Pattadakal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pattadakal.

Pattadakal, magħruf ukoll bħala Raktapura, huwa kumpless ta' tempji Induisti u Ġain tas-sekli 7 u 8 W.K. fit-Tramuntana ta' Karnataka, l-Indja. Dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsab max-xatt tal-Punent tax-xmara Malaprabha fid-distrett ta' Bagalakote, madwar 14-il mil (23 km) minn Badami u madwar sitt mili (9.7 km) minn Aihole, żewġ ċentri ta' monumenti Chalukya storikament sinifikanti.[1][2] Is-sit huwa protett skont il-liġi Indjana u huwa ġestit mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja.[3][4]

L-UNESCO ddeskriviet lil Pattadakal bħala "taħlita armonjuża ta' forom arkitettoniċi mit-Tramuntana u min-Nofsinhar tal-Indja" u turija ta' "arti ekklettika" fl-aqwa tagħha. It-tempji Induisti ġeneralment huma ddedikati lil Xiva, iżda fihom ukoll elementi tat-teoloġija u tal-leġġendi tal-Vaishnaviżmu u tax-Xaktiżmu. Il-freġji fit-tempji Induisti juru diversi kunċetti Vediċi u Puraniċi, juru ġrajjiet mir-Ramayana, mill-Mahabharata u mill-Bhagavata Purana, kif ukoll elementi minn testi Induisti oħra, bħall-Panchatantra u l-Kirātārjunīya.[5] It-tempju Ġain huwa ddedikat lil Ġina uniku biss.[6] L-iżjed tempji sofistikati, bi freġji kumplessi u b'fużjoni ta' stili tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Indja, jinsabu fit-tempji ta' Papanatha u ta' Virupaksha.[7][8] It-tempju ta' Virupaksha huwa post attiv ta' qima Induista.[9]

Ix-xmara Mallaprabha, tributarja tax-xmara Krishna li tnixxi trasversalment mill-wied ta' muntanji u ta' pjanuri, għandha importanza kbira u kollokazzjoni importanti fl-istorja tan-Nofsinhar tal-Indja. Din ix-xmara toriġina minn Kanakumbi, fid-distrett ta' Belagavi fir-reġjun tal-ghats tal-Punent u għandha fluss lejn in-naħa tal-Lvant. Xi kilometru biss qabel Pattadakal, il-fluss tax-xmara jiddevja min-Nofsinhar għat-Tramuntana. Skont it-tradizzjoni Induista, xmara li jkollha fluss lejn it-Tramuntana tissejjaħ ukoll Uttaravahini.

Pożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monumenti ta' Pattadakal jinsabu fl-istat Indjan ta' Karnataka, madwar 165 kilometru (103 mili) fix-Xlokk ta' Belgaum, 265 kilometru (165 mil) fil-Grigal ta' Goa, 23 kilometru (14-il mil) minn Badami, permezz tal-awtostrada statali SH14 ta' Karnataka, u madwar 9.7 kilometri (6 mili) minn Aihole, qalb il-muntanji tal-blat ramli u l-wied tax-xmara Malaprabha. B'kollox hemm iktar minn 150 monument tal-Induiżmu, tal-Ġainiżmu u tal-Buddiżmu, kif ukoll skoperti arkeoloġiċi, li jmorru lura għas-sekli 4 sa 10 W.K., flimkien ma' dolmens u tpittir fl-għerien preistoriċi li huma ppreservati fis-sit ta' Pattadakal-Badami-Aihole.[10][11]

L-eqreb ajruport għal Pattadakal huwa l-Ajruport ta' Sambra Belgaum (Kodiċi tal-IATA: IXG), qisu tliet sigħat 'il bogħod bil-karozza lejn il-Punent, li jopera titjiriet kuljum lejn Mumbai, Bangalore u Chennai. L-aċċess għas-sit bil-ferrovija huwa possibbli wkoll permezz tas-servizz tan-Network Ferrovjarju Indjan b'waqfa f'Badami fuq il-linja ferrovjarja Hubballi-Solapur.

Veduta panoramika tal-grupp prinċipali ta' tempji ta' Pattadakal.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Pattadakal ("post tal-inkurunament") kien meqjus bħala post imqaddes, peress li x-xmara Malaprabha tiddevja lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni tal-muntanji Himalayas u tal-muntanja Kailasha (uttara-vahini). Kif jimplika l-isem, kien jintuża matul id-dinastija Chalukya għaċ-ċerimonji tal-inkurunament, bħal ta' Vinayaditya fis-seklu 7 W.K. Dan il-post kien magħruf ukoll b'ismijiet oħra, fosthom Kisuvolal li tfisser "wied tal-ħamrija ħamra", Raktapura li tfisser "belt tal-aħmar", u Pattada-Kisuvolal li tifsser "wied tal-ħamrija ħamra għall-inkurunament".[12] Skont l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, is-sit jissemma fit-testi minn Srivijaya u ssir referenza għalih minn Tolomew bħala "Petirgal" fil-Ġeografija tiegħu.[13]

Il-mexxejja bikrija tad-dinastija Chalukya matul is-sekli 5-6 kienu Vajxnaviti (komunità li temmen u titlob lil Vixnu, bħala fidili tal-Vajxnaviżmu) u mbagħad ikkonvertew f'Xivaiti (komunità li temmen u titlob lil Xiva, bħala fidili tax-Xivaiżmu). Għalhekk it-tempji fi ħdan u madwar dan il-kumpless huma ddedikati lil Xiva.

Pattadakal, flimkien ma' Aihole u Badami fil-qrib, kien ċentru kulturali ewlieni u sit reliġjuż b'innovazzjonijiet fl-arkitettura u bi sperimentazzjoni tal-ideat. It-tmexxija tal-Imperu Gupta matul is-seklu 5 ġabet magħha perjodu ta' stabbiltà politika, u matulu Aihole attira bosta studjużi. L-isperimentazzjoni fl-arkitettura ġiet estiża f'Badami wkoll matul iż-żewġ sekli ta' wara. Din il-kultura tal-apprendiment baqgħet preżenti f'Pattadakal fis-seklu 7 li sar post fejn twettqet fużjoni tal-ideat mit-Tramuntana u min-Nofsinhar tal-Indja.[14] Matul dan il-perjodu l-Imperu Chalukya bena bosta mit-tempji fir-reġjun ta' Aihole-Badami-Pattadakal.

Wara l-waqgħa tal-Imperu Chalukya, ir-reġjun ġie anness mir-renju ta' Rashtrakuta, li rrenja fuq ir-reġjun sas-seklu 10. Fis-seklu 11 u fis-seklu 12, ir-reġjun ġie rrenjat mid-dinastija aħħarija taċ-Chalukya (l-Imperu Chalukya tal-Punent, magħrufa wkoll bħala ċ-Chalukya ta' Kalyani), li nibtu mill-Imperu Chalukya Bikri.[15] Minkejja li ż-żona ma kinitx reġjun ta' belt kapitali, u lanqas ma kienet qrib waħda, diversi sorsi bħal kitbiet imnaqqxa, testi kontemporanji u l-istil arkitettoniku jindikaw li mis-sekli 9 sa 12, tempji u monasteri Induisti, Ġain u Buddisti ġodda baqgħu jinbnew fir-reġjun ta' Pattadakal. L-istoriku George Michell jattribwixxi dan il-fatt mal-preżenza ta' popolazzjoni sostanzjali li kellha ġid kbir.[16]

