Aqbeż għall-kontentut

Tempju ta' Mahabodhi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Tempju ta' Mahabodhi.

It-Tempju ta' Mahabodhi, li jfisser litteralment "Tempju tal-Qawmien il-Kbir"), jew Mahābodhi Mahāvihāra, huwa tempju antik iżda rikostruwit u rrestawrat f'Bodh Gaya, Bihar, l-Indja u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] It-tempju jimmarka l-post fejn il-Buddha jingħad li kiseb l-illuminazzjoni.[2] Bodh Gaya tinsab 15-il kilometru minn Gaya u madwar 96 kilometru (60 mil) minn Patna.

Is-sit fih dixxendent tas-Siġra ta' Bodhi li taħtha l-Buddha kiseb l-illuminazzjoni, u ilu destinazzjoni ewlenija tal-pellegrinaġġi Buddisti għal iktar minn elfejn sena, b'xi elementi li jmorru lura għall-perjodu ta' Ashoka (miet għall-ħabta tal-232 Q.K.). Dak li huwa viżibbli issa fil-post essenzjalment imur lura għas-seklu 5 W.K., jew possibbilment qabel, apparti li saru diversi proġetti ta' restawr mis-seklu 19. Madankollu, l-istruttura attwalment tinkorpora partijiet kbar tal-opri preċedenti, x'aktarx mis-seklu 2 jew 3 W.K.[3] Madankollu, sejbiet arkeoloġiċi mis-sit jindikaw li l-post kien sit ta' qima għall-Buddisti mill-inqas mill-perjodu Maurjan.[4] B'mod partikolari, il-Vajrasana, li tinsab fi ħdan it-tempju stess ġiet datata għas-seklu 3 Q.K.[5]

Bosta mill-eqdem elementi skulturali ġew ittrasferiti fil-mużew biswit it-tempju, u wħud, bħall-ħajt bil-poġġamani mnaqqxa tal-ġebel madwar l-istruttura, ġew sostitwiti b'repliki. Is-sopravivenza tat-tempju prinċipali hija tassew impressjonanti, peress li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa magħmul mill-brikks miksija bl-istukko, jiġifieri materjali li jifilħu ferm inqas mill-ġebel. Minkejja dan, ma tantx fadal wisq mit-tiżjin skulturali oriġinali.

Il-kumpless tat-tempju jinkludi żewġ torrijiet shikhara kbar bi ġnub dritti; l-ikbar torri huwa għoli iktar minn 55 metru (180 pied). Dan huwa karatteristika stilistika li tkompliet fit-tempji tal-Ġainiżmu u tal-Induiżmu sa llum il-ġurnata, u influwenzat l-arkitettura Buddista f'pajjiżi oħra, fi strutturi bħall-pagoda.

Ir-riljiev ta' Bharhut tal-Adorazzjoni tat-Tron tad-Djamanti u s-Siġra ta' Bodhi.

It-Tempju ta' Mahabodhi u t-tron tad-Djamanti ta' Ashoka f'Bodh Gaya nbnew għall-ħabta tal-250 Q.K. Il-kitba bejn il-ħnejjiet chaitya, "Bhagavato Sakamunino/bodho" tfisser "il-binja madwar is-siġra ta' Bodhi tal-Bhagavat Sakamuni". Ta' min jinnota l-użu tal-kelma Bhagavat b'referenza għall-Buddha, peress li l-Induisti jqisuh bħala inkarnazzjoni ta' Vishnu li jissejjaħ ukoll Bhagavat. Il-pilastru b'iljunfant fuqu ta' Ashoka huwa viżibbli għalkemm l-iljunfant ta' fuqu ntilef. Il-freġju ta' Bharhut imur lura għall-ħabta tal-100 Q.K.

Rakkonti tradizzjonali jsostnu li għall-ħabta tal-589 Q.K.[6], Siddhartha Gautama, prinċep żagħżugħ li kien ra t-tbatija tad-dinja u ried itemmha, wasal sax-xtut bil-foresti tax-xmara Phalgu, qrib il-belt ta' Gaya, l-Indja. Hemmhekk huwa qagħad jimmedita taħt siġra tat-tin tal-ispeċi Ficus religiosa li iktar 'il quddiem saret magħrufa bħala s-siġra ta' Bodhi. Skont l-iskritturi Buddisti, wara tlett ijiem u tliet iljieli, Siddharta kiseb l-illuminazzjoni u t-tweġibiet li kien qed ifittex. F'dak il-post inbena t-Tempju ta' Mahabodhi mill-Imperatur Ashoka għall-ħabta tal-260 Q.K.[1]

Riljiev ieħor ta' Bharhut fit-Tempju ta' Mahabodhi bikri.

