Aqbeż għall-kontentut

Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fid-Danimarka

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Katidral ta' Roskilde.

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Id-Danimarka rratifikat il-Konvenzjoni fil-25 ta' Lulju 1979, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

L-ewwel sit fid-Danimarka li tniżżel mal-lista kienu t-Tumbati tal-Ħamrija, il-Ħaġar Runiku u l-Knisja ta' Jelling, fit-18-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar fl-1994 f'Phuket, it-Tajlandja. Iktar siti żdiedu fl-1995, fis-sena 2000, fl-2004, fl-2009, fl-2014, fl-2017 u fl-2018. B'kollox, id-Danimarka għandha ħdax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Tliet siti, Kujataa, Aasivissuit-Nipisat u l-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat jinsabu fi Greenland, li huwa territorju awtonomu fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka.

Tmien siti fid-Danimarka huma siti kulturali u tlieta huma siti naturali. Is-sit naturali tal-Baħar ta' Wadden huwa kondiviż mal-Ġermanja u man-Netherlands. Fl-2014, il-parti Daniża tas-sit żdiedet mal-partijiet l-oħra, li kienu żdiedu fl-2009.

Siti ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-għażla Deskrizzjoni
Tumbati tal-Ħamrija, Ħaġar Runiku u Knisja ta' Jelling Two standing stones with runic inscriptions and figurative carvings Jelling 1994 iii (kulturali) Il-monumenti ta' Jelling jinkludu ħaġar runiku, tumbati funebri tal-ħamrija, u knisja. Dawn jiddokumentaw it-tranżizzjoni Daniża mill-paganiżmu għall-Kristjaneżmu fis-seklu 10. Iż-żewġ tumbati funebri huma pagani, l-istess bħall-ħaġra runika l-antika, stabbiliti mir-Re Gorm ix-Xiħ. Il-ħaġra runika l-kbira ssemmi l-Kristjanizzazzjoni tad-Danimarka u ġiet stabbilita mir-Re Harald Bluetooth, li stabbilixxa wkoll il-knisja fil-qrib.[5]
Katidral ta' Roskilde Roskilde Cathedral, a brick building with two spires. Look from above. Roskilde 1995 ii, iv (kulturali) Il-kostruzzjoni tal-katidral bdiet fis-seklu 12 bl-istil Rumanesk u kompliet bl-istil Gotiku fis-seklu 13. Inbniet bil-brikks, għaldaqstant hi eżempju bikri ta' binja ekkleżjastika ewlenija mibnija b'dan il-materjal fit-Tramuntana tal-Ewropa, u ilha sit funebri ewlieni għall-monarki Daniżi mis-seklu 15.[6]
Kastell ta' Kronborg Kronborg Castle, a fortified brick structure, seen from a distance. Helsingør 2000 iv (kulturali) Il-kastell Rinaxximentali, li nbena l-iktar fl-aħħar tas-seklu 16, jinsab strateġikament fl-idjaq punt tal-istrett ta' Øresund. Inqered minn nar fl-1629 iżda ġie rikostruwit ftit wara kważi bl-istess għamla, u fis-seklu ta' wara twettqet modifika militari ulterjuri. Kronborg, bħala Elsinore, huwa l-post fejn ġiet ambjentata r-reċta ta' William Shakespeare, Hamlet.[7]
Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat A massive iceberg in the sea full of smaller icebergs. Avannaata, Greenland 2004 vii, viii (naturali) Il-Fjord tas-Silġ ta' Ilulissat huwa wieħed mill-ftit postijiet fid-dinja fejn il-medda tas-silġ ta' Greenland tmiss mal-baħar, fil-glaċier ta' Sermeq Kujalleq. Dan huwa wieħed mill-iżjed glaċieri attivi fid-dinja; kull sena jisseparaw iktar minn 35 kilometru kubu (8.4 mili kubi) ta' silġ. Ġie studjat għal iktar minn 250 sena, u pprovda informazzjoni dwar il-glaċjoloġija tal-medda tas-silġ u dwar it-tibdil fil-klima.[8]
Stevns Klint A look at the cliff from Old Højerup Church Stevns 2014 viii (naturali) Stevns Klint huwa rdum kostali twil 15-il kilometru (9.3 mili) mimli bil-fossili. Joffri evidenza eċċezzjonali tal-impatt tal-metjorita ta' Chicxulub li ħabtet fil-pjaneta fl-aħħar tal-perjodu Kretaċju, madwar 66 miljun sena ilu, u kkawżat l-estinzjoni tal-Kretaċju-Paleoġen. Is-sit huwa xhieda wkoll tal-iżvilupp tal-flora u tal-fawna wara l-irkupru mill-estinzjoni tal-massa.[9]