Matul is-seklu 13, Pattadakal, il-wied ta' Malaprabha, kif ukoll il-biċċa l-kbira tar-reġjun fil-qrib ta' Dekkan, kienu soġġetti għal attakki u serq mill-armati tas-Sultanat ta' Delhi li għamlu ħerba fir-reġjun. Dan il-perjodu ntemm bil-wasla tal-Imperu ta' Vijayanagara. Dan kien responsabbli għall-kostruzzjoni ta' fortijiet għall-protezzjoni tal-monumenti, kif joħroġ fid-dieher mill-kitbiet imnaqqxa fil-forti ta' Badami. Pattadakal kien parti mir-reġjun tal-fruntiera li għadda minn gwerer bejn l-Imperu ta' Vijayanagara u s-Sultanati fit-Tramuntana. Wara l-waqgħa tal-Imperu ta' Vijayanagara fl-1565, Pattadakal ġie anness mis-Sultanat ta' Bijapur, li kien immexxi mid-dinastija ta' Adil Shahi. Fl-aħħar tas-seklu 17, l-Imperu Mugal, taħt Aurangzeb, kiseb il-kontroll ta' Pattadakal mis-Sultanat. Wara l-waqgħa tal-Imperu Mugal, Pattadakal ġiet taħt il-kontroll tal-Imperu Maratha. Iktar 'il quddiem Haider Ali u Tipu Sultan issieltu għall-kontroll tar-reġjun fl-aħħar tas-seklu 18, iżda tilfuh meta l-Brittaniċi rebħu kontra Tipu Sultan u annettew ir-reġjun.[17]

Il-monumenti ta' Pattadakal huma evidenza tal-eżistenza u tal-istorja ta' interazzjoni bejn l-istili tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-arti tal-Induiżmu.[18] Skont T. Richard Blurton, l-istorja tal-arti tat-tempji fit-Tramuntana tal-Indja mhijiex ċara peress li r-reġjun spiss ġarrab serqiet minn invażuri mill-Asja Ċentrali, b'mod partikolari matul l-invażjonijiet Musulmani mis-seklu 11 'il quddiem. Il-"gwerer sussegwenti naqqsu ferm il-kwantità ta' eżempji li waslu sa żminijietna". Il-monumenti ta' Pattadakal, li tlestew fis-sekli 7 u 8, huma fost l-iżjed eżempji eżistenti bikrin ta' dawn l-arti u l-ideat reliġjużi bikrin.[19]

Monumenti Preistoriċi

Abbażi ta' xi sejbiet reċenti mill-arkeologu u l-istoriku tal-preistorja l-Professur Ravi Korisettar, ippubblikati fix-xogħlijiet tiegħu għall-Istitut Nazzjonali għall-Istudji Avvanzati fl-Indja, l-artiġjani tad-dinastija Chalukya bikrija ma kinux l-ewwel nies li bnew monumenti fil-Wied ta' Malaprabha. F'Bachinnagudda, ftit kilometri fil-Punent ta' Pattadakal, tul it-triq li twassal għal Badami, hemm il-fdalijiet ta' monument li huwa maħsub li jmur lura għal Żmien il-Ħadid (bejn wieħed u ieħor l-1200 Q.K. – 500 Q.K.). Dan il-monument, imsejjaħ dolmen, jagħmel parti minn ġabra ta' strutturi msejħa strutturi megalitiċi, li kienu ttellgħu fin-Nofsinhar kollu tal-Indja l-iktar matul Żmien il-Ħadid u l-perjodu Storiku Bikri suċċessiv.[20][21]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Konfigurazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

B'kollox hemm għaxar tempji maġġuri f'Pattadakal, disa' Induisti u wieħed Ġain, flimkien ma' bosta santwarji u pedestalli żgħar. Tmienja mit-tempji maġġuri huma raggruppati flimkien, id-disa' wieħed jinsab madwar nofs kilometru fin-Nofsinhar minn dan ir-raggruppament, u l-għaxar wieħed, tempju Ġain, jinsab madwar kilometru fil-Punent tar-raggruppament prinċipali. It-tempji Induisti huma kollha konnessi ma' xulxin permezz ta' mogħdija tal-mixi, filwaqt li t-tempju Ġain għandu aċċess bit-triq.

Stil[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monumenti ta' Pattadakal jirreflettu fużjoni ta' żewġ stili arkitettoniċi Indjani ewlenin, wieħed mit-Tramuntana tal-Indja (Rekha-Nagara-Prasada) u l-ieħor min-Nofsinhar tal-Indja (Dravida-Vimana). Erba' tempji nbnew bl-istil Dravida tad-dinastija Chalukya, erba' bl-istil Nagara tat-Tramuntana tal-Indja, filwaqt li t-tempju ta' Papanatha huwa fużjoni tat-tnejn. Id-disa' tempji Induisti huma kollha ddedikati lil Xiva, u jinsabu tul ix-xtut tax-xmara Malaprabha. L-eqdem fost dawn it-tempji huwa dak ta' Sangameshwara, li nbena matul ir-renju ta' Vijayaditya Satyashraya, bejn is-697 u s-733 W.K. L-ikbar fost dawn it-tempji f'Pattadakal huwa t-tempju ta' Virupaksha, li nbena bejn is-740 u s-745 W.K.

L-aħħar tempji li nbena f'Pattadakal kien it-tempju Ġain, magħruf lokalment bħala t-tempju Ġain ta' Narayana, li x'aktarx li nbena fis-seklu 9 matul ir-renju ta' Krishna II tad-dinastija Rashtrakuta. L-istil tiegħu jixbah lil dak tat-tempju ta' Kailasanatha f'Kanchipuram.

L-istrutturi tat-tempji nbnew bil-ġebel tar-ramel li huma preżenti b'abbundanza lokalment f'Pattadakal. Uħud mill-iskulturi tnaqqxu minn granit iswed illostrat.[2]

Tempju ta' Kadasiddheshwara[immodifika | immodifika s-sors]

Ardhanarishvara (in-nofs tax-xellug Xiva, in-nofs tal-lemin Parvati) fit-tempju ta' Kadasiddheswara.

L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja stabbilixxa li dan it-tempju relattivament żgħir imur lura għall-ħabta ta' nofs is-seklu 7 W.K.[22], iżda skont George Michell dan imur lura għall-bidu tas-seklu 8. It-tempju jħares lejn il-Lvant u nbena madwar garbha griha (sacrum sanctum) kwadru. Fih linga fuq peetha (pjattaforma), u l-barri Nandi jħares lejh minn barra; hemm mantapa wkoll madwar iċ-ċentru tas-sacrum. Mantapa oħra tipprovdi mogħdija tal-mixi f'konfigurazzjoni assjali wiesgħa biex wieħed ikun jista' jitlob filwaqt li jdur mat-tempju. Il-biċċa l-kbira tat-tempju ġarrbet ħsarat jew erożjoni fis-sekli ta' wara. Ix-shikhara (spira) hija tal-istil Nagara tat-Tramuntana (Rekhanagara) b'sukanasa mbuzzata fuq in-naħa tal-Lvant. Is-sukanasa għandha Nataraja danneġġata akkumpanjata minn Parvati.

Il-ħitan ta' barra tas-sanctum tat-tempju ta' Kadasiddheshwara fihom xbihat ta' Ardhanarishvara (nofs Xiva, nofs Parvati) fuq in-naħa tat-Tramuntana, ta' Harihara (nofs Xiva, nofs Vixnu) fuq in-naħa tal-Punent, u ta' Lakulisha fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Fuq pedestall fid-daħla tas-sanctum hemm Xiva u Parvati maġenb Brahma u Vishnu fuq kull naħa. Maġenb it-taraġ fid-daħla tas-sanctum hemm l-allat tax-xmajjar Ganga u Yamuna flimkien ma' xi qaddejja tagħhom.[23]

Tempju ta' Jambulingeshwara[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sukanasa ta' Nataraja fuq il-quċċata tat-tempju ta' Jambulingeshwara.