Il-Buddha mbagħad qatta' s-seba' ġimgħat ta' wara jimmedita u jqis l-esperjenza tiegħu f'seba' punti differenti fil-qrib. Diversi postijiet speċifiċi fit-Tempju ta' Mahabodhi attwali huma marbuta mat-tradizzjonijiet ta' dawn is-seba' ġimgħat:[1]

  • L-ewwel ġimgħa qagħad taħt is-siġra ta' Bodhi.
  • Matul it-tieni ġimgħa, il-Buddha baqa' bilwieqfa u ċċassa l-ħin kollu lejn is-siġra ta' Bodhi. Dan il-post huwa mfakkar bl-Istupa ta' Animeshlocha. Din hija magħrufa wkoll bħala l-istupa jew is-santwarju tal-iċċassar u tinsab fil-Grigal tal-kumpless tat-Tempju ta' Mahabodhi. Hemm ukoll statwa tal-Buddha b'ħarstu ċċassata lejn is-siġra ta' Bodhi.
  • Il-Buddha jingħad li mexa 'l hemm u 'l hawn bejn il-post fejn tinsab l-Istupa ta' Animeshlocha u s-siġra ta' Bodhi. Skont leġġenda ffjorixxew il-fjuri tal-lotus tul din il-mogħdija li issa tissejjaħ Ratnachakrama jew il-mogħdija tal-ġojjelli.
  • Il-Buddha qatta' r-raba' ġimgħa qrib Ratnagar Chaitya lejn il-Grigal tas-sit.
  • Il-Buddha qatta' s-sitt ġimgħa ħdejn l-għadira tal-lotus.
  • Il-Buddha qatta' s-seba' ġimgħa taħt is-siġra ta' Rajyatna.

Siġra ta' Mahabodhi

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-siġra ta' Bodhi.

Is-siġra ta' Bodhi f'Bodhgaya hija marbuta direttament mal-ħajja tal-Buddha storiku, Siddhartha Gautama, li kiseb l-illuminazzjoni meta kien qed jimmedita taħtha. It-tempju nbena direttament lejn il-Lvant tas-siġra ta' Bodhi attwali li suppost hija dixxendent tas-siġra ta' Bodhi oriġinali.

Skont il-mitoloġija Buddista, jekk ma tikber l-ebda siġra ta' Bodhi fis-sit, l-art madwar is-siġra ta' Bodhi ma jkollha l-ebda pjanta għal distanza ta' karīsa rjali. Fl-art madwar is-siġra ta' Bodhi, l-ebda ħlejqa, lanqas iljunfant ma tista' tersaq.[7]

Skont il-Jatakas, iż-żokkra tad-dinja tinsab f'dan il-punt[8], u l-ebda post ieħor ma jista' jiflaħ għall-piż tal-ksib tal-illuminazzjoni tal-Buddha.[9] Skont tradizzjoni Buddista oħra, meta d-dinja tinqered fi tmiem kalpa, il-Bodhimanda jkun l-aħħar post li jisparixxi, u jkun l-ewwel post li jitfaċċa meta d-dinja terġa' tibda teżisti. Skont it-tradizzjoni wkoll jingħad li hemmhekk jiffjorixxu l-lotus, u jekk jitwieled Buddha matul il-kalpa l-ġdida, il-fjuri tal-lotus jiffjorixxu skont l-għadd ta' Buddhi li jkunu mistennija jitwieldu.[10] Skont leġġenda, fil-każ ta' Gautama Buddha, dakinhar li twieled iffjorixxiet siġra ta' Bodhi.[11]

Kostruzzjoni tat-tempju

[immodifika | immodifika s-sors]

Stabbiliment Maurjan

[immodifika | immodifika s-sors]
Skoperta tat-tron tad-Djamanti li nbena mill-Imperatur Ashoka għall-ħabta tal-250 Q.K.

Għall-ħabta tal-250 Q.K., madwar 200 sena wara li l-Buddha kiseb l-illuminazzjoni, l-Imperatur Ashoka tal-Imperu Maurjan żar Bodh Gaya sabiex jistabbilixxi monasteru u santwarju fis-sit imqaddes, li llum il-ġurnata għebu.[1]

Madankollu, għad hemm it-tron tad-Djamanti, li kien stabbilixxa taħt is-siġra ta' Bodhi.[12] Huwa maħsub li t-tron tad-Djamanti jew Vajrasana nbena mill-Imperatur Ashoka tal-Imperu Maurjan bejn il-250 u l-233 Q.K. fil-post fejn il-Buddha kiseb l-illuminazzjoni. Illum il-ġurnata jitqies bħala post imqaddes ta' qima u huwa ċ-ċentru ta' bosta festi li jiġu ċċelebrati fit-tempju.[13]

Rappreżentazzjonijiet tal-istruttura bikrija tat-tempju maħsuba bħala protezzjoni għas-siġra ta' Bodhi jinstabu f'Sanchi, fuq it-toraṇi tal-Istupa I, li jmorru lura għall-ħabta tal-25 Q.K., u fuq riljiev mill-poġġaman tal-istupa f'Bhārhut, mill-perjodu bikri ta' Shunga (madwar il-185–73 Q.K.).[14]

Strutturi Sunga

[immodifika | immodifika s-sors]
Rikostruzzjoni tal-pilastri tal-perjodu Sunga f'Bodh Gaya, mill-arkeoloġija (xellug) u minn riljiev artistiku (lemin). Il-pilastri jmorru lura għas-seklu 1 Q.K u r-rikostruzzjoni saret minn Alexander Cunningham.

