Aqbeż għall-kontentut

Bagan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bagan

Bagan (bil-Burmiż: ပုဂံ; MLCTS: pu.gam, IPA: [bəɡàɰ̃]; li qabel kienet magħrufa bħala Pagan) hija belt antika u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[1] fir-Reġjun ta' Mandalay tal-Myanmar.[2] Mis-sekli 9 sa 13, il-belt kienet il-kapitali tar-Renju ta' Pagan, l-ewwel renju li wassal għall-unifikazzjoni tar-reġjuni li iktar 'il quddiem iffurmaw il-Myanmar. Fl-eqqel żmien tar-renju bejn is-sekli 11 u 13, iżjed minn 10,000 tempju, pagoda u monasteru Buddisti nbnew fil-pjanura ta' Bagan biss[3], li minnhom għad hemm il-fdalijiet ta' iktar minn 2,200 tempju u pagoda.

Iż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan hija attrazzjoni ewlenija għall-industrija l-ġdida tat-turiżmu fil-pajjiż.[4]

Bagan hija l-pronunzja standard attwali tal-kelma bil-Burmiż Pugan (ပုဂံ), li ġiet mill-Burmiż Antik Pukam (ပုကမ်). L-isem klassiku tagħha bil-Pali huwa Arimaddanapura (အရိမဒ္ဒနာပူရ, litteralment "il-belt li tgħaffeġ l-għedewwa"). L-ismijiet l-oħra tal-belt bil-Pali jirreferu għaż-żona estremament niexfa tagħha: Tattadesa (တတ္တဒေသ, "art arida"), u Tampadīpa (တမ္ပဒီပ, "pajjiż il-bronż"). Il-ġrajjiet Burmiżi jirrapportaw ukoll ismijiet klassiċi oħra, fosthom Thiri Pyissaya (သီရိပစ္စယာ; bil-Pali: Siripaccaya) u Tampawaddy (တမ္ပဝတီ; bil-Pali: Tampavatī).[5]

Sekli 9 sa 13

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Imperu ta' Pagan għall-ħabta tal-1210

Skont il-ġrajjiet Burmiżi, Bagan ġiet stabbilita fit-tieni seklu W.K., u ġiet iffortifikata fit-849 W.K. mir-Re Pyinbya, l-34 suċċessur tal-fundatur ta' Bagan tal-qedem.[6] Madankollu, l-istudjużi ewlenin inġenerali jsostnu li Bagan ġiet stabbilita bejn nofs u l-aħħar tas-seklu 9 mill-Mranma (Burmani), li kienu għadhom kemm daħlu fil-wied ta' Irrawaddy mir-Renju ta' Nanzhao. Fost diversi bliet-stati kompetituri ta' xulxin sal-aħħar tas-seklu 10, l-insedjament tal-Burmani kiber kemm fl-awtorità tiegħu kif ukoll fil-kobor tiegħu.[7]

Mill-1044 sal-1287, Bagan kienet il-kapitali kif ukoll iċ-ċentru politiku, ekonomiku u kulturali tal-Imperu ta' Pagan. Matul perjodu ta' 250 sena, il-mexxejja ta' Bagan u s-sinjuruni tagħha bnew iktar minn 10,000 monument reliġjuż (madwar 1,000 stupa, 10,000 tempju żgħir u 3,000 monasteru) f'żona ta' 104 kilometru kwadru fil-pjanura ta' Bagan. Il-belt properuża kibret fid-daqs u l-kobor perċepit tagħha, u saret ċentru kożmopolitan għall-istudji reliġjużi u lajċi, speċjalment korsijiet tal-Pali tal-istudju tal-grammatika u tal-filosofija-psikoloġija (abhidhamma) kif ukoll l-istudji f'varjetà ta' lingwi tal-prosodija, tal-fonoloġija, tal-grammatika, tal-astroloġija, tal-alkimija, tal-mediċina, u tal-istudji legali. Il-belt attirat patrijiet u studenti saħansitra mill-Indja, mis-Sri Lanka u mill-Imperu Khmer.[8]

Il-kultura ta' Bagan kienet dominata mir-reliġjon. Ir-reliġjon ta' Bagan kienet fluwida, sinkretika u skont l-istandards ta' iktar 'il quddiem, mhux ortodossa. Kollox ma' kollox kienet kontinwazzjoni ta' xejriet reliġjużi fl-era tal-Pyu meta l-Buddiżmu Theravada kien jeżisti flimkien mal-Buddiżmu Mahayana, il-Buddiżmu Tantriku, diversi deklinazzjonijiet tal-Induiżmu (Saivita u Vaishana), kif ukoll tradizzjonijiet (nat) animisti nativi. Filwaqt li l-patroċinju rjali tal-Buddiżmu Theravada minn nofs is-seklu 11 kien wassal biex gradwalment tikseb il-primazija, tradizzjonijiet oħra komplew joktru matul il-perjodu ta' Pagan kollu sa livelli bla preċedent.[8]