It-tempju ta' Jambulingeshwara huwa tempju żgħir ieħor, magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Jambulinga. L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja u Michell ma jaqblux dwar id-data preċiża meta nbena, x'aktarx bejn nofs is-seklu 7 u l-bidu tas-seklu 8. It-tempju huwa mibni madwar garbha griha (sacrum sanctum) kwadru, u mal-ħitan ta' barra tiegħu hemm devakoshtha (niċeċ fuq pedestalli b'gwarniċi mżejna bil-Hamsa u b'makara mitiċi). Fi ħdan il-gwarniċi hemm ix-xbihat ta' Vixnu fit-Tramuntana, ta' Surya (l-alla tax-xemx) fil-Punent u ta' Lakulisha fin-Nofsinhar. It-tempju jesperimenta wkoll bl-idea ta' sukanasa mbuzzata mix-shikhara fuq quddiem, fuq il-mandapa. It-tempju jħares lejn il-Lvant, biex jilqa' l-ewwel raġġi tax-xemx ta' filgħodu. L-istatwa ta' Nandi wkoll għandha pjattaforma olzata li hija pjuttost irvinata u l-istatwa stess fiha sinjali ta' erożjoni. Ix-xbieha tiżfen ta' Xiva Nataraja ma' Parvati u Nandi maġenbu fuq il-ħnejja ta' quddiem hija ppreservata aħjar.[24]

L-istil tat-tempju huwa Rekha-Nagara tat-Tramuntana bi profil kurvilineari ta' għamliet kwadri li jonqsu fid-daqs iktar ma jgħolew lejn is-smewwiet. Madankollu, l-amalaka u l-kalasha tal-istil tat-Tramuntana huma danneġġati u mhux qegħdin f'posthom. Id-daħla tal-mandapa tat-tempju ta' Jambulingeshwara hija mżejna bi tliet shakha, u kull waħda għandha purnakumbha taħt il-kapitelli. Freġju bit-tema ta' ċinju jżejjen il-passaġġ bil-fdalijiet kważi mikula għalkollox ta' tinqix ta' ċinji, kuta u sala.

Tempju ta' Galaganatha[immodifika | immodifika s-sors]

Xellug: L-art tat-tip sabha mandapa tat-tempju ta' Galaganatha u l-pradakshina patha; Lemin: tinqixa ta' Xiva.

It-tempju ta' Galaganatha jinsab lejn il-Lvant tat-tempju ta' Jambulingeshwara. Għad-differenza taż-żewġ tempji preċedenti, l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja jistima li dan it-tempju nbena f'nofs is-seklu 8, filwaqt li Michell isostni li x'aktarx inbena fl-aħħar tas-seklu 7. It-tempju għandu stil Rekha-Nagara tat-Tramuntana, b'linga, u b'vestibolu (antarala) fi ħdan is-sanctum (garbha griha) tat-tempju. Barra mit-tempju hemm statwa ta' Nandi bilqiegħda jħares lejn is-sanctum.[25]

Is-sanctum għandu mogħdija tal-mixi msaqqfa biex wieħed ikun jista' jitlob filwaqt li jdur mal-binja (pradakshina patha), u din tindika li din it-tradizzjoni Induista kienet stabbilita sew sas-seklu 7-8. Diversi mandapa jeżistu f'dan it-tempju, bħal pereżempju sala soċjali jew tal-komunità (sabha mantapa), li kienet tintuża għal funzjonijiet ċerimonjali, u mukha mantapa, li għad fadal biss il-fdalijiet tal-pedamenti tagħha. Maġenb id-daħla għall-mantapa hemm ix-xbihat tal-allat tax-xmajjar Ganga u Yamuna.

It-tempju ta' Galagatha huwa fdalijiet fil-biċċa l-kbira tiegħu, għajr il-parti tan-Nofsinhar tiegħu li fiha ħaġra mnaqqxa li turi lil Xiva bi tmien driegħ joqtol lid-dimonju Andhaka, liebes girlanda ta' teskji bħala yajnopavita (ġiżirana sagra fuq sidru).

Skont Michell, it-tempju ta' Galaganatha huwa notevoli għaliex huwa kopja kważi eżatta tat-tempju ta' Svarga Brahma ta' Alampur fl-istat ta' Andhra Pradesh, li huwa tempju li jmur lura għas-689 W.K. Peress li kemm Alampur kif ukoll Pattadakal kienu parti mir-renju Chalukya ta' Badami, x'aktarx li kien seħħ skambju ta' ideat. Il-bażi tan-naħa tal-Lvant tat-tempju hija notevoli minħabba xi freġji li juru l-ġrajjiet tal-Panchatantra, bħal dik tax-xadina mqarba u oħra tal-għasfur b'żewġt irjus.

Tempju ta' Chandrashekhara[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju ta' Chandrashekhara.

It-tempju ta' Chandrashekhara huwa tempju żgħir iħares lejn il-Lvant u mingħajr torri. Jinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tempju ta' Galaganatha.[26] Dan it-tempju ġie datat minn Michell li nbena fl-aħħar tas-seklu 9 jew fil-bidu tas-seklu 10, filwaqt li l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja huwa tal-fehma li jmur lura għal nofs is-seklu 8.

It-tempju għandu garbha griha b'linga ta' Xiva u sala magħluqa; hemm statwa ta' Nandi bilqiegħda fuq pjattaforma lejn il-Lvant tħares lejn il-linga. Jinsab fi spazju twil 33.33 pied u wiesa' 17.33-il pied, fuq adhishthana (pjattaforma bbażata fuq ċerti regoli tad-disinn li jinsabu fit-testi Induisti). Hemm pilastri bid-dettalji, iżda li ma għandhomx tiżjin, li jżejnu l-ħitan ta' barra tat-tempju. Barra minn hekk hemm devakostha (niċċa) fil-ħitan fuq kull naħa tas-sanctum tat-tempju ta' Chandrashekhara. It-tempju ma għandux pedestall, iżda fih dvarapala (gwardjan) fuq kull naħa tad-daħla; il-gwarniċi tad-daħla huma mnaqqxa bix-shakha.[27]

Tempju ta' Sangameshwara[immodifika | immodifika s-sors]

Xellug: Id-daħla bil-pilastri tat-tempju ta' Sangameshwara; Lemin: Naħa ta' sperimentazzjoni bl-istili tat-twieqi u t-tinqix mal-ħitan.

It-tempju ta' Sangameshwara, magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Vijayeshvara, huwa tempju kbir bl-istil Dravida u jħares lejn il-Lvant. Jinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tempju ta' Chandrashekhara. Skont il-kitbiet imnaqqxa fit-tempju, u evidenza oħra, it-tempju nbena bejn is-720 W.K. u s-733 W.K. Il-mewt tar-re patrun tiegħu, Vijayaditya, fis-734 W.K. wasslet biex it-tempju ma jitlestiex, għalkemm ix-xogħol baqa' għaddej b'mod intermittenti fis-sekli ta' wara.[28][29] Matul ir-renju tad-dinastija Chalukya ta' Badami, bejn il-543 u s-757 W.K., inbnew tempji importanti oħra ta' Sangameshwara, bħal dak f'KuDavelli; fiż-żminijiet moderni, dan it-tempju ġie rilokat lejn Alampur, wara xogħol estensiv ta' restawr.[30] Il-kitbiet imnaqqxa li nstabu f'dan it-tempju u f'tempji oħrajn isemmu l-ismijiet ta' sponsors minn sekli differenti, inkluż dawk ta' rġejjen Induisti, li x'aktarx appoġġaw attivament l-arkitettura u l-arti tat-tempju.[31][32]