Kolonni b'bażijiet b'għamla ta' qsari

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sunga ġabu magħhom strutturi addizzjonali. B'mod partikolari, instabu kolonni b'bażijiet b'għamla ta' qsari madwar it-tron tad-Djamanti. Huwa maħsub li dawn il-kolonni jmorru lura għas-seklu 1 Q.K., lejn l-aħħar tal-perjodu tas-Sunga. Dawn il-kolonni, li nstabu permezz ta' riċerka arkeoloġika fil-Mogħdija tal-Mixja tal-Buddha fit-Tempju ta' Mahabodhi, jaqblu b'mod preċiż mal-kolonni deskritti fir-riljievi li nstabu mal-pilastri tad-daħla.[15]

Il-poġġamani madwar it-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya huma pjuttost antiki. Dawn huma ħaġriet antiki tal-ġebla ramlija li jmorru lura għall-ħabta tal-150 Q.K., matul il-perjodu tas-Sunga. Hemm panewijiet imnaqqxa kif ukoll medaljuni, b'bosta xeni simili għal dawk tal-poġġamani kontemporanji tas-Sunga f'Bharhut (150 Q.K.) u f'Sanchi (115 Q.K.), għalkemm ir-riljievi tal-Istupa Nru 2 f'Sanchi spiss jitqiesu bħala l-iżjed antiki.[16][17] Il-poġġamani ġew estiżi matul is-seklu ta' wara, lejn l-aħħar tal-perjodu tal-Gupta (is-seklu 7), bil-granit grezz imżejjen b'ornamenti elaborati qishom weraq u b'figuri żgħar kif ukoll bi stupi. Bosta partijiet tal-poġġamani inizjali ġew żarmati u issa jinsabu fil-mużewijiet, bħall-Mużew Indjan f'Kolkata, u ġew sostitwiti b'kopji tal-ġibs.[18]

Poġġamani tas-Sunga f'Bodh Gaya
Poġġamani oriġinali
Early photographs of the railings (Henry Baily Wade Garrick, 1880).
Fdalijiet tal-poġġamani fil-Mużew Indjan ta' Kolkata.
Xeni ta' devozzjoni
Annimali
Ġrajjiet
Elementi individwali
Il-poġġamani attwali f'Bodh Gaya(il-biċċa l-kbira kopji tal-ġibs)

Tempju piramidali attwali

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempju ta' Mahabodhi fil-150-200 W.K. Immaġnijiet reċenti tal-plakka.
It-Tempju ta' Mahabodhi: struttura piramidali bi stupa tonda fil-quċċata.

Filwaqt li Ashoka jitqies bħala l-fundatur tat-Tempju ta' Mahabodhi, l-istruttura piramidali attwali tmur lura għall-Imperu Gupta, fis-sekli 5-6 W.K. Hija identika għall-istili arkitettoniċi tat-tempji Induisti li għadhom jinbnew sa llum il-ġurnata fl-Indja.[1]

Madankollu, din l-istruttura jaf tirrappreżenta r-restawr ta' opra iktar bikrija tas-seklu 2 jew 3: plakka minn Kumrahar li tmur lura għall-150-200 W.K., ibbażata fuq l-iskrizzjonijiet datati ta' Kharoshthi u s-sejbiet ikkombinati tal-muniti ta' Huvishka, diġà turi t-Tempju ta' Mahabodhi bl-għamla piramidali attwali u stupa emisferika żgħira fil-quċċata. Dan ġie kkonfermat mill-iskavi arkeoloġiċi li saru f'Bodh Gaya.[19]

Il-quċċata tal-istruttura piramidali bl-istupa.

Huwa maħsub li t-tempju b'għamla ta' piramida mtarrġa oriġina mid-disinn tal-istupi mtarrġa li kienu ġew żviluppati f'Gandhara. It-Tempju ta' Mahabodhi adatta d-disinn ta' Gandhara ta' għadd ta' saffi mtarrġa b'niċeċ bi xbihat tal-Buddha, alternati ma' pilastri Griegi-Rumani, u bi stupa fil-quċċata, bħall-istupi ta' Jaulian. Il-quċċata tal-istruttura fiha stupa emisferika li tifforma elongazzjoni loġika tal-istupi mtarrġa ta' Gandhara.[20]

Dan id-disinn piramidali mtarraġ immarka wkoll l-evoluzzjoni mill-istupa anikonika ddedikata lill-qima tar-relikwi għat-tempju ikoniku b'diversi xbihat tal-Buddha u Bodhisattvas. Dan id-disinn kien influwenti ferm fl-iżvilupp ta' tempji Induisti li nbnew wara. It-torri shikhara b'amalaka qrib il-quċċata llum il-ġurnata jitqies iktar bħala karatteristika tat-tempji Induisti.[21]

It-Tempju ta' Mahabodhi ġie rrestawrat mill-Brittaniċi u mill-Indja wara l-indipendenza.