L-Imperu ta' Pagan sfaxxa fl-1287 minħabba invażjonijiet ripetuti tal-Mongoli (1277-1301). Riċerka reċenti turi li l-armati Mongoli jaf ma laħqux Bagan innifisha, u li anke jekk għamlu dan, il-ħsara li għamlu probabbilment kienet minima.[9] Madankollu, xi ħsara xorta saret. Il-belt, li xi darba kienet tospita xi 50,000 sa 200,000 ruħ, spiċċat f'xejn iktar minn raħal żgħir, u qatt ma reġgħet kisbet il-prominenza tagħha. Il-belt formalment ma baqgħetx il-kapitali ta' Burma f'Diċembru 1297 meta r-Renju ta' Myinsaing sar il-qawwa l-ġdida f'Burma ta' Fuq.[10][11]

Sekli 14 sa 19

[immodifika | immodifika s-sors]
Ballun tal-arja turistiku fuq pagoda f'Bagan

Bagan baqgħet teżisti bħala insedjament uman sas-seklu 15[12], u bħala destinazzjoni tal-pellegrinaġġi matul il-perjodu imperjali kollu. Għadd iżgħar ta' monumenti reliġjużi ġodda u impressjonanti xorta waħda baqgħu jinbnew sa nofs is-seklu 15, iżda wara, il-kostruzzjoni ta' tempji ġodda majnat sew b'inqas minn 200 tempju li nbnew bejn is-sekli 15 u 20.[3] Il-kapitali l-antika baqgħet destinazzjoni tal-pellegrinaġġi iżda l-pellegrinaġġi kienu ffukati fuq xi għoxrin tempju li kienu l-iktar prominenti biss mill-eluf li kien hemm: it-Tempju/il-Pagoda ta' Ananda, ta' Shwezigon, ta' Sulamani, ta' Htilominlo, ta' Dhammayazika, u ftit tempji oħra tul il-mogħdija l-antika. Il-kumplament—eluf ta' tempji inqas famużi u iktar remoti—sfaw mitluqa u bosta minnhom inħakmu mill-elementi.[3]

Għall-ftit tempji li kellhom patroċinju regolari, dan il-patroċinju kontinwu ġab miegħu manutenzjoni regolari tat-tempji kif ukoll żidiet arkitettoniċi li kienu jingħataw bħala donazzjoni mid-devoti. Bosta tempji reġgħu ġew impittrin mill-ġdid b'affreski ġodda apparti jew saħansitra fuq l-affreski oriġinali ta' żmien Pagan, jew ġew mgħammra bi statwi ġodda ta' Buddha. Imbagħad kien hemm sensiela ta' rinnovazzjonijiet "sistematiċi" sponsorjati mill-istat fil-perjodu ta' Konbaung (1752-1885), li fil-maġġoranza tagħhom ma żammewx mad-disinni oriġinali—uħud ġew irtokkati "b'superfiċe mkaħħla kif ġie ġie, bla ebda gosti, arti jew riżultat sodisfaċenti". It-tempji minn ġewwa kienu ngħataw saħansitra żebgħa bajda fuq l-affreski, bħal pereżempju dawk ta' Thatbyinnyu u ta' Ananda. Bosta iskrizzjonijiet impittra u saħansitra affreski ġew miżjuda f'dan il-perjodu.[13]

Seklu 20 sal-preżent

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Pagoda ta' Bupaya fl-1868 qabel ma nqerdet b'terremot fl-1975 u issa ġiet rikostruwita u ġiet indurata

Bagan tinsab f'żona attiva tat-terremoti, u ġarrbet bosta terremoti tul is-sekli, b'saħansitra iżjed minn 400 irreġistrati bejn l-1904 u l-1975.[14] Terremot kbir seħħ fit-8 ta' Lulju 1975, u laħaq it-8 MM f'Bagan u f'Myinkaba, u 7 MM f'Nyaung-U.[15] It-terremot heżżeż it-tempji, u f'ħafna każijiet bħal dak ta' Bupaya, ġarrbu ħsarat kbar u xi kultant irreversibbli. Attwalment hemm 2,229 tempju u pagoda.[16]

Bosta minn dawn il-pagodi li ġarrbu l-ħsarat ġew restawrati fis-snin 90 mill-gvern militari, li għamel ħiltu biex Bagan issir destinazzjoni turistika internazzjonali. Madankollu, l-isforzi ta' restawr minflok wasslu għat-tmaqdir mifrux mill-istoriċi tal-arti u mill-konservazzjonisti minn madwar id-dinja. Il-kritiċi kienu mgħaddbin li r-restawr sar mingħajr wisq attenzjoni għall-istili arkitettoniċi oriġinali u bl-użu ta' materjali moderni, u li l-gvern fetaħ ukoll korsa tal-golf fil-beraħ, awtostrada pavimentata, u bena torri panoramiku ta' 61 metru. Għalkemm il-gvern kien jemmen li l-mijiet ta' tempji (mhux restawrati) u l-għadd kbir ta' iskrizzjonijiet fuq il-ġebel tal-kapitali antika kienu biżżejjed biex jistħoqqilhom jitniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-belt tniżżlet biss fl-2019, u Bagan damet daqshekk biex jitniżżlu allegatament proprju minħabba r-restawr.[17]