Għalkemm it-tempju mhuwiex l-ikbar wieħed fost it-tempji ta' Pattadakal, xorta waħda għandu proporzjonijiet imponenti. It-tempju għandu konfigurazzjoni kwadra, b'sanctum iħares lejn il-Lvant. Is-sanctum, imdawwar bi pradakshina patha (mogħdija tal-mixi fejn wieħed seta' jitlob filwaqt li jdur mat-tempju) imsaqqfa, kien imdawwal minn tliet twieqi mnaqqxin. Fis-sanctum hemm linga ta' Xiva. Quddiem is-sanctum hemm vestibolu u fuq kull naħa tiegħu hemm santwarji iżgħar. Fl-imgħoddi dawn is-santwarji kellhom tinqix ta' Ganesha u ta' Durga, iżda dan it-tinqix għeb. Iktar fil-Lvant tas-sala hemm statwa ta' Nandi bilqiegħda. Iktar lil hinn mill-vestibolu hemm mandapa u fi ħdanha hemm sittax-il pilastru enormi fi gruppi ta' erba', li jaf ġew miżjuda wara t-tlestija tal-kostruzzjoni tat-tempju.[33]

Avatar mhux komplut ta' Vixnu u riljiev ta' Varaha mal-ħajt tat-tempju ta' Sangameshwara.

Is-sovrastruttura tal-vimana fuq it-tempju u l-ħitan ta' barra tat-tempju huma ppreservati sew. Il-vimana hija struttura b'żewġ livelli, inkurunata b'kuta-sikhara u b'kalasha kwadri. Il-ħitan tat-tempju fihom bosta devakostha (niċeċ) imnaqqxa bix-xbihat ta' Vixnu u ta' Xiva, bi stadji varji ta' tlestija. It-tempju huwa mibni fuq bażi ffurmata olzata, bi freġji dekorattivi ta' iljunfanti, u ta' ħlejqiet mitiċi bħall-yali u l-makara. Fuq il-kapota (grondi) hemm freġji dettaljati ta' ganas (nani jilagħbu), li jidhru qishom qed jitħabtu biex jifilħu l-piż tal-istruttura tat-tempju. Fil-parapett hemm diversi stili ta' hara (diversi tipi ta' ħajtiet mit-testi Induisti), inkluż karnakuta (kwadri), u sala (rettangolari), bi fluss li jaqbel mad-disinn ta' taħthom u huma mżejna bil-kudu.

Fit-tinqix tat-tempju hemm temi tax-Xivaiżmu, tal-Vaixnaviżmu u tax-Xaktiżmu. L-ikonografija tax-Xivaiżmu tinkludi Nataraja jiżfen jew Ardhanarishvara (nofs Xiva, nofs Parvati bħala żewġ nofsijiet essenzjali ta' xulxin), Xiva ma' Bhringi, Xiva joqtol id-dimonju Andhaka b'lanza, u l-yogi, Lakulisha. L-ikonografija tal-Vaixnaviżmu tinkludi l-avatars ta' Vixnu bħal Varaha jerfa' d-divinità tad-dinja, Bhudevi.

Fl-1969 u fl-1971 saru skavi fil-fdalijiet tal-pedamenti tas-sala tat-tempju li wasslu għall-iskoperta arkeoloġika sinifikanti ta' struttura ta' tempju tal-brikks taħt is-sala. Din l-iskoperta wasslet għall-proposta li t-tempju ta' Sangameshwara kien inbena fuq tempju iktar antik, li x'aktarx kien imur lura għas-seklu 3 W.K.[34]

Tempju ta' Kashi Vishwanatha[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju ta' Kashi Vishwanatha bi statwa ta' Nandi tħares lejn is-sanctum.

Magħruf ukoll bħala t-tempju ta' Kashivishweswara, it-tempju ta' Kashi Vishwanatha huwa ieħor mit-tempji ż-żgħar ta' Pattadakal. It-tempju ġie datat b'mod differenti li nbena fl-aħħar tas-seklu 7, fil-bidu tas-seklu 8 u f'nofs is-seklu 8.[35][36][37]

Bħall-biċċa l-kbira tat-tempji l-oħra, il-qalba tat-tempju ta' Kashi Vishwanatha huwa l-garbha griha (sanctum) kwadru, li fih linga. Fil-Lvant tal-garbha griha hemm il-pjattaforma ffurmata ta' mantapa ta' Nandi, bl-iskultura ta' Nandi bilqiegħda. It-tempju fih ukoll pranala, struttura tal-ġebel li tintuża għad-drenaġġ tal-ilma matul attivitajiet ta' devozzjoni, u antarala, jew sala fid-daħla, li hija kkollegata ma' mantapa b'daħla daqsxejn irvinata. L-allat tax-xmajjar Ganga u Yamuna għadhom viżibbli fid-daħla tal-mantapa. It-tempju nbena fuq pjattaforma olzata, b'ħames saffi mtarrġa, imżejna b'tinqix tas-seklu 8 ta' żwiemel, iljunfanti, iljuni, paguni u disinni ta' vinji bl-inwar. L-uċuħ tal-ħitan għandhom pari ta' pilastri li jirfdu l-ħnejjiet bi stil ta' chaitya. Fuq kull naħa tad-daħla hemm dvarapala (gwardjan) tax-Xivainiżmu.

Mal-ħajt tat-Tramuntana tal-mantapa tat-tempju hemm skulturi ta' Ardhanariswara (nofs Xiva, nofs Parvati) u ta' Lakulisha, iżda dawn ġew danneġġati u l-uċuħ tagħhom ġew imkissrin. Il-kapota (gwarniċ) huwa mżejjen b'motivi u mnaqqax b'gana (nani jilagħbu) b'girlandi f'idejhom; hemm ukoll brakits b'koppji jtiru u b'kirtimukha.

Is-sovrastruttura, bi stil Rekha-Nagara tat-Tramuntana tal-Indja żviluppat sew, hija magħmula minn ħames kwadri ċċentrati mtarrġa b'disinn kumpless ta' gavaksha li jidħlu f'xulxin, iżda l-amalaka u l-kalasha issa huma neqsin. Is-sukanasa, immuntata fuq spira quddiem it-tempju, turi Uma-Maheshwara (Parvati-Xiva) jiżfen fi ħdan ħnejja b'għamla ta' chaitya.

Fi ħdan it-tempju hemm kolonni u pilastri mnaqqxin b'mod mirqum bi freġji li juru lil Bhagavata Purana (Vajxnaviżmu), Shiva Purana (Xivaiżmu) u r-Ramayana. Freġju partikolari juri d-dimonju Ravana jgħolli l-muntanja Kailasha, filwaqt li oħrajn juru verżjonijiet komiċi ta' Krishna, u freġju ieħor jirrakkonta l-Kalyansundarmurti (iż-żwieġ ta' Xiva u Parvati). Riljiev partikolari juri lil Xiva ħiereġ minn linga ċilindrika. Is-saqaf tal-mandapa fih tinqix ta' Xiva, Nandi u Parvati bil-Kartikeya f'idejhom. Din ix-xbieha hija mdawra konċentrikament bl-ashta-dikpala (tmien gwardjani direzzjonali).

Tempju ta' Mallikarjuna[immodifika | immodifika s-sors]

Xellug: Id-daħla tat-tempju ta' Mallikarjuna; Lemin: tinqix mal-ħajt.