Il-Buddiżmu majna mal-waqgħa tad-dinastiji li kienu jħaddnuh, wara l-invażjonijiet tal-Unni u l-invażjonijiet Iżlamiċi bikrin tal-Għarab bħal dik ta' Muhammad bin Qasim. Taħt l-Imperu Palareġa' ngħata l-ħajja sew fil-Grigal tas-subkontinent (fejn jinsab it-tempju). Il-Buddiżmu Mahayana ffjorixxa fl-Imperu Pala bejn is-sekli 8 u 12. Madankollu, wara t-telfu li ġarrab l-Imperu Pala kontra d-dinastija Sena, il-pożizzjoni tal-Buddiżmu reġgħet bdiet tmajna u kważi għebet għalkollox fl-Indja.[22] Matul is-seklu 12 W.K., l-armati Torok Musulmani invadew lil Bodh Gaya u r-reġjuni fil-qrib, taħt it-tmexxija ta' Qutb al-Din Aibak u Bakhtiyar Khilji tas-Sultanat ta' Delhi. Matul dan il-perjodu, it-Tempju ta' Mahabodhi ġie abbandunat kważi għalkollox u spiċċa fi stat ta' telqa. L-aħħar superjur tal-patrijiet tat-Tempju ta' Mahabodhi kien Sariputra, li telaq mill-Indja u vvjaġġa lejn in-Nepal fis-seklu 15.[23] Matul is-sekli ta' wara, il-kariga ta' superjur tal-patrijiet jew mahant tal-monasteru ġiet okkupata mid-detentur primarju tal-art tal-inħawi, li kellu s-sjieda tal-artijiet tat-Tempju ta' Mahabodhi.

Fis-seklu 13, il-Buddisti tal-Myanmar/Burma bnew tempju bl-istess isem u mmudellawh fuq it-Tempju ta' Mahabodhi oriġinali.[24]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Xbiha tal-Buddha fit-tempju prinċipali ta' Bodhgaya.

Il-Kumpless tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2002.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Lag ta' Mucalinda

[immodifika | immodifika s-sors]
Statwa ta' Mucalinda tipproteġi l-Buddha fil-Lag ta' Mucalinda.

Jingħad li sitt ġimgħa wara li l-Buddha beda jimmedita taħt is-Siġra ta' Bodhi, is-smewwiet swiedu għal sebat ijiem u niżlet xita qliel. Madankollu, ir-re setgħan tas-sriep, Mucalinda, ġie minn taħt l-art u pproteġa lill-Buddha bil-kappa tiegħu. Meta l-maltempata battiet, ir-re tas-sriep assuma l-għamla umana, għamel inkin quddiem il-Buddha, u reġa' lura fil-hena lejn il-palazz tiegħu.

Is-suġġett tal-Buddha jimmedita taħt il-protezzjoni ta' Mucalinda hija komuni ħafna fl-ikonografija ta' Gautama Buddha f'Laos u fit-Tajlandja. Skultura moderna b'dan is-suġġett tinsab fil-park tal-iskulturi Sala Keoku ta' Bunleua Sulilat.

It-Tempju ta' Mahabodhi qabel ma sarlu r-restawr.

Matul is-seklu 13 u mill-ġdid fis-seklu 19, il-mexxejja mill-Myanmar/Burma wettqu r-restawr tal-kumpless tat-tempju u l-ħajt ta' madwaru. Fis-snin 80 tas-seklu 19, il-gvern Brittaniku kolonjali tal-Indja ta' dak iż-żmien beda jirrestawra t-Tempju ta' Mahabodhi taħt it-tmexxija ta' Sir Alexander Cunningham u Joseph David Beglar. Fl-1884, xbieha kbira tal-Buddha tal-perjodu tal-Pāla, li x'aktarx kienet tneħħiet fi stadju iktar bikri għar-residenza tal-Mahant mill-qalba tat-tempju, reġgħet tpoġġiet f'postha oriġinali.[25] Il-bażi tax-xbieha ġiet rikostruwita f'dak iż-żmien u partijiet mill-iskrizzjoni tad-dedika ddaħlet fil-pożizzjoni attwali.[26] L-iskrizzjoni tfakkar id-dedika mill-ġdid lix-xbieha minn Pīṭhīpati Jayasena fis-seklu 13. Fl-1886, Sir Edwin Arnold żar is-sit u taħt il-gwida tal-Ven. Weligama Sri Sumangala ppubblika diversi artikli li ġibdu l-attenzjoni tal-Buddisti għall-kundizzjonijiet ta' telqa tas-sit f'Bodh Gaya. Minn dak iż-żmien 'l hawn l-iskultura ġiet irrestawrata, miżbugħa u indurata u tiġi meqjuma b'mod attiv fil-qalba tat-tempju.[27][28]

Stil arkitettoniku

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tempju kif kien fl-1899, ftit wara li sarlu r-restawr fis-snin 80 tas-seklu 19.