Bagan illum hija destinazzjoni turistika ewlenija fl-industrija emerġenti tal-pajjiż, li kienet ilha fil-mira ta' diversi kampanji ta' bojkottjar. Diversi pubblikazzjonijiet Burmiżi jenfasizzaw li l-infrastruttura turistika żgħira tal-belt se jkollha tespandi malajr anke biex tlaħħaq mal-iċken żieda fit-turiżmu fis-snin li ġejjin.

Il-Buddha bilwieqfa tat-Tempju ta' Ananda

Fl-24 ta' Awwissu 2016, terremot kbir heżżeż il-parti ċentrali ta' Myanmar u mill-ġdid ikkawża ħsarat estensivi f'Bagan; din id-darba kważi 400 tempju nqerdu. It-Tempju ta' Sulamani u dak ta' Myauk Guni (Guni tat-Tramuntana) ġarrbu ħsarat kbar. Id-Dipartiment Arkeoloġiku ta' Bagan ta bidu għal stħarriġ u sforz ta' rikostruzzjoni bl-għajnuna ta' esperti mill-UNESCO. Il-viżitaturi ma jistgħux jidħlu iktar fi 33 tempju li ġarrbu l-iktar ħsarat.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-6 ta' Lulju 2019, Bagan tniżżlet uffiċjalment bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, 24 sena wara li l-gvern militari nnomina l-belt fl-1995, matul it-43 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji. B'hekk Bagan saret it-tieni Sit ta' Wirt Dinji fil-Myanmar, wara l-Bliet Antiki tal-Pyu. Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet li ngħataw wara d-deżinjazzjoni ta' Bagan, il-gvern tal-Myanmar wiegħed li jkun hemm rilokazzjoni tal-lukandi eżistenti fiż-żona arkeoloġika lejn żona apposta għal-lukandi sal-2028.[1][2][18]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Inżul ix-xemx fuq it-tempji u l-pagodi ta' Bagan

Iż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan, definita bħala ż-żona ta' 13-il kilometru bi tmien kilometri u ċċentrata madwar il-belt antika ta' Bagan, tikkonsisti minn Nyaung U fit-Tramuntana u Bagan il-Ġdida fin-Nofsinhar, tinsab fil-Punent ta' art enormi mimlija pjanuri f'Burma ta' Fuq ma' lilwa tax-xmara Irrawaddy. Tinsab 290 kilometru fil-Lbiċ ta' Mandalay u 700 kilometru fit-Tramuntana ta' Yangon.

Bagan tinsab fin-nofs ta' "żona niexfa" tal-Myanmar, bejn wieħed u ieħor bejn Shwebo fit-Tramuntana u Pyay fin-Nofsinhar. Għad-differenza tar-reġjuni kostali tal-pajjiż, li jkollhom ix-xita ta' kull sena fil-monsoons li tlaħħaq iktar minn 2,500 millimetru, iż-żona niexfa ma tantx tara preċipitazzjoni peress li hija mkennija mix-xita mill-katina muntanjuża ta' Rakhine Yoma fil-Punent.

Is-sorsi klimatiċi disponibbli online jirrapportaw klima pjuttost differenti għal Bagan.

Data klimatika għal Bagan
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja °C (°F) 32

(90)

35

(95)

36

(97)

37

(99)

33

(91)

30

(86)

30

(86)

30

(86)

30

(86)

32

(90)

32

(90)

32

(90)

32

(91)

Temp. baxxa medja °C (°F) 18

(64)

19

(66)

22

(72)

24

(75)

25

(77)

25

(77)

24

(75)

24

(75)

24

(75)

24

(75)

22

(72)

19

(66)

23

(72)

Sors: www.holidaycheck.com[19]
Data klimatika għal Bagan
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja medja °C (°F) 28

(82)

32

(90)

36

(97)

39

(102)

38

(100)

35

(95)

33

(91)

32

(90)

32

(90)

31

(88)

29

(84)

27

(81)

33

(91)

Temp. baxxa medja °C (°F) 16

(61)

19

(66)

24

(75)

28

(82)

29

(84)

27

(81)

26

(79)

25

(77)

25

(77)

24

(75)

20

(68)

17

(63)

23

(74)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 5

(0.2)

0.6

(0.02)

2.6

(0.10)

16.4

(0.65)

49.6

(1.95)

