Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Belġju
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Belġju rratifika l-Konvenzjoni fl-24 ta' Lulju 1996, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
B'kollox, il-Belġju għandu 16-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel siti fil-Belġju li żdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu l-Béguinages Fjammingi, il-Grand Place, Brussell u l-Liftijiet Idrawliċi tal-Canal du Centre, fit-22 sessjoni tal-UNESCO fl-1998. L-iżjed sit li żdied reċentement huwa Siti Funebri u Mfakar tal-Ewwel Gwerra Dinjija (il-Front tal-Punent), sit transnazzjonali kondiviż ma' Franza. Il-Foresta Sonjana, komponent mill-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa kondiviż ma' 17-il pajjiż oħra, huwa l-unika sit naturali fil-Belġju; l-oħrajn huma siti kulturali. Is-sitt siti transnazzjonali tal-Belġju jinkludu wkoll il-Kampnari tal-Belġju u ta' Franza, kondiviż ma' Franza, u x-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, kondiviż ma' sitt pajjiżi oħra.
Siti ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Stampa | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-Għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Kampnari tal-Belġju u ta' Franza* | diversi siti | 1999 | ii, iv (kulturali) | Dan is-sit jinkludi total ta' 56 kampnar ta' knejjes u torri ta' binjiet ċiviċi, li nbnew bejn is-seklu 11 u s-seklu 17 bi stili arkitettoniċi differenti: Rumanesk, Gotiku, Rinaxximentali, u Barokk. Dawn kienu simbolu tal-ġid u tal-influwenza tal-irħula. Fl-1999, 32 kampnar fil-Belġju ġew elenkati oriġinarjament, u fl-2005, is-sit tkabbar biex jiġu inklużi l-kampnari fi Franza u l-kampnar f'Gembloux fil-Belġju. Uħud mill-kampnari jinkludu: il-Katidral tal-Madonna u l-Muniċipju ta' Anversa, il-Katidral ta' San Rumbold u l-Muniċipju ta' Mechelen, il-Kampnar ta' Bruges, il-Kampnar ta' Kortrijk, is-Sala tad-Drapp f'Ypres (fl-istampa), l-iSchepenhuis f'Aalst, il-Kampnar ta' Gent, il-Muniċipju ta' Oudenaarde, il-Knisja ta' San Pietru f'Leuven, il-Knisja ta' San Leonardu f'Zoutleeuw, il-Kampnar ta' Mons, il-Kampnar ta' Thuin, il-Kampnar ta' Tournai, u l-Kampnar ta' Namur.[5] | |
Kolonji tal-Benevolenza* | Wortel, Anversa | 2021 | ii, iv (kulturali) | Wara l-Gwerer ta' Napuljun fl-Ewropa, sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi spiċċaw ftaqru. Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali, is-Soċjetà tal-Benevolenza ġiet stabbilita fl-1818 u, taħt is-superviżjoni ta' Johannes van den Bosch, inbnew seba' kolonji agrikoli għall-familji, għall-iltiema, għat-tallaba, u għall-persunal militari rtirat. Dan l-approċċ kien innovattiv b'kombinament ta' edukazzjoni, kura tas-saħħa u xogħol (sfurzat) sabiex tiġi żgurata l-awtosuffiċjenza tal-kolonja. Erba' kolonji tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, tlieta fin-Netherlands u Wortel fil-Belġju.[6] | |
Béguinages Fjammingi | Fjandri | 1998 | ii, iii, iv (kulturali) | Il-Béguinages (bil-Franċiż) jew il-begijnhoven (bl-Olandiż) huma ġabra ta' binjiet żgħar li kienu jintużaw mill-Beguines. Dawn kienu diversi għaqdiet lajċi tal-Knisja Kattolika Rumana, stabbiliti fis-seklu 13 fil-Pajjiżi l-Baxxi, inkluż nisa reliġjużi li riedu jaqdu lil Alla mingħajr ma jirtiraw mid-dinja. Il-lista tinkludi 13-il béguinages: Bruges, Dendermonde, Diest, Ghent (Klein Begijnhof, Groot Begijnhof), Hoogstraten, Kortrijk, Leuven (Groot Begijnhof), Lier, Mechelen (Groot Begijnhof), Sint-Truiden, Tongeren u Turnhout.[7] | |
Ċentru Storiku ta' Bruges | Bruges, Fjandri tal-Punent | 2000 | ii, iv, vi (kulturali) | Bruges hija l-belt kapitali u l-ikbar belt tal-provinċja tal-Fjandri tal-Punent fil-Majjistral tal-Belġju. Flimkien ma' bliet oħra bil-kanali fit-Tramuntana, bħal Amsterdam, xi kultant tiġi mlaqqma bħala "l-Venezja tat-Tramuntana". Bruges saret importanti ekonomikament bis-saħħa tal-port. Fl-imgħoddi kienet meqjusa minn uħud bħala "l-belt kummerċjali ewlenija" tad-dinja.[8] | |