It-tempju ta' Mallikarjuna, magħruf ukoll bħala Trailokeshwara Maha Saila Prasada f'kitba mnaqqxa lokali, huwa tempju ta' nofs is-seklu 8 ddedikat lil Xiva, li ġie sponsorjat mir-reġina Trailokyamahadevi.[38] Jinsab fin-Nofsinhar tat-tempju ta' Kashi Vishwanatha, fil-Lbiċ tat-tempju ta' Sangameshwara u qrib it-tempju ta' Virupaksha.[39] It-tempju nbena għall-ħabta tal-istess żmien bħat-tempju ta' Virupaksha, b'disinn u bi pjanta simili, iżda huwa kemxejn iżgħar u għandu xi differenzi importanti.[40]

It-tempju jirrifletti l-istil arkitettoniku Vimana żviluppat għalkollox tan-Nofsinhar tal-Indja. Il-garbha griya (sanctum) tiegħu fih linga ta' Xiva kif ukoll mogħdija bil-mixi biex wieħed ikun jista' jitlob filwaqt li jdur mat-tempju (pradakshina patha). Quddiem is-sanctum hemm antikamra (antarala) b'santwarji iżgħar għal Durga bħala Mahishasuramardini li qed joqtol id-dimonju b'għamla ta' buflu u b'santwarju ieħor għal Ganesha fuq kull naħa, li attwalment huma vojta t-tnejn li huma. Mantapa ta' Nandi hija inkluża fit-tempju, b'Nandi jħares lejn is-sanctum. L-aċċess għas-sanctum hu minn sabha-mantapa (sala tal-komunità) bil-kolonni, b'diversi portali, kompartimenti (prakara) u daħliet (pratoli).[41]

Tinqix tal-maħbubin fit-tempju ta' Mallikarjuna.

It-tempju, għalkemm simili għat-tempju ta' Virupaksha, jesperimenta b'ideat arkitettoniċi ġodda u b'hekk huwa distint. Ix-xbieha ta' Xiva jiżfen, bħala Nataraja, fit-tempju ta' Mallikarjuna tinsab fil-ħnejja dejqa tas-sukanasa. Bħala eżempju ieħor, l-ogħla saff tas-sovrastruttura tax-shikara ta' dan it-tempju ma fihx elementi tal-ħajtiet Induisti (hara), filwaqt li s-saqaf tagħha huwa emisferiku għad-differenza tas-saqaf kwadru tat-tempju ta' Virupaksha.

L-użu tat-tinqix fil-ġebel li jirrakkonta ġrajjiet huwa prevalenti fit-tempju kollu. Il-leġġendi tal-ġrajjiet Induisti u l-Purana jidhru fuq il-kolonni tat-tempju fis-sala tal-komunità. Dawn il-ġrajjiet ġejjin mit-tradizzjonijiet maġġuri kollha fi ħdan l-Induiżmu, inkluż ix-Xivainiżmu, il-Vajxnaviżmu u x-Xaktiżmu. Ir-rasa lila ta' Krishna, li huma ġrajjiet li jinsabu fil-Bhagavata Purana, jidhru fuq diversi freġji, u l-istess jidhru ġrajjiet Induisti mill-Panchatantra.[42] Bħal f'tempji Induisti oħra, il-freġji tat-tempju ta' Mallikarjuna juru x-xeni tal-kama u tal-mithuna ta' koppji ta' maħbubin. F'postijiet oħra, xeni tal-artha bħal pereżempju ħaddiem miexi ma' iljunfant li qed iġorr zokk u nisa individwali b'espressjonijiet emottivi differenti huma mnaqqxin fil-ġebel; waħda minn dawn in-nisa f'idejha għandha strument mużikali tas-seklu 8.

Tempju ta' Virupaksha[immodifika | immodifika s-sors]

Xellug: Veduta tat-tempju ta' Virupaksha mil-Lbiċ; Lemin: Santwarju ta' Nandi (tempju attiv).

It-tempju ta' Virupaksha, li jinsab eżatt fin-Nofsinhar tat-tempju ta' Mallikarjuna, huwa l-ikbar monument ta' Pattadakal u l-iktar wieħed sofistikat.[43] Fil-kitbiet imnaqqxin, jissejjaħ bħala "Shri Lokeshvara Mahasila Prasada", għall-isponsor tiegħu r-Reġina Lokmahadevi, u jmur lura għall-ħabta tas-740 W.K. Inbena wara l-kampanji militari ta' suċċess tar-Re Vikramaditya II kontra l-Pallava (is-sekli 4-9 W.K.) u kitba mnaqqxa ssemmi għotja lill-"mużiċisti tat-tempju" mir-Reġina u tiżvela wkoll l-identità tal-arkitett ewlieni "Gunda Anivaritacharya" li ngħata l-unur ta' perijereppu patta mir-Re Vikramaditya II.[44][45][46] It-tempju huwa notevoli għad-daqs u għall-kwalità tal-kostruzzjoni tiegħu, bi stil arkitettoniku Dravidjan żviluppat sew, kif ukoll għall-ismijiet imnaqqxa tal-artisti taħt il-panewijiet li ħadmu fuqhom.[47][48]

Riljiev fit-tempju ta' Virupaksha.

Bħal bosta tempji oħra f'Pattadakal, it-tempju ta' Virupaksha nbena jħares lejn il-Lvant u huwa ċċentrat madwar garbha griha (sanctum) kwadru, b'linga ta' Xiva, kif ukoll mogħdija tal-mixi fejn wieħed seta' jitlob filwaqt li jdur mat-tempju (pradakshina patha). Quddiem is-sanctum hemm antarala b'żewġ santwarji żgħar u fi ħdanhom hemm xbihat ta' Ganesha u Parvati, fl-aspett ta' Durga bħala Mahishasuramardini li qed joqtol id-dimonju b'għamla ta' buflu. Il-paviljun estern ta' Nandi huwa allinjat fuq assi mil-Lvant għall-Punent, bħalma huma l-mantapa u l-antikamra. Is-sit tat-tempju jifforma rettangolu li jikkonsisti minn kwadri fużi kkonfinati minn ħitan imżejna bit-tinqix. Fi ħdan il-kumpless hemm santwarji iżgħar, li fl-imgħoddi kienu jammontaw għal 32, ibbażati fuq pedamenti b'għamla ta' impronta tas-saqajn, iżda l-biċċa l-kbira minnhom intilfu. Id-daħla tagħti għal mantapa bi 18-il kolonna (4-5-korsija-5-4, b'sett ta' 4x4 li jiffurmaw il-mantapa ta' ġewwa nett u tnejn li jagħtu għall-ispazju tad-darshana).[49]

It-torri ta' fuq is-sanctum huwa struttura piramidali bi tliet livelli, u kull livell fih motivi li jirriflettu dawk preżenti fis-sanctum. Madankollu, għaċ-ċarezza tal-kompożizzjoni, l-artiġjani ssimplifikaw it-temi fil-pilastri ġejjin 'il barra u fit-tinqix mirqum.[50] It-tielet livell huwa l-iktaw wieħed sempliċi, u fih kuta biss fil-parapett, qisu saqaf bil-kuta b'kull naħa tiegħu mżejna bil-kudu – struttura li kienet komuni fit-tempji Induisti b'arkitettura Dravidjana li nbnew wara. Fuq it-tempju hemm "kuruna" qisha kalasha (borma), li tintuża fil-festivals, fiċ-ċerimonji soċjali u fir-ritwali personali bħal tiġijiet. Il-parti ta' fuq ta' din il-borma tinsab 17.5-il metru (57 pied) 'il fuq mill-pjattaforma olzata tat-tempju, u b'hekk it-tempju huwa l-ogħla tempju bi stil tan-Nofsinhar tal-Indja ta' qabel is-seklu 9. Is-sukanasa fuq it-torri hija tassew kbira, u tisboq nofs l-għoli tas-sovrastruttura, biex tkun viżibbli mill-bogħod.[51]