69.8

(2.75)

126.7

(4.99)

182

(7.2)

152.4

(6.00)

103.6

(4.08)

25.5

(1.00)

5.7

(0.22)

739.9

(29.16)

Medja ta' jiem bix-xita 2 1 2 9 14 21 26 28 24 20 6 2 155
Sors: www.weatheronline.com[20]

Veduti panoramiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika ta' Bagan mit-Tempju ta' Minyeingon, b'Thatbyinnyu fuq ix-xellug u Dhammayangyi ’l bogħod fuq il-lemin
Il-pjanura ta' Bagan b'Dhammayangyi fuq ix-xellug
Il-pjanura ta' Bagan bix-xmara Irrawaddy fl-isfond
Il-pjanura ta' Bagan Plains mix-xatt oppost tax-xmara Irrawaddy

Bagan tispikka mhux biss għan-numru ma jispiċċa qatt ta' binjiet reliġjużi tal-Myanmar, iżda wkoll għall-arkitettura tal-għaġeb tal-binjiet, u l-kontribut tagħhom għad-disinn tat-tempji Burmiżi. L-arti tal-arkitettura tal-pagodi f'Bagan hija turija tal-ħila mill-aqwa tal-artiġjani tal-Myanmar. It-tempji ta' Bagan jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji wesgħin: it-tempji solidi bi stil ta' stupa u t-tempji vojta minn ġewwa bl-istil gu (ဂူ).

Stupa, li tissejjaħ ukoll pagoda jew chedi, hija struttura kbira, li tipikament ikollha kompartiment bir-relikwi ġewwa. L-istupi jew il-pagodi ta' Bagan evolvew mill-ewwel disinni tal-Pyu, li min-naħa tagħhom kienu bbażati fuq id-disinni tal-istupi tar-reġjun ta' Andhra, partikolarment Amaravati u Nagarjunakonda fix-Xlokk tal-Indja attwali, u fuq livell inqas ta' Ceylon.[21] L-istupi tal-era ta' Bagan min-naħa tagħhom kienu l-prototipi għall-istupi Burmiżi ta' warajhom f'termini ta' simboliżmu, forma u disinn, tekniki tal-bini u saħansitra materjali.[22]

Evoluzzjoni tal-istupi tal-Myanmar
Il-Pagoda ta' Bawbawgyi (is-seklu 7)
Il-Pagoda ta' Bupaya (qabel is-seklu 11)
Il-Pagoda ta' Lawkananda (qabel is-seklu 11)
Il-Pagoda ta' Shwezigon (is-seklu 11)
Il-Pagoda ta' Dhammayazika (is-seklu 12)
Il-Pagoda ta' Mingalazedi (is-seklu 13)
L-umbrelel ċerimonjali f'tempju ta' Bagan





L-affreski antiki fuq ġewwa tat-Tempju ta' Sulamani f'Bagan

Oriġinarjament, stupa ta' Ceylon kien ikollha qafas emisferiku (bil-Pali: anda, jiġifieri "bajda"), li fuqu kienet tiġi stabbilita kaxxa rettangolari mdawra b'balavostri tal-ġebel (harmika). Xaft kien jagħti lejn il-quċċata tal-istupa u dan kien jirfed diversi umbrelel ċerimonjali. L-istupa hija rappreżentazzjoni tal-kożmos Buddisti: l-għamla tagħha tissimboleġġa lill-Muntanja Meru, filwaqt li l-umbrella armata fuq ix-xogħol bil-brikks tirrappreżenta l-assi tad-dinja.[16] Il-pedamenti bil-brikks spiss kienu jinksew bl-istukko u mżejna bir-riljievi. Pari jew serje ta' orki bħala gwardjani (bilu) kienu tema favorita fil-perjodu ta' Bagan tal-qedem.[23]

Id-disinn oriġinali tal-Induisti gradwalment ġie mmodifikat, l-ewwel mill-Pyu, u mbagħad mill-Burmani f'Bagan, fejn l-istupa bil-mod il-mod żviluppat b'għamla itwal u ċilindrika. L-iktar stupi bikrin ta' Bagan bħal dik ta' Bupaya (għall-ħabta tas-seklu 9) nibtu direttament mill-istil tal-Pyu fi Sri Ksetra. Sas-seklu 11, l-istupa żviluppat b'għamla iktar qisha qanpiena fejn l-umbrelel inbidlu f'sensiela ta' ċrieki li kulma jmur jiċkienu u li kienu jitpoġġew fuq xulxin sa ma jiġu għall-ponta. Fuq iċ-ċrieki, id-disinn il-ġdid sostitwixxa l-harmika b'blanzun tal-lotus. Dan id-disinn imbagħad evolva f'"blanzun tal-banana", li jifforma l-quċċata estiża tal-biċċa l-kbira tal-pagodi Burmiżi. Tliet terrazzi rettangolari jew erbgħa kienu jservu bħala l-bażi tal-pagoda, sikwit b'gallerija ta' madum tat-terrakotta li juru ġrajjiet tal-jataka Buddisti. Il-Pagoda ta' Shwezigon u l-Pagoda ta' Shwesandaw huma l-iktar eżempji bikrin ta' din it-tip ta' pagoda. Eżempji tat-tendenza favur disinn qisu iktar b'għamla ta' qanpiena gradwalment kisbu l-primazija kif wieħed jista' jara fil-Pagoda ta' Dhammayazika (l-aħħar tas-seklu 12) u l-Pagoda ta' Mingalazedi (l-aħħar tas-seklu 13).[24]