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa mibni bil-brikks u huwa wieħed mill-eqdem tempji tal-brikks li għadhom eżistenti fil-Lvant tal-Indja. Jitqies bħala eżempju fin tax-xogħol Indjan fil-brikks, u kien influwenti ferm fl-iżvilupp ta' tradizzjonijiet arkitettoniċi oħra iktar 'il quddiem. Skont l-UNESCO, "it-tempju attwali huwa waħda mill-iżjed strutturi bikrin u imponenti li nbnew għalkollox bil-brikks mill-perjodu tal-Gupta" (300-600 W.K.). It-torri ċentrali tat-Tempju ta' Mahabodhi huwa għoli 55 metru (180 pied), u ġie rrinovat ħafna fis-seklu 19. It-torri ċentrali huwa mdawwar b'erba' torrijiet iżgħar, li nbnew bl-istess stil.

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa mdawwar fuq l-erba' naħat b'poġġamani tal-ġebel għoljin madwar żewġ metri. Il-poġġamani jiżvelaw żewġ tipi distinti, kemm bħala stil kif ukoll bħala materjali użati. Il-poġġamani iktar antiki, magħmula bil-ġebla ramlija, imorru lura għall-ħabta tal-150 Q.K., u l-oħrajn, mibnija bil-granit grezz mhux illostrat, huwa maħsub li jmorru lura għall-perjodu tal-Gupta. Il-poġġamani iktar antiki fihom xeni bħal dik ta' Lakshmi, l-alla femminili Induista/Buddista tal-ġid, tinħasel bl-iljunfanti; u ta' Surya, l-alla tax-xemx tal-Induisti, riekeb karru miġbud minn erba' żwiemel. Il-poġġamani iktar reċenti fihom figuri ta' stupi (santwarji bir-relikwi) u ta' garudi (ajkli). Huma komuni wkoll il-figuri tal-fjuri tal-lotus.[29]

Kontroll tas-sit

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tempju minn ġewwa wara r-restawr.

Għal sekli sħaħ qabel l-"iskoperta" mill-ġdid tat-tempju mill-Ewropej, it-tempju kien post attiv ta' qima mix-Shaiviti u mill-Vaishnavi li kienu jikkunsidraw ukoll lil Buddha bħala inkarnazzjoni ta' Vishnu. Fl-1891, inbdiet kampanja li ppruvat tikseb ir-ritorn tal-kontroll tat-tempju lill-Buddisti, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-mahant Induist.[30] Sir Edwin Arnold, l-awtur ta' The Light of Asia, beda jitkellem favur ir-rinnovazzjoni tas-sit u r-ritorn tiegħu taħt il-kontroll tal-Buddisti. Arnold ġie mħeġġeġ jagħmel dan minn Weligama Sri Sumangala Thera.[31] Fl-1891, Anagarika Dharmapala kien qed jagħmel pellegrinaġġ lejn it-Tempju ta' Mahabodhi li kien għadu kemm ġie rrestawrat.[32] Hemmhekk huwa baqa' xxokkjat li t-tempju kien f'idejn patri Shaivit, ix-xbieha tal-Buddha kienet ġiet ittrasformata f'ikona Induista u l-Buddisti ma setgħux iqimu fis-sit. B'riżultat ta' dan, huwa ta bidu għal moviment ta' aġitazzjoni.[33]

Is-Soċjetà ta' Mahabodhi f'Colombo ġiet stabbilita fl-1891 iżda l-uffiċċji tagħha ftit wara ġew ittrasferiti lejn Calcutta fl-1892. Wieħed mill-għanijiet primarji tagħha kien ir-ritorn tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya taħt il-kontroll tal-Buddisti, l-iżjed sit imqaddes importanti minn erba' siti Buddisti antiki ta' pellegrinaġġ. Sabiex jilħaq dan l-għan, Dharmapala fetaħ kawża kontra l-patrijiet Brahmini li kellhom il-kontroll tas-sit għal sekli sħaħ.[34] Wara taqbida twila, inkiseb suċċess biss wara l-indipendenza tal-Indja fl-1947 u sittax-il sena wara l-mewt ta' Dharmapala nnifsu (1933), bir-ritorn parzjali tas-sit taħt il-ġestjoni tas-Soċjetà ta' Mahabodhi fl-1949. B'hekk il-ġestjoni tat-tempju ta' Bodh Gaya ġiet inkarigata f'idejn kumitat magħmul minn għadd indaqs ta' Induisti u ta' Buddisti.[35] Il-kampanja kisbet suċċess parzjali fl-1949, meta l-kontroll għadda mill-mahant Induist għall-gvern statali ta' Bihar, li stabbilixxa l-Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya permezz tal-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949.[36] Il-kumitat fih disa' membri, u l-maġġoranza tagħhom, inkluż il-president, skont il-liġi jridu jkunu Induisti. L-ewwel patri superjuri tat-Tempju ta' Mahabodhi taħt il-Kumitat tal-Ġestjoni kien Anagarika Munindra, raġel Bengali li kien membru attiv tas-Soċjetà ta' Maha Bodhi.[37]