Il-ħitan tas-sanctum u dawk tal-ispazju tal-mantapa fil-qrib huma mżejna b'tinqix mirqum u b'ħafna dettall. Dan it-tinqix juri xbihat tad-divinitajiet tax-Xivainiżmu, tal-Vajxnaviżmu u tax-Xaktiżmu, u temi, bħal Narasimha u Varaha (Vajxaiviżmu), Bhairava u Nataraja (Xivaiżmu), Harihara (nofs Xiva, nofs Vixnu), Lakulisa (Xivaiżmu), Brahma, Durga, Saraswati, Lakshmi u oħrajn.[52][53] Skont George Michell, it-tinqix fuq il-ħitan u z-zuntier fuq barra tat-tempju ta' Virupaksha huwa "mezz għal kompożizzjonijiet skulturali diversi, bil-bosta l-iżjed numerużi li nstabu fuq kwalunkwe monument tad-dinastija Chalukya bikrija".[54] Apparti l-allat maskili u femminili Induisti, bosta panewijiet juru nies bħala koppji, jinnamraw u b'pożi tal-mithuna, jew bħala individwi lebsin il-ġojjellerija jew b'xi għodod f'idejhom.[55]

Freġju tat-tempju ta' Virupaksha li juri żewġ ġrajjiet tal-Panchatantra.

It-tempju fih bosta freġji li jkopru varjetà ta' suġġetti bħal pereżempju żewġt irġiel jiġġieldu, rishi b'Vixnu, rishi b'Xiva, Vixnu jsalva lil iljunfant Gajendra maqbud f'għadira tal-lotus bil-kukkudrilli, xeni ta' eremitaġġi, u sadhu bilqiegħda b'poża tal-meditazzjoni tal-yoga. Divinitajiet vediċi bħal Surya riekeb karru ma' Aruna, Indra fuq iljunfant u oħrajn huma mnaqqxa fil-ġebel.[56] Xi freġji juru xeni mir-Ramayana, bħal dawk li jinvolvu lil Hanuman bilqiegħda fuq siġġu għoli magħmul minn denbu maġiku u ogħla mill-għoli tat-tron ta' Ravana, ċriev tad-deheb, Hanuman, Sugriva, Vali, Ravana u l-għasfur Jatayu, il-ħtif ta' Sita, u t-taqbid ta' Rama u Lakshmana. Freġji oħra juru xeni mill-Mahabharata, bħal dik ta' Vasudeva priġunier ta' Kamsa u t-twelid ta' Sri Krishna, il-grajja tal-ħajja ta' Krishna fil-Bhagavata Purana u l-Harivamsa, kif ukoll ġrajjiet mill-Panchatantra u minn testi Induisti oħra.[57][58][59]

It-tempju fih kitbiet imnaqqxin li huma storikament sinifikanti u li jagħtu ħjiel dwar is-soċjetà u l-kultura tal-Indja fis-seklu 8. Pereżempju, kitba mnaqqxa partikolari ssemmi għotja lill-"mużiċisti tat-tempju" mir-reġina.

It-tempju famuż ta' Kailasha fl-Għerien ta' Ellora ġie mmudellat fuq dan it-tempju, għalkemm it-tempju ta' Virupaksha fih innifsu ġie mmudellat fuq it-tempju ta' Kailasanatha f'Kanchipuram.[60]

Tempju ta' Papanatha[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju ta' Papanatha.

It-tempju ta' Papanatha jinsab ftit 'il bogħod mir-raggruppament prinċipali ta' tmien monumenti. Jinsab madwar nofs kilometru fin-Nofsinhar tat-tempju ta' Virupaksha u jmur lura għall-aħħar tal-perjodu ta' tmexxija tad-dinastija Chalukya bikrija, bejn wieħed u ieħor f'nofs is-seklu 8.[61] It-tempju huwa notevoli għat-taħlita innovattiva tiegħu ta' stili arkitettoniċi Induisti Dravida u Nagara.[62][63]

Il-konfigurazzjoni mhux tas-soltu tat-tempju x'aktarx li hija dovuta għall-kostruzzjoni tiegħu stess, li seħħet fi tliet stadji, iżda hemm nuqqas ta' evidenza epigrafika li tappoġġa din l-ipoteżi. Id-dettalji arkitettoniċi u skulturali tiegħu juru tema konsistenti u unifikata, li tindika li xi darba kien hemm pjanta. It-tempju huwa itwal u jinkorpora żewġ mantapa interkonnessi, waħda b'16-il kolonna u oħra b'erba' kolonni. It-tiżjin, il-parapetti u xi partijiet tal-pjanta għandhom stil Dravidjan, filwaqt li t-torri u n-niċeċ bil-pilastri għandhom stil Nagara.[64]

Bħal f'tempji oħra, it-tempju ta' Papanatha jħares lejn il-Lvant u għandu linga ta' Xiva fil-garbha griya (sanctum) tiegħu, iżda ma hemm l-ebda mandapa ta' Nandi. Minflok, hemm xbieha ta' Nandi fis-sabha mantapa li tħares lejn is-sanctum. Il-ħitan tat-tempju huma notevoli għad-divinitajiet u t-temi mnaqqxa tax-Xivaiżmu u tal-Vajxnaviżmu; Durga tidher f'waħda min-niċeċ. Fuq il-ħitan hemm panewijiet imnaqqxa b'mod mirqum, li juru leġġendi bħar-Ramayana u siltiet mill-Kiratarjuniya.

Iċ-ċentru tas-saqaf huwa mżejjen b'Xiva Nataraja elaborat, filwaqt li ħaġriet oħra tas-saqaf juru lil Vixnu; panew partikolari jurih b'poża mixħuta tal-Anantasayana. Fuq barra, fil-mandapa, hemm ix-xbihat ta' nisa individwali u koppji jinnamraw u fi stadji differenti tal-mithuna. Ħafna panewijiet juru mużiċisti b'tipi differenti ta' strumenti mużikali.[65]

Tempju Ġain ta' Narayana[immodifika | immodifika s-sors]

It-tempju Ġain ta' Narayana.

It-tempju Ġain ta' Narayana f'Pattadakal inbena matul is-seklu 9, x'aktarx sponsorjat mir-Re Krishna II tar-Rashtrakuta jew miċ-Chalukya ta' Kalyani. Għad-differenza tad-disa' tempji l-oħra, dan it-tempju ma għandux divinitajiet Induisti u panewijiet mirquma preżenti fid-disa' tempji l-oħra, iżda minflok fih statwa ta' Jina mnaqqxa fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-gronda tal-kapota.[66]

Bħat-tempji Induisti, dan it-tempju fih ukoll sanctum kwadru, mogħdija tal-mixi fejn wieħed seta' jitlob filwaqt li jdur mat-tempju, antikamra, mantapa u zuntier. Il-mantapa hija maqsuma f'seba' kompartimenti fil-ħitan tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, b'niċeċ dojoq li fihom Jina bilqiegħda. Il-kompartimenti għandhom stil tat-Tramuntana tal-Indja, u l-livell tat-torri fih shikhara kwadra mnaqqxa.

Il-mantapa fiha ringiela ta' kolonni tal-ġebel tar-ramel illostrati bil-mola. Il-kakshasana huma mżejna b'figuri ta' żeffiena, purna-ghata, nidhi, vyala, eċċ. iżda uħud minnhom tlestew parzjalment biss. Fid-daħla hemm tinqix ta' iljunfant ta' daqs reali bir-rikkieba. Skont Adam Hardy, in-niċeċ tal-mantapa ta' dan it-tempju Ġain jaf kellhom xi xbihat fl-imgħoddi.[67]

L-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja wettaq skavi fis-sit li wasslu għall-evidenza ta' tempju Ġain iktar antik. Skont l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, l-iskavi żvelaw "il-fdalijiet ta' kumpless ta' tempju kbir bil-brikks kif ukoll skultura sabiħa ta' Tirthankara bilwieqfa b'poża sama-bhanga li jindikaw l-eżistenza ta' tempju li x'aktarx kien inbena qabel jew fil-bidu tat-tmexxija tad-dinastija Chalukya bikrija".