Tempji vojta minn ġewwa

[immodifika | immodifika s-sors]

B'kuntrast mal-istupi, it-tempji vojta minn ġewwa bl-istil gu huma strutturi li kienu jintużaw għall-meditazzjoni, għall-qima u d-devozzjoni lejn Buddha u ritwali Buddisti oħra. It-tempji gu jinqasmu f'żewġ stili bażiċi: id-disinn b'"faċċata waħda" u d-disinn b'erba' faċċati"—essenzjalment daħla prinċipali waħda u erba' daħliet prinċipali. Jeżistu wkoll stili oħra bħal pereżempju b'ħames faċċati u ibridi. L-istil b'faċċata waħda oriġina minn Beikthano fis-seklu 2, u l-istil b'erba' faċċati oriġina minn Sri Ksetra fis-seklu 7. It-tempji, li kellhom karatteristiċi uniċi bħal ħnejjiet ippuntati u l-kompartiment bil-volti, bdew isiru ikbar u iktar grandjużi fil-perjodu ta' Bagan tal-qedem.[25]

Innovazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Dhammayangyi Paya, Bagan

Għalkemm id-disinni tat-tempji Burmiżi evolvew minn stili tal-Induisti u tal-Pyu (u possibbilment anke tal-Mon), it-tekniki tal-volti milli jidher żviluppa f'Bagan stess. L-iktar tempi bikrin bil-volti jmorru lura għas-seklu 11, filwaqt li l-istil bil-volti ma kienx mifrux fl-Indja qabel l-aħħar tas-seklu 12. Ix-xogħol bil-ġebel tal-binjiet juri "livell tal-għaġeb ta' perfezzjoni", fejn ħafna mill-istrutturi immensi ma ġġarrfux minkejja t-terremot qawwi tal-1975.[16] B'xorti ħażina, it-tekniki tal-volti tal-era ta' Bagan tal-qedem intilfu fil-perjodi ta' wara. Wara dan il-perjodu, inbnew biss tempji ferm iżgħar bl-istil gu. Fis-seklu 18, pereżempju, ir-Re Bodawpaya pprova jibni l-Pagoda ta' Mingun (li suppost kellha tkun l-ikbar waħda fid-dinja) bħala tempju b'kompartimenti spazjużi bil-volti iżda ma setax għaliex l-artiġjani u l-bennejja ta' dak iż-żmien kienu laħqu tilfu l-għarfien u s-sengħa tal-bini tal-volti u tal-ħnejjiet ippuntati, tant meħtieġa għall-bini tat-tempji vojta minn ġewwa ta' Bagan.[22]

Innovazzjoni arkitettonika oħra li oriġinat f'Bagan hija t-tempju Buddist bi pjanta pentagonali. Dan id-disinn nibet minn disinni ibridi (bejn disinni b'faċċata u b'erba' faċċati). L-idea kienet li tiġi inkluża l-venerazzjoni tal-Buddha Maitreya, il-ħames Buddha ta' dik l-era u l-Buddha tal-futur, apparti l-erba' l-oħra eżistenti. Il-Pagoda ta' Dhammayazika u l-Pagoda ta' Ngamyethna huma eżempji tad-disinn pentagonali.[16]

