burj" (it-torri imperjali jew tar-re) mill-istoriċi Persjani u minn vjaġġaturi barranin. L-isem ta' torri tal-ġiżimin jew "Samman Burj" kif iddokumentat mill-istoriku kontemporanju Lahauri huwa żbaljat. It-torri ġie rikostruwit bl-irħam abjad minn Shah Jahan għall-ħabta tal-1632-1640. Huwa wkoll użah għall-jharokha darshan li kienet tradizzjoni indispensabbli għal Mughal. Huwa binja ottagonali, u ħames naħat esterni tiegħu jiffurmaw dalan li tħares fuq ix-xmara. Kull naħa għandha pilastru u fetħiet f'għamla ta' qaws. In-naħa li tinsab l-iktar fil-Lvant ħierġa ħarira 'l quddiem u takkomoda spazju maestuż għall-Jharokha. Fuq in-naħa tal-Punent ta' dan il-palazz hemm dalan (spazju bil-kolonni) spazjuż b'alkovi ta' Shah Nasin. Baċir baxx tal-ilma (kunda) huwa mdaħħal 'l isfel fil-pavimentar tiegħu. It-torri huwa tassew intarsjat minn fuq s'isfel. Id-dalan tagħti għal bitħa li għandha chabutara mdawra b'ħitan jali dekorattiv, u fuq in-naħa tat-Tramuntana, hemm sensiela ta' kmamar li jagħtu għax-Shish Mahal fuq in-naħa tal-Punent tiegħu. Barra minn hekk, hemm dalan b'kamra mehmuża fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Għaldaqstant, huwa kumpless kbir mibni għalkollox bl-irħam abjad. Għandu niċeċ fondi mal-ħitan bil-ħsieb li l-arkitettura ma tkunx monotona. Fost it-tiżjin hemm intarsjar stilizzat ripetittiv mal-burduri u pjanti mnaqqxin fuq il-pilastri ċentrali u disinni oħra fuq ir-riffieda, tant li huwa wieħed mill-iktar binjiet imżejna ta' Shah Jahan. Dan il-palazz huwa konness direttament mad-Diwan-i-Khas, ix-Shish Mahal, il-Khas Mahal, u palazzi oħra, u minn hawn l-imperatur Mughal kien imexxi l-pajjiż kollu. Mit-torri hemm veduta sħiħa u maestuża tat-Taj Mahal u Shah Jahan qatta' tmien snin (1658-1666) ta' ħabs f'dan il-kumpless, u jingħad li miet fih. Il-ġisem tiegħu ttieħed bid-dgħajsa lejn it-Taj Mahal u ndifen.
  • Ix-Shish Mahal (1631-1640): din il-binja nbniet mill-imperatur Mughal Shah Jahan bħala parti mill-palazz tas-sajf tiegħu. L-iktar karatteristika li tispikka tiegħu hija x-xogħol bil-mużajk tal-ħġieġ fuq il-ħitan u fuq is-saqaf tiegħu. Dawn il-biċċiet tal-ħġieġ jirriflettu ħafna qishom mirja u jleqqu u jlellxu b'eluf ta' modi u kuluri fuq ġewwa minkejja li nofsu mudlam. Il-ħġieġ ġie importat minn Aleppo, is-Sirja. Shah Jahan bena palazz tal-ħġieġ anke f'Lahore u f'Delhi, iżda dan il-palazz huwa l-ifjen wieħed.
Id-dettall tad-dali bl-irħam abjad

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti ta' Agra ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Kultura popolari[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Forti ta' Agra rebaħ il-Premju Aga Khan għall-Arkitettura fl-2004. Is-Servizz Postali tal-Indja, India Post, ħareġ bolla biex jikkommemora dan l-avveniment.
  • Il-Forti ta' Agra għandu rwol ewlieni fil-misteru ta' Sherlock Holmes, The Sign of the Four, ta' Sir Arthur Conan Doyle.
  • Il-Forti ta' Agra deher fil-filmat mużikali ta' Habibi Dah, kanzunetta popolari tal-pop star u kantant Eġizzjan Hisham Abbas.
  • Shivaji żar Agra fl-1666 skont it-Trattat ta' Purandar tal-1665, flimkien ma' Jai Singh I, biex jiltaqa' ma' Aurangzeb fid-Diwan-i-Khas. Fl-udjenza, tqiegħed apposta wara rġiel ta' grad inferjuri. Huwa ħassu insultat, u telaq 'il barra mill-udjenza imperjali u ġie kkonfinat fil-kwartieri ta' Jai Singh fit-12 ta' Mejju 1666.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Agra Fort". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-21.
  2. ^ Sarkar, Jadunath (1960). Military History of India. Orient Longman. pp. 66–67. ISBN 9780861251551.
  3. ^ Beveridge, H. (1907). The Akbarnama Of Abul Fazl Vol. 2.
  4. ^ "Agra Fort (1983), Uttar Pradesh - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2009-12-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-12-03. Miġbur 2021-09-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "The Explosion at Agra" (Volume 6). The Illustrated London News. 6 January 1872. pp. 9–10.
  6. ^ a b ċ "Agra Fort | Archaeological Survey of India, Agra Circle, Agra". www.asiagracircle.in. Miġbur 2021-09-21.
  7. ^ "The Bengali Mahal | Agra Development Foundation". web.archive.org. 2020-04-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-04-10. Miġbur 2021-09-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]