Grand-Place, Brussell | Belt ta' Brussell, Brussell Kapitali | 1998 | ii, iv (kulturali) | Il-Grand Place hija l-pjazza ċentrali ta' Brussell. Hija mdawra bil-binjiet tax-xirkiet, il-Muniċipju tal-belt, u l-Binja tal-Furnar. Il-pjazza hija l-iżjed destinazzjoni turistika u l-iżjed attrazzjoni importanti fi Brussell. Il-qisien tagħha huma 68 metru b'110 metri (223 pied bi 361 pied).[9] | |
Siti Ewlenin tal-Estrazzjoni fil-Wallonja | Wallonja | 2012 | ii, iv (kulturali) | Matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali fis-seklu 19, l-estrazzjoni u l-industriji tqal li kienu jiddependu fuq il-faħam kienu jiffurmaw parti ewlenija mill-ekonomija tal-Belġju. Il-biċċa l-kbira tal-estrazzjoni u tal-industrija kienu jseħħu fis-sillon industriel ("wied industrijali"), medda ta' art tul il-wisgħa tal-pajjiż fejn jinsabu bosta mill-ikbar bliet fil-Wallonja. Is-siti li huma parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsabu kollha fis-sillon industriel jew fil-qrib. L-attivitajiet tal-estrazzjoni fl-inħawi majnaw matul is-seklu 20, u llum il-ġurnata l-erba' minjieri elenkati ma għadhomx operattivi iżda huma miftuħa għall-viżitaturi bħala mużewijiet.[10] | |
Djar Ewlenin ta' Victor Horta fi Brussell | Brussell u Saint-Gilles, Brussell Kapitali | 2000 | i, ii, iv (kulturali) | L-arkitett Victor Horta kien magħruf għall-ħolqien ta' binjiet bl-istil tal-Art Nouveau li kien moda fi żmienu. Erba' mill-iżjed xogħlijiet notevoli eżistenti tiegħu, Hôtel Tassel, Hôtel Solvay, Hôtel van Eetvelde u Maison & Atelier Horta, tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[11] | |
Minjieri taż-Żnied Neolitiċi ta' Spiennes | Mons, Hainaut | 2000 | i, iii, iv (kulturali) | Il-minjieri taż-żnied Neolitiċi ta' Spiennes huma l-ikbar minjieri Neolitiċi u l-iżjed bikrin tal-Ewropa, u jinsabu qrib il-villaġġ ta' Spiennes, fix-Xlokk ta' Mons, fil-Wallonja. Il-minjieri kienu attivi matul in-Neolitiku Nofsani u Aħħari (4300-2200 Q.K.).[12] | |
Katidral ta' Notre-Dame f'Tournai | Tournai, Hainaut | 2000 | ii, iv (kulturali) | Il-Katidral tal-Madonna ta' Tournai huwa knisja Kattolika Rumana, fid-Djoċesi ta' Tournai. Beda jinbena fis-seklu 12 fuq pedamenti saħansitra iktar antiki, u jikkombina x-xogħol ta' tliet perjodi ta' disinn b'effett li tassew jispikka: in-natura tqila u severa tan-navata Rumaneska tikkuntrasta ferm max-xogħol Tranżizzjonali tat-transett u l-Gotiku żviluppat għalkollox tal-kor. It-transett huwa l-iżjed parti distintiva tal-binja, bir-raggruppament ta' ħames kampnari u bi truf apsidali (semiċirkolari).[13] | |
Kumpless ta' Plantin-Moretus | Anversa, Provinċja ta' Anversa | 2005 | ii, iii, iv, vi (kulturali) | Il-Mużew ta' Plantin-Moretus huwa mużew f'Anversa dwar l-istampar bikri u modern inġenerali u l-istampaturi famużi Christophe Plantin u Jan Moretus b'mod partikolari. Il-binja hija l-eks residenza tagħhom u stabbiliment tal-istampar, l-Istamperija ta' Plantin, fil-Vrijdagmarkt (is-Suq tal-Ġimgħa).[14] | |
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* | Brussell Kapitali, Fjandri u Wallonja | 2007 | ix (naturali) | Il-Foresta Sonjana hija l-unika komponent Belġjan ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO. Il-lista tinkludi 63 foresta tas-siġar tal-fagu fl-Albanija, fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja, fis-Slovenja, fi Spanja u fl-Ukrajna.[15] | |
Palazz ta' Stoclet | Woluwe-Saint-Pierre, Brussell Kapitali | 2009 | i, ii (kulturali) | Il-Palazz ta' Stoclet kien villa privata li nbniet mill-arkitett Josef Hoffmann bejn l-1905 u l-1911 fi Brussell, għall-bankier li kien iħobb l-arti, Adolphe Stoclet. Kienet waħda mill-iżjed djar privati lussużi u raffinati tas-seklu 20 u ġiet imżejna b'mod lussuż fuq ġewwa, inkluż b'xogħlijiet tal-artist Gustav Klimt.[16] | |