Siti kulturali notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
Isem Ritratt Sena tal-kostruzzjoni Sponsor(s) Noti
Tempju ta' Ananda 1105 Re Kyansittha Wieħed mill-iktar tempji famużi f'Bagan; għoli 51 metru
Pagoda ta' Bupaya 850 Re Pyu Saw Hti Bl-istil tal-Pyu; il-pagoda oriġinali tas-seklu 9 inqerdet b'terremot fl-1975; issa ġiet rikostruwita kompletament u ġiet indurata
Tempju ta' Dhammayangyi 1167–1170 Re Narathu L-ikbar tempju f'Bagan
Pagoda ta' Dhammayazika 1196–1198 Re Sithu II
Tempju ta' Gawdawpalin 1211–1235 Re Sithu II u Re Htilominlo
Tempju ta' Gubyaukgyi (Wetkyi-in) Early 13th Century Re Kyansittha
Tempju ta' Gubyaukgyi (Myinkaba) 1113 Prinċep Yazakumar
Tempju ta' Htilominlo ħolqa=https://en.wikipedia.org/wiki/File:Bagan, Myanmar, Sulamani Temple.jpg 1218 Re Htilominlo Tempju li fih tliet sulari (għoli 46 metru)
Pagoda ta' Lawkananda 1044–1077 Re Anawrahta
Tempju ta' Mahabodhi 1218 Re Htilominlo Replika iżgħar tat-Tempju ta' Mahabodhi f'Bodh Gaya, l-Indja
Tempju ta' Manuha 1067 Re Manuha
Pagoda ta' Mingalazedi 1268–1274 Re Narathihapate
Tempju ta' Minyeingon
Iskrizzjoni ta' Myazedi 1112 Prinċep Yazakumar "Il-Ġebla ta' Rosetta ta' Burma" b'iskrizzjonijiet b'erba' lingwi: bil-Pyu, bil-Mon Antik, bil-Burmiż Antik u bil-Pali
Tempju ta' Nanpaya 1160–1170 Tempju Indùista bl-istil tal-Mon; jingħad li kien ir-residenza antika ta' Manuha jew inbena fuq is-sit
Tempju ta' Nathlaung Kyaung 1044–1077 Tempju Induistà
Tempju ta' Payathonzu 1200 Tempju bl-istili Mahayana u Tantriku
Pagoda ta' Seinnyet Nyima u Pagoda ta' Seinnyet Ama Seklu 11
Tempju ta' Shwegugyi 1131 Re Sithu I Sithu I ġie assassinat hawnhekk; magħruf għat-twieqi tiegħu bl-f'forma ta' arkati
Pagoda ta' Shwesandaw 1057 Re Anawrahta Għolja 100 metru mingħajr ma wieħed jgħodd il-hti fil-quċċata; l-itwal pagoda f'Bagan
Pagoda ta' Shwezigon 1102 Re Anawrahta u Re Kyansittha
Tempju ta' Sulamani 1183 Re Sithu II
Bieb ta' Tharabha 1020 Re Kunhsaw Kyaunghpyu u Re Kyiso L-unika parti li fadal mill-ħitan antiki; datati bir-radjukarbonju għall-ħabta tal-1020[26]
Tempju ta' Thatbyinnyu 1150/51 Sithu I L-itwal tempju f'Bagan; 66 metru
Pagoda ta' Tuywindaung Anawrahta
Sit tal-pedamenti tal-palazz l-antik ta' Bagan tal-Qedem qabel l-2003.
  • Il-Mużew Arkeoloġiku ta' Bagan: l-unika mużew fiż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan, fih innifsu mużew fil-beraħ antik millenju. Il-mużew fih tliet sulari u fih oġġetti rari tal-perjodu ta' Bagan tal-Qedem, fosthom l-iskrizzjonijiet oriġinali ta' Myazedi, il-Ġebla ta' Rosetta ta' Burma.
  • Il-Palazz ta' Anawrahta: dan il-palazz ġie rikostruwit fl-2003 abbażi tal-pedamenti eżistenti fis-sit tal-palazz l-antik.[27] Madankollu, il-palazz li nbena fuq il-pedamenti nbena bl-ebda evidenza disponibbli kif seta' kien fil-qedem.

Dokumentazzjoni 3D bil-LiDAR

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Proġett ta' Zamani mill-Università ta' Cape Town, l-Afrika t'Isfel, offra s-servizzi tiegħu għad-dokumentazzjoni spazjali tal-monumenti f'Bagan b'rispons għall-qerda ta' monumenti minħabba terremot ta' Awwissu 2016. Wara żjara ta' tkixxif f'Bagan u laqgħa sussegwenti fl-uffiċċji tal-UNESCO f'Bangkok, it-Tajlandja, fi Frar 2017, il-Proġett ta' Zamani ddokumenta 12-il monument f'Bagan bl-użu tal-LiDAR, matul tliet kampanji fuq il-post bejn l-2017 u l-2018,[28][29] inkluż Kubyauk-gyi (Gubyaukgyi) (298); Kyauk-ku-umin (154); Tha-peik-hmauk-gu-hpaya (744); Sula-mani-gu-hpaya (Sulamani) (748); il-Monument 1053; Sein-nyet-ama (1085); Sein-nyet-nyima (1086); Naga-yon-hpaya (1192); Loka-ok-shaung (1467); Than-daw-kya (1592); il-Monasteru ta' Ananda; u l-Bieb ta' Tharabha, il-bieb tal-belt ta' Bagan tal-qedem.

Bagan hija aċċessibbli bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-karozza u bid-dgħajsa mix-xmara.