Fl-2013, il-gvern ta' Bihar emenda l-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949, biex persuni mhux Induisti jkunu jistgħu jilħqu president tal-kumitat. Fl-2013 ukoll, elf Buddist Indjan ipprotestaw fis-sit tat-Tempju ta' Mahabodhi biex jitolbu li l-kontroll tas-sit jingħadda lill-Buddisti.[38][39] Fost dawn il-Buddisti kien hemm mexxejja bħal Bhante Anand (il-president ta' Akhil Bharatiya Bhikkhu Mahasangh, korp influwenti ta' patrijiet), kif ukoll il-president tal-Bodh Gaya Mukti Andolan Samiti.[40][41] Barra minn hekk, Surai Sasai, imwieled il-Ġappun, laħaq mexxej Buddist importanti fl-Indja, u flimkien ma' Bhante Anand sar wieħed mill-iżjed mexxejja magħrufa ta' din il-kampanja ta' ħelsien tat-tempju mill-kontroll tal-Induisti.[42]

Status u ġestjoni attwali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-riljiev tal-alla tax-xemx Surya bejn il-pilastri (detall ta' pilastru tal-poġġamani) tas-sekli 2–1 Q.K.

Il-gvern statali ta' Bihar assuma r-responsabbiltà għall-protezzjoni, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tat-tempju u tal-proprjetajiet tiegħu meta l-Indja kisbet l-indipendenza. Skont l-Att dwar it-Tempju ta' Bodh Gaya tal-1949, tali responsabbiltajiet huma kondiviżi mal-Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya[43], u bord ta' konsulenza. Il-kumitat, li jservi għal mandat ta' tliet snin, skont il-liġi jrid jikkonsisti minn erba' rappreżentant Buddisti u erba' rappreżentanti Induisti, inkluż il-kap tal-monasteru ta' Sankaracharya Math bħala membru Induistia ex officio.[44] Emenda li saret fl-2013 għall-Att dwar il-Ġestjoni tat-Tempju ta' Bodh Gaya tippermetti lill-Maġistrat tad-Distrett ta' Gaya jkun il-President tal-kumitat, anke jekk ma jkunx Induist. Il-Bord ta' Konsulenza jikkonsisti mill-gvernatur ta' Bihar u bejn 20 u 25 membru ieħor, nofshom minn pajjiżi Buddisti barranin.[45]

F'Ġunju 2002, it-Tempju ta' Mahabodhi sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sejbiet kollha ta' artefatti reliġjużi fl-inħawi huma legalment protetti taħt l-Att tas-Sejbien tat-Teżori tal-1878.

It-tempju bl-armar tar-restawr fl-2006.

Il-patri superjuri tat-tempju, Bhikkhu Bodhipala, irriżenja fl-2007 wara li ġie akkużat li qata' l-friegħi tas-Siġra ta' Bodhi fuq bażi regolari u beda jbigħhom lill-barranin għal ammonti sinifikanti ta' flus. Gazzetta allegat li xerrejja Tajlandiżi sinjuruni xtraw fergħa bil-kooperazzjoni ta' membri għoljin tal-kumitat tal-ġestjoni tat-tempju. Filwaqt li l-kelliem tat-tempju ddikjara li l-botanisti kienu żabbru s-siġra, is-segretarju tal-affarijiet interni ta' Bihar ordna li s-siġra tiġi eżaminata. Akkuża kriminali tressqet kontra Bodhipala. Jekk jinstab ħati, Bodhipala jkollu jiskonta piena ta' mill-inqas għaxar snin ħabs.[46][47]

Wara tmiem il-mandat tal-kumitat f'Settembru 2007, il-gvern ta' Bihar dewwem il-proċess ta' ħatra ta' Kumitat ġdid u l-maġistrat tad-distrett amministra t-tempju sadanittant. Eventwalment, fis-16 ta' Mejju 2008, il-gvern ħabbar il-ħatra ta' Kumitat tal-Ġestjoni tat-Tempju ġdid.[48]

Minn Ġunju 2017, il-patri superjuri tat-tempju huwa Bhikkhu Chalinda.[49]

Avvenimenti reċenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2013, il-parti ta' fuq tat-tempju ġiet miksija b'289 kg ta' deheb. Id-deheb kien rigal mir-Re tat-Tajlandja u d-devoti mit-Tajlandja, u ġie approvat mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja.[50]

Attakk tal-2013

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-7 ta' Lulju 2013, għaxar bombi b'intensità baxxa splodew fil-kumpless tat-tempju, u darbu lil ħames persuni. Bomba minnhom kienet tinsab qrib l-istatwa tal-Buddha u oħra kienet tinsab qrib is-Siġra ta' Bodhi. Instabu wkoll tliet bombi li ma ħadux u ġew diżattivati. L-isplużjonijiet seħħew bejn il-5.30 ta' filgħodu u s-6.00 ta' filgħodu.[51][52] It-tempju prinċipali ma ġarrabx ħsarat. L-Uffiċċju tal-Intelligence tal-Indja x'aktarx li allerta lill-uffiċjali statali li kien hemm theddidiet possibbli madwar 15-il jum qabel l-attakk.[53] Fl-4 ta' Novembru 2013, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Investigazzjonijiet ħabbret li l-grupp terroristiku Iżlamiku Indjan Mujahideen kien responsabbli għall-attakk.[54][55]

Replika tat-tempju f'Wat Yansangwararam, il-Provinċja ta' Chonburi, it-Tajlandja.