Baħar ta' Wadden* Sea with birds flying above Park Nazzjonali tal-Baħar ta' Wadden 2014 viii, ix, x (naturali) Il-Baħar ta' Wadden jinkludi ż-Żona ta' Konservazzjoni tal-Baħar ta' Wadden fin-Netherlands, il-Parks Nazzjonali Ġermaniżi tal-Baħar ta' Wadden ta' Niedersachsen u ta' Schleswig-Holstein, u l-medda tad-Danimarka. Il-linja tal-kosta ġeneralment hija waħda ċatta u fiha artijiet bassasa, artijiet bit-tajn, imraġ u duni. Is-sit ikopri żewġ terzi tal-Baħar ta' Wadden u jospita bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali. Fih jitnisslu sa 12-il miljun għasfur fis-sena u jappoġġa iktar minn 10 fil-mija tal-popolazzjoni ta' 29 speċi. Ġie estiż fl-2011 biex jinkludi l-Park Nazzjonali Ġermaniż tal-Baħar ta' Wadden ta' Amburgu u fl-2014 ġiet inkluża l-parti Daniża wkoll tal-Baħar ta' Wadden.[10]
Christiansfeld, Insedjamenti tal-Knisja Moravjana* A church building, a frontal view. A park with a fountain in front of the church. Christiansfeld 2015 iii, iv (kulturali) Christiansfeld, stabbilit fl-1773, huwa eżempju ta' insedjament ippjanat tal-Knisja Moravjana, denominazzjoni Protestanta, u jirrifletti l-filosofija egalitarja tal-komunità. L-insedjament jinkludu binjiet importanti għall-benessri komuni, bħal djar komunali għar-romol u l-irġiel u nisa' mhux miżżewġin tal-kongregazzjoni. Is-sit ġie estiż u sar sit transnazzjonali fl-2024.[11]
Pajsaġġ tal-Kaċċa Medjevali fit-Tramuntana ta' Zealand A feeding station in Kægersborg Dyrehave, forest in the background Store Dyrehave, Gribskov, Jægersborg Dyrehave, Jægersborg Hegn 2015 ii, iv (kulturali) Is-sit jinkludi żewġ foresti fejn in-nobbli Daniżi kienu jipprattikaw il-kaċċa Medjevali bil-klieb. L-attività ewlenija seħħet bejn l-aħħar tas-seklu 17 u l-aħħar tas-seklu 18. Il-foresti ġew immodifikati skont il-prinċipji Barokki tal-ippjanar tal-pajsaġġ, b'korsiji tal-kaċċa stabbiliti f'sistema b'għamla ta' stilla, bi ċnut addizzjonali, punti ta' orjentazzjoni, u loġoġ tal-kaċċa.[12]
Kujataa: Biedja Nordika u tal-Inuit fit-Tarf tal-Medda tas-Silġ Hvalsey Church ruins Kujalleq, Greenland 2017 v (kulturali) Kujataa huwa pajsaġġ tal-biedja fin-Nofsinhar ta' Greenland li ssawwar minn żewġ kulturi — min-Nordiċi bejn is-sekli 10 u 15, u l-Inuit mis-seklu 18. Għalkemm iż-żewġ kulturi huma distinti, it-tnejn li huma kienu jiddependu fuq il-biedja, il-pastoraliżmu u l-kaċċa tal-mammiferi tal-baħar.[13]
Aasivissuit-Nipisat: Territorju tal-Kaċċa tal-Inuit bejn is-Silġ u l-Baħar mhux disponibbli Qeqqata, Greenland 2018 v (kulturali) It-territorju fih evidenza ta' 4,200 sena ta' storja umana, marbuta mal-kaċċa tal-annimali terrestri u tal-baħar, bħall-karibu. Is-sit arkeoloġiċi jmorru lura għal diversi perjodi, inkluż dawk tal-kultura Saqqaq (2500-700 Q.K.), ta' Dorset (800 Q.K.-1 W.K.), tal-Inuit ta' Thule (mis-seklu 13) u l-perjodi kolonjali (mis-seklu 18).[14]
Fortizzi Tondi tal-Vikingi Trelleborg ring fortress from above Fyrkat, Aggersborg, Nonnebakken, Trelleborg, Borgring 2023 iv (kulturali) Dawn il-fortizzi, kollha kemm huma bl-istess għamla ċirkolari standard, inbnew fi żmien qasir ħafna, għall-ħabta tad-975-980 W.K., matul ir-renju tar-re Harald Bluetooth. Peress li ntużaw għal żmien qasir biss u wara ġew mitluqa bejn wieħed u ieħor kif kienu, jipprovdu ħjiel importanti dwar Żmien il-Vikingi fid-Danimarka.[15]
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Denmark - UNESCO World Heritage Convention". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Jelling Mounds, Runic Stones and Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Roskilde Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kronborg Castle". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Ilulissat Icefjord". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stevns Klint". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Wadden Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Christiansfeld, a Moravian Church Settlement". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  12. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The par force hunting landscape in North Zealand". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Kujataa Greenland: Norse and Inuit Farming at the Edge of the Ice Cap". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  14. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Aasivissuit – Nipisat. Inuit Hunting Ground between Ice and Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  15. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Viking-Age Ring Fortresses". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-24.