Stevns Klint

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bajja ta' Stevns Klint

Stevns Klint huwa rdum tal-ġibs abjad li jinsab xi sitt kilometri fix-Xlokk ta' Store Heddinge fuq il-gżira Daniża ta' Zealand. L-irdum wiesa' 17-il kilometru tul il-kosta, huwa għoli 40 metru[1] u huwa ta' importanza ġeoloġika peress li fih waħda mill-konfini taż-Żmien Kretaċju-Terzjarju (K/T) esposti l-aħjar fid-dinja. L-irdum huwa soġġett għal erożjoni frekwenti. Minħabba l-ħażna eċċezzjonali ta' fossili li fih, Stevens Klint tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[2][3]

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-irdumijiet mill-ajru qrib Stevns Klint

L-irdum jiżvela sezzjonijiet mill-iktar parti ta' fuq tal-istadju ta' Maastricht (72 sa 66 miljun sena ilu) u mill-iktar parti t'isfel tal-istadju Danjan (66 sa 62 miljun sena ilu).[4] Is-saffi t'isfel tal-irdum imorru lura għaż-Żmien Kretaċju u huma magħmula minn ġibs artab, li jindika ambjent ta' depożiti tal-baħar relattivament fond.[5] Is-saff skur ta' fiskeler, fil-biċċa l-kbira oħxon bejn ħames ċentimetri sa għaxar ċentimetri, jimmarka b'mod ċar il-konfini bejn iż-Żmien Kretaċju u dak Paleoġeniku.[1] It-terminu Daniż fiskeler li jintuża tradizzjonalment mill-ġeologi biex jirreferu għal dan is-saff, litteralment ifisser "Tafal tal-Ħut". Ingħata dan l-isem mill-ġeologu Daniż Johan Georg Forchhammer fl-1825, peress li fih instabu diversi qxur u snien tal-ħut, iżda ftit fossili oħra. Il-fiskeler huwa rikk fl-iridju, fatt li ntuża bħala bażi għall-ipoteżi ta' Alvarez li l-estinzjoni dinjija tal-massa fiż-Żmien Kretaċju-Paleoġeniku ġiet ikkawżata mill-impatt ta' asterojde. Tul il-konfini bejn dawn iż-żewġ żminijiet hemm saff iktar skur ta' tafal u ta' ġibs li huwa oħxon bejn 10 u 30 ċentimetru, li jikkorrispondi għal perjodu ta' diversità bijoloġika baxxa fil-qiegħ tal-baħar eżatt wara l-Konfini K-Pg.[6] Is-saffi jistgħu jiġu osservati wkoll fil-fond tal-mini ta' Stevnsfortet, fortizza tal-Gwerra Bierda li nbniet fl-1953. Is-saffi ta' fuq tal-irdum huma magħmula minn ġibs brijożojku u ġew depożitati matul il-bidu taż-Żmien Paleoġen. Dan it-tip ta' ġibs u ferm reżistenti għax-xokkijiet kemm minn armi konvenzjonali kif ukoll għal dawk nukleari.[7]

Paleontoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Eżempju ta' fossila ta' ammonit

Stevns Klint iħaddan fih rekord tassew notevoli, dettaljat u komplut ta' fossili tal-bijota fit-Trammuntana tal-Ewropa matul l-aħħar taż-Żmien Kretaċju u l-bidu taż-Żmien Paleoġeniku.[2] Il-ġibs Kretaċju ta' Stevns Klint fih iktar minn 450 speċi ta' makrofossili u mijiet ta' speċijiet ta' mikrofossili. Is-saffi Paleoġeniċi t'isfel huma rikki wkoll fil-mikrofossili, u fihom bosta speċijiet ta' organiżmi filtraturi b'tul ta' millimetru.[5] Varjetà wiesgħa ta' speċijiet forminiferi bentiċi ġew identifikati miż-Żminijiet Kretaċji u Paleoġeniċi, b'differenzi sinifikanti fl-abbundanza tul il-konfini K-Pg li juru t-tibdil bijotiku li seħħ matul l-avveniment ta' estinzjoni tal-massa. Corbulamella, organiżmu bivalvi magħruf bħala speċi pijunier, jiddomina s-saffi eżatt wara s-saff tal-konfini. B'kollox, iktar minn 830 speċi ta' makrofawna ġew identifikati minn Stevns Klint. Dawn jinkludu brijożoa, brakkjopodi, ammoniti, qroll, krustaċji, u l-fdalijiet ta' xi annimali ikbar bħal klieb il-baħar.[5]

