Ġebla ta' Rosetta
Il-Ġebla ta' Rosetta (jew Ġebla ta' Rożetta) hija stele tal-granodijorit imnaqqxa bi tliet verżjonijiet ta' digriet maħruġ f'Memphis, l-Eġittu, fis-sena 196 Q.K. matul id-dinastija Tolemajka f'isem ir-Re Tolomew V Epifani. It-testi ta' fuq u tan-nofs huma bl-Eġizzjan Antik bil-kitba ġeroglifika u bil-kitba demotika rispettivament, filwaqt li t-test ta' taħt huwa bil-Grieg Antik. Id-digriet fih differenzi żgħar bejn it-tliet verżjonijiet, u dan wassal biex il-Ġebla ta' Rosetta kienet il-muftieħ biex jiġu ddeċifrati l-kitbiet Eġizzjani.
Il-ġebla ġiet imnaqqxa matul il-perjodu Ellenistiku u jingħad li oriġinarjament postha kien f'tempju, possibbilment f'Sajis. X'aktarx ġiet imċaqilqa lejn l-aħħar tal-antikità jew matul il-perjodu ta' Mameluk, u eventwalment intużat bħala materjal tal-kostruzzjoni biex inbena l-Forti Julien qrib il-belt ta' Raxid (Rosetta) fid-Delta tan-Nil. Ġiet skoperta hemmhekk f'Lulju 1799 mill-uffiċjal Franċiż Pierre-François Bouchard matul il-kampanja ta' Napuljun fl-Eġittu. Kienet l-ewwel test bilingwi bl-Eġizzjan Antik li nstab fi żminijiet moderni, u qanqlet interess pubbliku mifrux minħabba l-potenzjal tagħha li twassal biex tiġi ddeċifrata l-kitba ġeroglifika li qabel ma setgħetx tiġi tradotta. F'qasir żmien bdew jiċċirkolaw kopji litografiċi u forom bil-ġibs fost il-mużewijiet u l-istudjużi Ewropej. Meta l-Brittaniċi rebħu kontra l-Franċiżi, ħadu l-ġebla Londra fil-qafas tal-Kapitolazzjoni ta' Lixandra fl-1801. Ilha tintwera pubblikament fil-British Museum kważi kontinwament mill-1802 u hi l-iktar oġġett li jiġbed nies hemmhekk.
Id-digriet kien diġà beda jiġi studjat meta fl-1803 ġiet ippubblikata l-ewwel traduzzjoni kompluta tat-test Grieg. Jean-François Champollion ħabbar it-trażlitterazzjoni tal-kitbiet Eġizzjani f'Pariġi fl-1822; iżda għadda ferm iktar żmien qabel ma l-istudjużi kienu kapaċi jaqraw b'mod kunfidenti l-kitbiet u l-letteratura bl-Eġizzjan Antik. Saru avvanzi kbar fid-dekodifikazzjoni meta ġie rrikonoxxut li l-ġebla kien fiha tliet verżjonijiet tal-istess test (fl-1799); li t-test demotiku kien juża karattri fonetiċi biex jispelli ismijiet barranin (fl-1802); li t-test ġeroglifiku kien jagħmel l-istess ħaġa u kellu elementi li jixbħu ħafna lit-test demotiku (fl-1814); u li l-karattri fonetiċi kienu jintużaw ukoll biex jispellu l-kelmiet Eġizzjani nattivi (1822-1824).
Iktar tard ġew skoperti tliet kopji frammentarji oħra tal-istess digriet, u issa huma magħrufa diversi kitbiet bilingwi jew trilingwi Eġizzjani simili, fosthom tliet digrieti Tolemajċi li nkitbu kemxejn qabel: id-Digriet ta' Lixandra fis-sena 243 Q.K., id-Digriet ta' Kanopu fis-sena 283 Q.K., u d-Digriet ta' Tolomew IV maħruġ f'Memphis, madwar is-sena 218 Q.K. Il-Ġebla ta' Rosetta ma għadhiex unika, imma kienet il-muftieħ essenzjali għall-fehim modern tal-letteratura u taċ-ċivilizzazzjoni Eġizzjana Antika. It-terminu ‘Ġebla ta' Rosetta' issa jintuża biex jirreferi għall-ħjiel essenzjali f'qasam ġdid ta' għarfien.
Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ġebla ta' Rosetta hija elenkata bħala “ġebla tal-granodijorit iswed, bi tliet kitbiet imnaqqxin ... li nstabet f'Rosetta” f'katalogu kontemporanju tal-artefatti li ġew skoperti waqt spedizzjoni Franċiża u li ġew ċeduti lit-truppi Brittaniċi fl-1801.[1] Xi żmien wara li waslet Londra, il-kitbiet ġew ikkuluriti bil-ġibs abjad biex ikunu jistgħu jinqraw iktar faċilment, u l-kumplament ta' wiċċ il-ġebla nkesa b'saff xama' tal-karnawba bl-għan li ma ssirx ħsara meta s-swaba' tal-viżitaturi jmissu mal-ġebla.[2] Dan wassal biex kulur il-ġebla jidher iktar skur u inizjalment, bi żball, ġiet identifikata bħala ġebla tal-bażalt iswed.[3] Ix-xama' tneħħiet meta l-ġebla ġiet imnaddfa fl-1999, u b'hekk reġgħu feġġew il-kulur griż skur oriġinali tagħha, il-leqqa tal-istruttura kristallina tagħha, u vina roża li hemm tul ir-rokna ta' fuq tagħha fuq in-naħa tax-xellug.[4] Wara li saru paraguni mal-kollezzjoni Klemm ta' kampjuni ta' ġebel mill-Eġittu, ħareġ fid-dieher li l-Ġebla ta' Rosetta tixbaħ ħafna l-ġebel minn barriera żgħira tal-granodijorit f'Gebel Tingar fuq ix-xatt tal-Punent tan-Nil, li tinsab lejn il-Punent tal-gżira Elefantina fir-reġjun ta' Aswan; il-vina roża hija tipika tal-granodijorit minn dan ir-reġjun.[5]
Il-Ġebla ta' Rosetta twila 1,123 mm fl-ogħla punt tagħha, wiesgħa 757 mm, u ħoxna 284 mm. Tiżen bejn wieħed u ieħor 760 kg. Fiha tliet kitbiet imnaqqxin fuqha: il-ġeroglifiċi Eġizzjani Antiki fuq nett, taħtha l-kitba demotika Eġizzjana, u taħt nett il-kitba bil-Grieg Antik.[6] Il-wiċċ ta' quddiem huwa llostrat u l-kitbiet ġew imnaqqxin kemm kemm fuqu; il-ġnub tal-ġebla huma llixxati, iżda l-wara tal-ġebla ġiet maħduma fuq fuq biss, x'aktarx għaliex din ma kinitx tidher meta l-ġebla kienet tkun wieqfa f'postha.[5][7]
Stele oriġinali[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ġebla ta' Rożetta hija framment ta' stele ikbar. Minkejja dan, ma nstab l-ebda framment ieħor f'tiftixiet li saru iktar 'il quddiem fis-sit fejn instabet il-ġebla.[8] Minħabba li hija framment imkisser, l-ebda waħda mill-kitbiet imnaqqxin fuqha ma huma kompluti. Il-kitba ta' fuq nett bil-ġeroglifiċi Eġizzjani hija l-iktar waħda li ġarrbet ħsara. Jidhru biss l-aħħar 14-il linja mit-test ġeroglifiku; kollha kemm huma mkissrin fuq in-naħa tal-lemin, u 12 minnhom huma mkissrin ukoll fuq in-naħa tax-xellug. Il-kitba tan-nofs bit-test demotiku hija l-iktar waħda li baqgħet tajba; fiha 32 linja u 14 minnhom ġarrbu kemxejn ħsara fuq in-naħa tal-lemin. Il-kitba ta' taħt nett bit-test bil-Grieg Antik fiha 54 linja u 27 minnhom baqgħu sħaħ; il-kumplament isiru iktar u iktar frammentarji minħabba li lejn 'l isfel tal-ġebla, fuq in-naħa tal-lemin, il-ġebla nkisret dijagonalment.[9]
It-tul kollu tat-test ġeroglifiku u d-daqs totali tal-istele oriġinali, li l-Ġebla ta' Rosetta hija biss framment minnha, jistgħu jiġu stmati abbażi ta' steli komparabbli li nstabu, inkluż kopji oħra tal-istess tip. Id-digriet ta' Kanopu, li tfassal kemxejn qabel u nħareġ fis-sena 238 Q.K. matul ir-renju ta' Tolomew III, twil 2,190 mm u wiesa' 820 mm, filwaqt li fih 36 linja ta' test ġeroglifiku, 73 linja ta' test demotiku, u 74 linja ta' test bil-Grieg Antik. It-testi huma twal kważi ndaqs.[10] Minn komparazzjonijiet bħal dawn, jista' jiġi stmat li 14-il linja jew 15-il linja ta' test ġeroglifiku huma neqsin mill-kitba ta' fuq nett tal-Ġebla ta' Rosetta, u li kieku jammontaw għal 300 mm ieħor.[11] Apparti l-kitbiet, x'aktarx li fuqhom kien ikun hemm xbieha ta' re li jkun qed jiġi ppreżentat lill-allat, u fuqha sfera bil-ġwienaħ bħalma hemm fuq l-Istele ta' Kanopu. Dawn il-paralleli, u s-simbolu ġeroglifiku O26 mil-lista ta' ġeroglifiċi skont il-klassifikazzjoni ta' Gardiner li jirrappreżenta ‘stele' fuq il-ġebla stess, jissuġġerixxu li oriġinarjament il-parti ta' fuq tal-istele kienet tkun ġejja għat-tond.[6][12] Huwa stmat li l-istele oriġinali kien ikollha tul ta' madwar 1490 mm.[12]
Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]
- ^ Bierbrier (1999) pp. 111-113
- ^ Parkinson et al. (1999) p. 23
- ^ Synopsis (1847) pp. 113-114
- ^ Miller et al. (2000) pp. 128-132
- ^ a b Middleton u Klemm (2003) pp. 207-208
- ^ a b Ray (2007) p. 3
- ^ Parkinson et al. (1999) p. 28
- ^ Parkinson et al. (1999) p. 20
- ^ Budge (1913) pp. 2-3
- ^ Budge (1894) p. 106
- ^ Budge (1894) p. 109
- ^ a b Parkinson et al. (1999) p. 26