Monumenti u kitbiet imnaqqxa oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Kitba mnaqqxa antika bil-Kannada tal-imperatur ta' Chalukya, Vikramaditya II, fuq il-pilastru tar-rebħa tat-tempju ta' Virupaksha, Pattadakal, għall-ħabta tas-733-745.
Kitba mnaqqxa antika bil-Kannada li tiddeskrivi l-għotja finanzjarja li ngħata għat-tempju ta' Sangameshwara mir-re ta' Chalukya, Vijayaditya, għall-ħabta tal-1162.

Għadd ta' kitbiet imnaqqxa bil-lingwa antika tal-Kannada nstabu f'Pattadakal, l-iktar fit-tempji ta' Virupaksha, ta' Sangameshwara u ta' Papanatha.[68][69] Dawn il-kitbiet imnaqqxa huma sors importanti ta' informazzjoni rigward l-għotjiet mir-Re Vikramaditya, u minn Vijayaditya, diversi rġejjen, u oħrajn, għall-kostruzzjoni u għat-tħaddim tat-tempju. Ipprovdew ukoll ħjiel siewi dwar l-evoluzzjoni ta' diversi skritti Indjani bil-miktub. Pereżempju, kolonna partikolari tas-seklu 8 fiha kitbiet imnaqqxa b'żewġ skritti Sankriti, l-iskritt Siddhamatrika tat-Tramuntana tal-Indja u l-iskritt proto-Kannada-Telugu tan-Nofsinhar tal-Indja.[70]

Monumenti notevoli oħra f'Pattadakal jinkludu kolonna monolitika tal-ġebel b'diversi kitbiet imnaqqxa, it-tempju ta' Naganatha, it-tempju ta' Mahakuteshwara, li fih ukoll bosta kitbiet imnaqqxa, kif ukoll diversi santwarji żgħar oħra ddedikati lil Xiva. Ħdejn it-tempji ta' Virupaksha, ta' Sangameshwara u ta' Mallikarjuna hemm kolonna tal-ġebel iddedikata lil Xiva b'emblema ta' trident. Il-kolonna fiha kitbiet imnaqqxa li jiddikjaraw li nbniet minn Jnana Shivacharya minn Mrigathanikahara, max-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Ganges, li kien ta ħabel art b'donazzjoni għat-tempju ta' Vijayeshwara.

Fl-2008, Upinder Singh kiteb li S. Venkateshaiah, arkeologu mlaħħaq mal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja kien sab il-barriera minn fejn kien inqata' l-ġebel għall-monumenti ta' Pattadakal, xi ħames kilometri 'l bogħod. Is-sit huwa notevoli għal skizzi ta' Xiva, ta' Nandi, ta' Durga, ta' Ganesh, ta' trident, ta' pagun, ta' swastika, ta' simboli u ta' kitbiet imnaqqxin. Uħud minnhom jaf huma emblemi ta' xirkiet (sanghata) li kienu jaqtgħu u jipprovdu l-ġebel għat-tempji mill-barriera.[71]

Importanza[immodifika | immodifika s-sors]

Freġju ta' Mahabharata.

Skont l-istorika tal-arti Cathleen Cummings, il-monumenti f'Pattadakal huma eżempju storikament sinifikanti tar-reliġjon, tas-soċjetà u tal-kultura, partikolarment Induisti u Ġain, fir-reġjun Dekkan u huma espressjoni tal-viżjoni Induista dinjija rjali u reliġjuża tal-Indja tas-seklu 8. Hija tikteb li l-artiġjani jesprimu l-kunċetti kunfliġġenti tad-Dharma (dmirijiet, virtujiet, tjubija) u tal-Moksha (ħelsien) fit-teoloġija Induista, partikolarment ix-Xivainiżmu ta' Pashupata. Barra minn hekk, hija tiddikjara li l-importanza mhijiex biss fi ħdan ix-xbihat individwali iżda wkoll fil-pożizzjoni u fis-sekwenza relattiva tagħhom, kif ukoll f'kemm jesprimu sew it-tensjoni storika fit-tradizzjoni reliġjuża Induista bejn il-ħajja statali tas-sidien tad-djar u l-ħajja tal-patrijiet li jgħaddu bix-xejn.[72]

L-espressjoni tad-Dharma, partikolarment ir-raja-dharma (awtorità u dmirijiet irjali) toħroġ fid-dieher permezz ta' Rama u Moksha li jidhru f'diversi tempji f'Pattadakal. Rama tidher f'bosta freġji b'eżempji mill-ġrajja tal-ħajja ta' Rama mir-Ramayana, filwaqt li Moksha tiġi espressa permezz tax-xbihat ta' Lakulisha, ta' Nataraja, ta' Yoga, u ta' bosta axxetiċi. Xbihat oħra li huma partikolarment prevalenti f'Pattadakal huma dawk ta' bejn Purusha u Prakriti, ir-ruħ u l-materja, il-maskil u l-femminil.[73]

It-tempji f'Pattadakal huma simboliċi tal-inklinazzjoni Chalukya favur l-integrazzjoni, u l-isperimentazzjoni, li rriżultaw fil-fużjoni tal-istili arkitettoniċi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Indja. Dan huwa partikolarment evidenti meta wieħed iqis l-arkitettura ta' Pattadakal, ta' Aihole u ta' Badami flimkien. Fis-seklu 5, Aihole serviet bħala inkubatur għall-kunċetti li wasslu għall-integrazzjoni tal-istili arkitettoniċi differenti. Dawn il-kunċetti ġew raffinati ulterjorment f'Badami matul is-sekli 6 u 7. Il-qofol intlaħaq, kif deskritt mill-UNESCO bħala "l-apoġew ta' arti ekklettika li fis-sekli 7 u 8 kisbet taħlita armonjuża ta' forom arkitettoniċi mit-Tramuntana u min-Nofsinhar tal-Indja".[74]