Stevns Klint kien l-ewwel sit magħruf fejn ġie ddokumentat l-għajxien fuq medda qasira ta' żmien tal-ammoniti fiż-Żmien Paleoġeniku, meta oriġinarjament kien maħsub li ġew estinti fil-konfini K-Pg.[5]

Mużew tal-Gwerra Bierda[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mini tal-fortizza

Fl-2008 infetaħ għall-pubbliku Mużew tal-Gwerra Bierda fis-Stevnsfortet. Fih wirja kbira ta' tagħmir militari u żjara ggwidata li ddum siegħa u nofs fis-sistema kbira ta' taħt l-art fil-fortizza. Is-sistema ta' taħt l-art fiha 1.6 kilometru ta' mini, postijiet fejn kien jgħix il-militar u ċentri tal-kmand, inkluż sptar u kappella. Hemm ukoll żewġ imħażen tal-munizzjon għaż-żewġ kanuni tal-fortizza b'dijametru ta' 15-il ċentimetru. Il-mini jinsabu 18-20 metru taħt l-art, imħaffrin fil-fond fil-ġibs ta' Stevns. Il-fortizza sigrieta nbniet fl-1953 u baqgħet operattiva sas-sena 2000. Is-saff tat-"Tafal tal-Ħut" jista' jiġi osservat ukoll fil-fond tal-mini ta' Stevnsfortet.[8]

Il-Knisja antika ta' Højerup f'xifer l-irdum ta' Stevns Klint

Knisja ta' Højerup[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja antika ta' Højerup (bid-Daniż: Højerup Gamle Kirke) li tinsab fil-quċċata tal-irdum tmur lura għas-sena 1200. B'riżultat tal-erożjoni, ċediment tal-art fl-1928 wassal biex il-kor iġġarraf u spiċċa fil-bajja ta' taħt il-knisja. Hemm aċċess għall-irdum minn turġien maġenb il-knisja. Knisja ġdida li tlestiet fl-1913 tinsab xi 300 metru lura mill-irdum.[9]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-23 ta' Ġunju 2014, Stevns Klint ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b "Stevns Klint | lex.dk". Den Store Danske (bid-Daniż). Miġbur 2021-08-17.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Stevns Klint". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-17.
  3. ^ "Stevns Klint UNESCO World Heritage". Stevns Klint UNESCO World Heritage (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-17.
  4. ^ Surlyk F, Damholt T. & Bjerager M (2006). "Stevns Klint, Denmark: Uppermost Maastrichtian chalk, Cretaceous-Tertiary boundary, and lower Danian bryozoan mound complex. 54: 1–48" (PDF).
  5. ^ a b ċ d UNESCO. "Nomination of Stevns Klint" (PDF).
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stevns Klint Documents". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-17.
  7. ^ "Coastal Cliff Stevns Klint (bid-Daniż)".
  8. ^ "Østsjællands Museum | Koldkrigsmuseum Stevnsfort | Geomuseum Faxe | Kulturmuseum Øst | Stevns Klint". Østsjællands Museum (bid-Daniż). Miġbur 2021-08-17.
  9. ^ "Højerup | lex.dk". Den Store Danske (bid-Daniż). Miġbur 2021-08-17.