Repliki tat-Tempju ta' Mahabodhi

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tempju ta' Mahabodhi huwa wieħed mill-iżjed strutturi Buddisti li hemm repliki tiegħu madwar id-dinja, kemm bħala tempji kif ukoll bħala minjaturi[56], fosthom:

  • it-Tempju ta' Zhenjue, Beijing, iċ-Ċina;
  • it-Tempju ta' Mahabodhi, Bagan, il-Myanmar/Burma;
  • Wat Chet Yot, Chiang Mai, it-Tajlandja;
  • il-Pagoda ta' Thatta Thattaha Maha Bawdi, il-Myanmar/Burma; kif ukoll
  • ir-Replika tal-Istupa ta' Bodh Gaya (Chedi Phutthakhaya Chamlong) f'Wat Yansangwararam, il-Provinċja ta' Chonburi, it-Tajlandja.[57]
  1. 1 2 3 4 5 6 7 8 Centre, UNESCO World Heritage. "Mahabodhi Temple Complex at Bodh Gaya". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-17.
  2. "World Heritage Day: Five must-visit sites in India". web.archive.org. 2015-08-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-08-14. Miġbur 2022-10-17.
  3. Harle, 201; Michell, 228–229.
  4. Fogelin, Lars (2015). An Archaeological History of Indian Buddhism. Oxford University Press. p. 195. ISBN 9780199948239.
  5. Van Schaik, Sam; de Simone, Daniela; Hidas, George (2021). Precious Treasures from the Diamond Throne: Finds from the Site of the Buddha's Enlightenment. British Museum Press. p. 76. ISBN 9780861592289.
  6. Joshi, Nikhil (2019). The Mahabodhi Temple at Bodhgaya: Constructing Sacred Placeness, Deconstructing the 'Great Case' of 1895. Routledge. ISBN 978-1-000-73251-1.
  7. "The Jataka, Vol. IV: No. 479.: Kāliṅga-Bodhi-Jātaka". www.sacred-texts.com. Miġbur 2022-10-17.
  8. Jataka iv.233 (puthuvinābhi).
  9. Jataka iv.229.
  10. DA.ii.412.
  11. DA.ii.425; BuA.248.
  12. Buddhist Architecture, Huu Phuoc Le, Grafikol, 2010 p. 240.
  13. A Global History of Architecture, Francis D. K. Ching, Mark M. Jarzombek, Vikramaditya Prakash, John Wiley & Sons, 2017, p. 570ff.
  14. Sowing the Seeds of the Lotus: A Journey to the Great Pilgrimage Sites of Buddhism, Part I, John C. Huntington. Orientations, November 1985 p. 61.
  15. Cunningham, Alexander (1892). Mahâbodhi, or the great Buddhist temple under the Bodhi tree at Buddha-Gaya. London, W. H. Allen.
  16. Didactic Narration: Jataka Iconography in Dunhuang with a Catalogue of Jataka Representations in China, Alexander Peter Bell, LIT Verlag Münster, 2000, p. 15ff.
  17. Constituting Communities: Theravada Buddhism and the Religious Cultures of South and Southeast Asia, John Clifford Holt, Jacob N. Kinnard, Jonathan S. Walters, SUNY Press, 2012 p. 197.
  18. "Ancient railings around the Mahabodhi Temple, Bodh Gaya 100365". web.archive.org. 2018-05-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-05-10. Miġbur 2022-10-17.
  19. Le Huu Phuoc, Buddhist Architecture, pp. 238–248.
  20. Ching, Francis D. K.; Jarzombek, Mark M.; Prakash, Vikramaditya (2010). A Global History of Architecture. John Wiley & Sons. p. 231. ISBN 978-1118007396.
  21. Le Huu Phuoc, Buddhist Architecture, p. 234.
  22. Richard Maxwell Eaton; Professor Richard M Eaton (1993). The Rise of Islam and the Bengal Frontier, 1204–1760. University of California Press. p. 14. ISBN 978-0-520-08077-5.
  23. McKeown, Arthur P. (2018). Guardian of a Dying Flame: Śāriputra (c. 1335-1426) and the End of Late Indian Buddhism. Harvard University Press. p. 463. ISBN 9780674984356.
  24. Coedès, George (1968). Walter F. Vella, ed. The Indianized States of Southeast Asia. Tradott minn Susan Brown Cowing. University of Hawaii Press. ISBN 978-0-8248-0368-1.
  25. J. D. Beglar, photograph of the main image in the Mahābodhi temple, about 1884, http://doi.org/10.5281/zenodo.1162195
  26. Balogh, Dániel (2020). "Pīṭhīpati Puzzles: Custodians of the Diamond Throne," in Precious Treasure from the Diamond Throne. London: British Museum.
  27. "PROFILE ---- Rankot Viharaya - Panadura - Sri Lanka". web.archive.org. 2012-03-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-25. Miġbur 2022-10-18.
  28. Sarao, K.T.S. (2020). "The History of Mahabodhi Temple at Bodh Gaya". Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  29. Geary, David; Sayers, Matthew R.; Amar, Abhishek Singh (2012). Cross-disciplinary perspectives on a contested Buddhist site : Bodh Gaya jataka. London: Routledge. pp. 29–40. ISBN 978-0-415-68452-1.
  30. Harvey, Peter (1990). An Introduction to Buddhism: Teachings, History, and Practices.
  31. Barua, Dipak Kumar (1981). Buddha Gaya Temple: Its History. Buddha Gaya Temple Management Committee.
  32. The Maha-Bodhi By Maha Bodhi Society, Calcutta (p. 205).