Mużika u arti tal-era Medjevali bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Fost l-iskulturi f'Pattadakal hemm waħda ta' ljut b'għonq twil li tmur lura għas-seklu 10. Fis-sit hemm ukoll freġji bi strumenti mużikali iktar konvenzjonali, iżda l-ljut b'għonq twil jissuġġerixxi li kien hemm tradizzjoni ta' mużiċisti innovattivi b'disinni ġodda għall-istrumenti. Eżempju ieħor huma z-zitarri tawwalin tas-seklu 7 li huma mnaqqxa f'bassoriljiev f'Mahabalipuram f'Tamil Nadu.[75]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Grupp ta' Monumenti ta' Pattadakal ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-01-06.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Group of Monuments at Pattadakal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-06.
  3. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-01-06.
  4. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 12–19, 110–114.
  5. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 110–131.
  6. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. p. 136.
  7. ^ Cathleen Cummings (2014). Decoding a Hindu Temple: Royalty and Religion in the Iconographic Program of the Virupaksha Temple, Pattadakal. South Asian Studies. ISBN 978-0-9834472-6-9. pp. 1-7.
  8. ^ Lippe, Aschwin (1967). "Some Sculptural Motifs on Early Calukya Temples". Artibus Asiae. 29 (1): 5–24.
  9. ^ "Virupaksha Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2017-11-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-11-01. Miġbur 2023-01-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-Ġdid, Sena Oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 12-41.
  11. ^ Gary Tarr (1970), Chronology and Development of the Chāḷukya Cave Temples, Ars Orientalis, The Smithsonian Institution and Department of the History of Art, University of Michigan, Vol. 8, pp. 155-184.
  12. ^ "Pattadakal". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2004-09-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ George Michell (2002). Pattadakal. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565651-0. pp. 2-7.
  14. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-Ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 12-19, 110-124.
  15. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-Ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 19-20.
  16. ^ Hermann Kulke; Dietmar Rothermund (1998). A History of India. Routledge. pp. 106–113. ISBN 978-0-415-15482-6.
  17. ^ George Childs Kohn (2013). Dictionary of Wars. Routledge. pp. 146–147. ISBN 978-1-135-95494-9.
  18. ^ T. Richard Blurton (1993). Hindu Art. Harvard University Press. pp. 53–55, 212–218. ISBN 978-0-674-39189-5.
  19. ^ Christopher Tadgell (2015). The East: Buddhists, Hindus and the Sons of Heaven. Routledge. pp. 90–95. ISBN 978-1-136-75384-8.
  20. ^ "Megaliths of Pattadakal". Deccan Herald (bl-Ingliż). 2020-09-26. Miġbur 2023-01-08.
  21. ^ Munshi, K. m (1954). History And Culture Of The Indian People Vol.3 (classical Age).
  22. ^ "Kadasiddheswara Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2017-10-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-01. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 110-111.
  24. ^ "Jambulingeswara Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2018-03-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-03-23. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  25. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 111-112.
  26. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. p. 112.
  27. ^ "Chandrashekhara Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2018-03-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-03-23. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 112-114.
  29. ^ "Sangameswara Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2017-10-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-10-01. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ Bolon, Carol Radcliffe (1985). "The Durga Temple, Aihole, and the Saṅgameśvara Temple, KūḐavelli: A Sculptural Review". Ars Orientalis. 15: 47–64.
  31. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 113-115.
  32. ^ Heather Elgood (2000). Hinduism and the Religious Arts. Bloomsbury Academic. ISBN 978-0-304-70739-3. pp. 165-166.
  33. ^ Vinayak Bharne; Krupali Krusche (2014). Rediscovering the Hindu Temple: The Sacred Architecture and Urbanism of India. Cambridge Scholars. ISBN 978-1-4438-6734-4. pp. 65-66.
  34. ^ Norman Yoffee (2007). Negotiating the Past in the Past: Identity, Memory, and Landscape in Archaeological Research. University of Arizona Press. pp. 164–167. ISBN 978-0-8165-2670-3.
  35. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 130-131.
  36. ^ Vinayak Bharne; Krupali Krusche (2014). Rediscovering the Hindu Temple: The Sacred Architecture and Urbanism of India. Cambridge Scholars. ISBN 978-1-4438-6734-4. p. 63.
  37. ^ "Kasivisweswara Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2018-04-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-04-22. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  38. ^ "Mallikarjuna Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2017-02-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-02-23. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  39. ^ Michael W. Meister; Madhusudan A. Dhaky (1996). Encyclopaedia of Indian Temple Architecture. American Institute of Indian Studies. ISBN 978-81-86526-00-2. p. 24.
  40. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 128-130.
  41. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 128-129.
  42. ^ Blackburn, Stuart (1996). "The Brahmin and the Mongoose: The Narrative Context of a Well-Travelled Tale". Bulletin of the School of Oriental and African Studies. Cambridge University Press. 59 (3): 494–506.
  43. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 115-125
  44. ^ Munshi, K. m (1954). History And Culture Of The Indian People Vol.3 (classical Age).
  45. ^ RC, Dhruba. "The Temples of Pattadakal". World History Encyclopedia (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-08.
  46. ^ George Michell (2002). Pattadakal. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565651-0. pp. 5, 36-44.
  47. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 115-116.
  48. ^ Kadambi, Hemanth (2015). "Cathleen Cummings, Decoding a Hindu Temple: Royalty and Religion in the Iconographic Program of the Virupaksha Temple, Pattadakal". South Asian Studies. Taylor & Francis. 31 (2): 266–268.
  49. ^ George Michell (1977). The Hindu Temple: An Introduction to Its Meaning and Forms. University of Chicago Press. ISBN 978-0-226-53230-1. pp. 137-140.
  50. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 116-117.
  51. ^ Stella Kramrisch (1993). The Hindu Temple. Motilal Banarsidass. pp. 241–242 with footnotes. ISBN 978-81-208-0223-0.
  52. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 115-118.
  53. ^ Cathleen Cummings (2014). Decoding a Hindu Temple: Royalty and Religion in the Iconographic Program of the Virupaksha Temple, Pattadakal. South Asian Studies. ISBN 978-0-9834472-6-9. pp. 73-76, 121-123.
  54. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. p. 117.
  55. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 117-118.
  56. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 117-121.
  57. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 117-124.
  58. ^ Lippe, Aschwin (1967). "Some Sculptural Motifs on Early Calukya Temples". Artibus Asiae. 29 (1): pp. 5-24.
  59. ^ John Stratton Hawley (1987), Krishna and the Birds, Ars Orientalis, The Smithsonian Institution and Department of the History of Art, University of Michigan, Vol. 17, pp. 137-161.
  60. ^ M. K. Dhavalikar (1982). "Kailasa — The Stylistic Development and Chronology". Bulletin of the Deccan College Research Institute. 41: 33–45.
  61. ^ "Archaeological Survey of India". asi.nic.in. Miġbur 2023-01-08.
  62. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 132-135.
  63. ^ George Michell (2002). Pattadakal. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565651-0. pp. 73-77.
  64. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 132-133.
  65. ^ Michell, George (2017). Badami, Aihole, Pattadakal. Jaico (Stampat mill-ġdid, Sena oriġinali: 2011). ISBN 978-81-8495-600-9. pp. 133-134.
  66. ^ "Jaina Temple, Pattadakal - Archaeological Survey of India". web.archive.org. 2015-12-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-12-01. Miġbur 2023-01-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  67. ^ Adam Hardy (1995). Indian Temple Architecture: Form and Transformation : the Karṇāṭa Drāviḍa Tradition, 7th to 13th Centuries. Abhinav. ISBN 978-81-7017-312-0. p. 153.
  68. ^ George Michell (2002). Pattadakal. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565651-0. pp. 20, 35-36.
  69. ^ James Campbell (1884). Gazetteer of the Bombay Presidency: Bijápur. Government Central Press. pp. 669–673.
  70. ^ Richard Salomon (1998). Indian Epigraphy: A Guide to the Study of Inscriptions in Sanskrit, Prakrit, and the Other Indo-Aryan Languages. Oxford University Press. pp. 39, 71. ISBN 978-0-19-509984-3.
  71. ^ Upinder Singh (2008). A History of Ancient and Early Medieval India: From the Stone Age to the 12th Century. Pearson Education. ISBN 978-81-317-1677-9.
  72. ^ Cathleen Cummings (2014). Decoding a Hindu Temple: Royalty and Religion in the Iconographic Program of the Virupaksha Temple, Pattadakal. South Asian Studies. ISBN 978-0-9834472-6-9. pp. 2-5.
  73. ^ Cathleen Cummings (2014). Decoding a Hindu Temple: Royalty and Religion in the Iconographic Program of the Virupaksha Temple, Pattadakal. South Asian Studies. ISBN 978-0-9834472-6-9. pp. 236–245, 270–278.
  74. ^ George Michell (2002). Pattadakal. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-565651-0. pp. 6-17.
  75. ^ Stephen Slawek (1987). Sitār Technique in Nibaddh Forms. Motilal Banarsidass. pp. 6–7. ISBN 978-81-208-0200-1.