Ix-Xogħol Arkitettoniku ta' Le Corbusier, Kontribut Straordinarju għall-Moviment tal-Moderniżmu* | Anversa, Provinċja ta' Anversa | 2016 | i, ii, vi (kulturali) | Maison Guiette hija l-komponent Belġjan ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO. Il-binja ġiet elenkata flimkien ma' 16-il binja oħra ta' Le Corbusier fl-Arġentina, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Indja, fil-Ġappun u fl-Iżvizzera.
Maison Guiette ġiet iddisinjata mill-arkitett Żvizzeru-Franċiż Le Corbusier fl-1926 u tlestiet fl-1927. Intużat bħala d-dar u l-post tax-xogħol tal-pittur Belġjan René Guiette. Hija l-unika binja ddisinjata minn Le Corbusier li għad fadal fil-Belġju. Hija magħrufa wkoll bħala Les Peupliers, għat-triq fejn tinsab il-binja.[17] | |
L-Erba' Liftijiet tal-Canal du Centre u l-Ambjent tal-Madwar tagħhom, La Louvière u Le Roeulx | Hainaut | 1998 | iii, iv (kulturali) | Il-liftijiet tal-Canal du Centre antik huma sensiela ta' erba' liftijiet idrawliċi tad-dgħajjes qrib ir-raħal ta' La Louvière fil-wied industrijali tal-Wallonja. Tul medda partikolari ta' 7 kilometri (4.3 mili) tal-Canal du Centre, li jikkollega l-baċiri tax-xmajjar Meuse u Scheldt, il-livell tal-ilma jogħla b'66.2 metru (217-il pied). Sabiex tingħeleb din id-differenza, il-lift ta' 15.4-il metru f'Houdeng-Goegnies infetaħ fl-1888, u t-tliet liftijiet l-oħra, kollha kemm huma b'għoli ta' 16.93-il metru (55.5 pied), infetħu fl-1917.[18] | |
L-Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa* | Spa, Liège | 2021 | ii, iii (kulturali) | L-Irħula Kbar bi Spa fl-Ewropa jinkludu 11-il raħal bi spa f'seba' pajjiżi Ewropej fejn l-ilmijiet minerali kienu jintużaw għall-fejqan u għal skopijiet terapewtiċi qabel l-iżvilupp tal-mediċini industrijali fis-seklu 19. Ir-raħal ta' Spa huwa l-komponent tal-Belġju.[19] | |
Siti Funebri u Mfakar tal-Ewwel Gwerra Dinjija (il-Front tal-Punent)* | diversi siti, il-Belġju u Franza | 2023 | (iii), (iv), (vi)(kulturali) | [20] |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Belgium - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2007-04-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-04-28. Miġbur 2023-08-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Belfries of Belgium and France". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Colonies of Benevolence". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Flemish Béguinages". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Brugge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "La Grand-Place, Brussels". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Major Mining Sites of Wallonia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Major Town Houses of the Architect Victor Horta (Brussels)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Neolithic Flint Mines at Spiennes (Mons)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Notre-Dame Cathedral in Tournai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Plantin-Moretus House-Workshops-Museum Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stoclet House". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Architectural Work of Le Corbusier, an Outstanding Contribution to the Modern Movement". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Four Lifts on the Canal du Centre and their Environs, La Louvière and Le Roeulx (Hainaut)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Great Spa Towns of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-14.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Funerary and memory sites of the First World War (Western Front)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-23.