  33. O'Reilly, Sean and O'Reilly, James (2000) Pilgrimage: Adventures of the Spirit, Travelers' Tales. pp. 81–82. ISBN 978-1-885211-56-9.
  34. Wright, Arnold (1999) Twentieth Century Impressions of Ceylon: its history, people, commerce, industries, and resources, "Angarika Dharmapala", Asian Educational Services. p. 119. ISBN 978-81-206-1335-5.
  35. Bleeker, C. J. and Widengren, G. (1971) Historia Religionum, Volume 2 Religions of the Present: Handbook for the History of Religions, Brill Academic Publishers. p. 453. ISBN 978-90-04-02598-1.
  36. "Amendment allows non-Hindu to head Bodh Gaya temple committee - The Hindu". web.archive.org. 2013-12-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-08. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  37. D.C.Ahir (1994). Buddha Gaya Through the Ages. Delhi: Sri Satguru Publications. pp. 127–133. ISBN 81-7030-409-1.
  38. "Buddhist monks want control of Bodh Gaya temple". Deccan Herald (bl-Ingliż). 2009-11-27. Miġbur 2022-10-21.
  39. "Buddhists challenge Hindu control over centuries-old Mahabodhi temple at Bodh Gaya". India Today (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-21.
  40. Khan, M. I. "'Why are Hindus controlling the Mahabodhi temple?'". Rediff (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-21.
  41. IANS (2018-01-05). "Dalai Lama must urge for Buddhists control over Mahabodhi temple: Monk". Miġbur 2022-10-21.
  42. Doyle, Tara N. (2003). Liberate the Mahabodhi Temple! Socially Engaged Buddhism, Dalit-Style. In: Steven Heine, Charles Prebish (eds), Buddhism in the Modern World. Oxford University Press. pp. 249–280.
  43. Srivathsan, A. (7 July 2013). "Where Buddha became enlightened". The Hindu. ISSN 0971-751X.
  44. "Buddhist Channel | Buddhism News, Headlines | India | Buddhists seek control over Mahabodhi temple management". web.archive.org. 2008-03-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-30. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  45. "The Controversial Bodhgaya Temple (Amendment) Bill 2013 | Biharprabha News, Wiki, Updates, Photos, Blogs". web.archive.org. 2013-08-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-08-07. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  46. "Buddhist Channel | Buddhism News, Headlines | India | Scandal gnaws at Buddha's holy tree in India". web.archive.org. 2008-04-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  47. "DNA: India: No damage to Bodhi tree: Govt". web.archive.org. 2009-02-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-02-14. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  48. "Holiest Buddhist shrine gets governing panel, finally". web.archive.org. 2010-06-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-23. Miġbur 2022-10-21.
  49. "Original" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-10-25. Miġbur 2022-10-21.
  50. "300 kg gold gift from Thailand gives Bodhgaya temple a new look : North, News - India Today". web.archive.org. 2014-03-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-04. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  51. "Serial blasts rock Mahabodhi Temple in Bodh Gaya; terror attack, Centre says - The Times of India". web.archive.org. 2013-07-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-07-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  52. "5 injured in multiple blasts at Mahabodhi temple in Bodh Gaya - Times of India". web.archive.org. 2017-05-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-18. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  53. "Security beefed up in city, Bodh Gaya - Times Of India". web.archive.org. 2013-07-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-07. Miġbur 2022-10-21.
  54. "Ranchi document helps NIA crack Bodh Gaya blast case - The Times of India". web.archive.org. 2013-11-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-06. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  55. "Patna terror cell behind Bodh Gaya strike too: NIA - The Hindu". web.archive.org. 2013-11-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-09. Miġbur 2022-10-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  56. "The Mahabodhi temple: pilgrim souvenirs of Buddhist, J. Guy, Burlington Magazine, 1991, 133, 3560357" (PDF).
  57. "Wat Yan & Chinese museum Viharn Sien | Self-guided tour | Thailand guide book | Thailand.FalkTime". thailand.falktime.com (bl-Ingliż). 2019-05-28. Miġbur 2022-10-21.