Il-biċċa l-kbira tat-turisti internazzjonali jtiru lejn il-belt. L-ajruport ta' Nyaung U jipprovdi l-kollegamenti bl-ajru mir-reġjun ta' Bagan u lejh. Diversi linji tal-ajru domestiċi għandhom titjiriet regolari lejn Yangon, li jdumu xi 80 minuta biex ikopru s-600 kilometru bejn iż-żewġ bliet. It-titjiriet lejn Mandalay idumu bejn wieħed u ieħor 30 minuta u dawk lejn Heho jdumu madwar 40 minuta. L-ajruport jinsab fil-periferija ta' Nyaung U u ddum xi 20 minuta bit-taksi biex tasal f'Bagan mill-ajruport.[30]

Il-belt ta' Bagan hija moqdija wkoll mil-linja ferrovjarja Yangon-Mandalay. Il-kumpanija Myanmar Railways kuljum topera servizz ferrovjarju ta' billejl 'l hemm u 'l hawn bejn Yangon u Bagan (il-ferroviji nri 61 u 62), li jdumu mill-inqas 18-il siegħa. Il-ferroviji għandhom vagun bis-sodod kif ukoll postijiet tal-Ewwel Klassi u postijiet tal-Klassi Ordinarja. Bejn Mandalay u Bagan hemm żewġ servizzi li joperaw kuljum 'l hemm u 'l hawn (il-ferroviji nri 117,118,119 u 120) li jieħdu mill-inqas tmien sigħat. Il-ferroviji għandhom postijiet tal-Ewwel Klassi u postijiet tal-Klassi Ordinarja.[31]

Karozzi tal-linja u karozzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm servizzi bil-karozzi tal-linja u bil-karozzi privati li joperaw billejl ukoll minn Yangon u Mandalay li jdumu madwar disa' sigħat u sitt sigħat rispettivament.[32]

Servizz tal-lanċa "ekspress" jopera bejn Bagan u Mandalay. Tul ix-xmara Irrawaddy, l-iktar lanċa veloċi ddum xi disa' sigħat biex tivvjaġġa 170 kilometru. Is-servizz jopera kuljum fl-eqqel perjodi u joperaw ukoll servizzi inqas veloċi b'waqfiet mal-lejl.

Ħaddiema f'fabbrika tal-oġġetti bil-lacquer

L-ekonomija ta' Bagan hija bbażata b'mod prinċipali fuq it-turiżmu. Minħabba l-ibbojkottjar kontra l-gvern militari preċedenti, l-infrastruttura tat-turiżmu tar-reġjun ta' Bagan għadha mudesta meta mqabbla mal-istandards internazzjonali. Il-belt għandha ftit lukandi standard internazzjonali u bosta appartamenti ġestiti minn familji. Bagan hija wkoll iċ-ċentru tal-industrija Burmiża tal-oġġetti bil-lacquer, li prattikament jiddependi fuq id-domanda mit-turisti. Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti bil-lacquer huma destinati għall-ħwienet tat-tifkiriet turistiċi f'Yangon, u għas-swieq dinjin. Barra minn hekk, il-proċess tal-produzzjoni tal-oġġetti bil-lacquer fih innifsu sar attrazzjoni turistika.

Il-popolazzjoni ta' Bagan fl-aqwa perjodu tal-belt kien stmat li kienet bejn 50,000[33] to 200,000 ruħ.[34] Sa żmien il-wasla tal-industrija tat-turiżmu fis-snin 90 tas-seklu 20, ftit abitati biss kienu jgħixu fil-belt antika ta' Bagan. Iż-żieda fit-turiżmu attirat popolazzjoni mdaqqsa lejn iż-żona. Minħabba li issa fiż-żona tal-belt antika ta' Bagan ma hemmx abitazzjonijiet permanenti, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tirresjedi f'Bagan il-Ġdida fin-Nofsinhar jew f'Nyaung-U fit-Tramuntana tal-belt antika ta' Bagan. Il-maġġoranza tar-residenti nativi huma Bamar.

Amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żona Arkeoloġika ta' Bagan hija parti mid-Distrett ta' Nyaung-U fir-Reġjun ta' Mandalay.

Ġemellaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Aung-Thwin, Michael (1985). Pagan: The Origins of Modern Burma. Honolulu: University of Hawai'i Press. ISBN 0-8248-0960-2.
  • Aung-Thwin, Michael (2005). The mists of Rāmañña: The Legend that was Lower Burma (illustrated ed.). Honolulu: University of Hawai'i Press. ISBN 978-0-8248-2886-8.
  • Ministry of Culture, Union of Myanmar (2009). "Royal Palaces in Myanmar". Il-Ministeru għall-Kultura.
  • Harvey, G. E. (1925). History of Burma: From the Earliest Times to 10 March 1824. Londra: Frank Cass & Co. Ltd.
  • Htin Aung, Maung (1967). A History of Burma. New York u Londra: Cambridge University Press.
  • Ishizawa, Yoshiaki; Yasushi Kono (1989). Study on Pagan: research report. Institute of Asian Cultures, Sophia University. p. 239.
  • Kala, U (1724). Maha Yazawin (bil-Burmiż). 1–3 (2006, ir-raba' ed. stampata). Yangon: Ya-Pyei Publishing.
  • Köllner, Helmut; Axel Bruns (1998). Myanmar (Burma) (ed. bl-illustrazzjonijiet). Hunter Publishing. p. 255. ISBN 978-3-88618-415-6.
  • Lieberman, Victor B. (2003). Strange Parallels: Southeast Asia in Global Context, c. 800–1830, volum 1, Integration on the Mainland. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-80496-7.
  • Pan Eiswe Star; Soe Than Linn (2010-02-10). "Archaeologists to assist with Cambodia excavations". The Myanmar Times. 26 (509).
  • Il-Kummissjoni Storika Rjali ta' Burma (1832). Hmannan Yazawin (bil-Burmiż). 1–3 (2003 ed.). Yangon: il-Ministeru għall-Informazzjoni, Myanmar.
  • Rao, V.K. (2013). "The Terracotta Plaques of Pagan: Indian Influence and Burmese Innovations". Ancient Asia. 4: 7.
  • Rao, Vinay Kumar. “Buddhist Art of Pagan, 2 Vols.” Published by Agam Kala Publications, New Delhi, 2011. ISBN 978-81-7320-116-5.
  • Rao, Vinay Kumar (2013). "The Terracotta Plaques of Pagan: Indian Influence and Burmese Innovations". Ancient Asia. 4: 7.
  • Stadtner, Donald M. (2011). Sacred Sites of Burma: Myth and Folklore in an Evolving Spiritual Realm. Bangkok: 2011. ISBN 978-974-9863-60-2.
  • Than Tun (December 1959). "History of Burma: A.D. 1300–1400". Journal of Burma Research Society. XLII (II).
  • Than Tun (1964). Studies in Burmese History (in Burmese). 1. Yangon: Maha Dagon.
  • Tourtellot, Jonathan B. (2004-09-03). "Dictators "Defacing" Famed Burma Temples". The National Geographic Traveler. National Geographic.
  • UNESCO (1976). Unesco Courier. 28. Pariġi: UNESCO.
  • UNESCO. "Bagan Archaeological Area and Monuments". UNESCO.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bagan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
  3. ^ a b ċ Stadtner 2011: 216
  4. ^ "The promise—and the pitfalls". The Economist. 2013-05-23.
  5. ^ Maha Yazawin Vol. 1 2006: 139–141
  6. ^ Harvey 1925: 18
  7. ^ Lieberman 2003: 90–91
  8. ^ a b Lieberman 2003: 115–116
  9. ^ Lieberman 2003: 119–120
  10. ^ Htin Aung 1967: 74
  11. ^ Than Tun 1959: 119–120
  12. ^ Aung-Thwin 1985: 196–197
  13. ^ Stadtner 2011: 217
  14. ^ Unesco 1976: ix
  15. ^ Ishizawa u Kono 1989: 114
  16. ^ a b ċ d Köllner, Bruns 1998: 117
  17. ^ Tourtellot 2004
  18. ^ "Bagan named UNESCO World Heritage Site". The Myanmar Times. 2019-07-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2021-07-29.
  19. ^ "Temperature Bagan - climate Bagan Myanmar - weather Bagan". archive.is. 2013-01-25. Miġbur 2021-07-29.
  20. ^ "Weather Bagan".
  21. ^ Aung-Thwin 2005: 26–31
  22. ^ a b Aung-Thwin 2005: 233–235
  23. ^ Falconer, J.; Moore, E.; Tettoni, L. I. (2000). Burmese design and architecture. Hong Kong: Periplus. ISBN 9625938826.
  24. ^ Aung-Thwin 2005: 210–213
  25. ^ Aung-Thwin 2005: 224–225
  26. ^ Aung-Thwin 2005: 38
  27. ^ "Travel Myanmar". myanmar.gov.mm (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-29.
  28. ^ "Site - Bagan". zamaniproject.org. Miġbur 2021-07-29.
  29. ^ "Laser Scanning for Heritage Conservation - Bagan, Myanmar". LiDAR News (bl-Ingliż). 2017-07-01. Miġbur 2021-07-29.
  30. ^ "Transport options for getting to Bagan Myanmar" (bl-Ingliż). 2019-03-16. Miġbur 2021-07-29.
  31. ^ "Train travel in Myanmar (Burma) | Train times, fares, tickets, photos". www.seat61.com. Miġbur 2021-07-29.
  32. ^ "Transport options for gettingt to Bagan Myanmar" (bl-Ingliż). 2019-03-16. Miġbur 2021-07-29.
  33. ^ Harvey 1925: 78
  34. ^ Köllner, Bruns 1998: 115
  35. ^ a b Pan Eiswe Star u Soe Than Linn 2010

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]