Aqbeż għall-kontentut

Aasivissuit-Nipisat: Territorju tal-Kaċċa tal-Inuit bejn is-Silġ u l-Baħar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Aasivissuit-Nipisat: Territorju tal-Kaċċa tal-Inuit bejn is-Silġ u l-Baħar huwa pajsaġġ kulturali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-parti ċentrali tal-Punent ta' Greenland.[1] Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018 u jippreserva l-fdalijiet arkeoloġiċi ta' iktar minn 4,000 sena ta' okkupazzjoni. Fih evidenza ppreservata sew ta' kaċċa staġonali u ta' ġemgħat preistoriċi.[2] Fi ħdan is-sit jiġu protetti l-fdalijiet mill-kulturi ta' Saqqaq, ta' Dorset u tal-Inuit ta' Thule, kif ukoll mill-era kolonjali.[3]

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ta' Aasivissuit-Nipisat jinsab eżatt fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku fil-muniċipalità ta' Qeqqata fil-Punent ta' Greenland.[3] Huwa estiż fuq territorju ta' 235 kilometru mil-Lvant għall-Punent, mill-Gżira ta' Nipisat fl-Istrett ta' Davis sal-Medda tas-Silġ ta' Greenland.[2]

Siti arkeoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hemm seba' fdalijiet arkeoloġiċi u insedjament kontemporanju wieħed, li jirrappreżentaw aspetti differenti tal-istorja kronoloġika tar-reġjun u li juru l-varjetà tat-tradizzjonijiet terrestri fi Greenland tul iż-żmien.

Aasivissuit jinsab fil-pjanuri għoljin fin-naħa tal-Lvant tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Hemm evidenza ta' okkupazzjoni li tmur lura sal-1250. Is-sit kien kamp tas-sajf ewlieni għall-poplu Thule matul is-sekli 15 sa 19. Hemm il-fdalijiet ta' 22 sit tat-tined, medda ta' 3.9 kilometri għall-kaċċa tal-karibù (l-ikbar medda ta' dan it-tip fi Greenland), imħażen tal-ġebel għal-laħam, u siti b'oqbra primittivi. Fis-sit instabu foxxni, mannari u ulos (sikkina-barraxa li kienet tintuża min-nisa Thule).

Itinnerup Tupersuai huwa eżempju tipiku ta' kamp tas-sajf tal-Inuit mis-sekli 18 u 19. Dan il-kamp x'aktarx li kien jintuża bħala waqfa intermedja waqt il-migrazzjoni mill-kosta 'l ġewwa matul l-istaġun tal-kaċċa tal-karibù.

Stabbilit fl-1851 bħala villaġġ tas-sajd, Saqqarliit ġie abbandunat fl-1961. Dan is-sit fih il-fdalijiet tal-kappella u l-pedamenti ta' bosta binjiet kolonjali oħra apparti ċ-ċimiterji Kristjani u pre-Kristjani.

Sarfannguit huwa l-unika insedjament abitat fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. B'popolazzjoni ta' 96 ruħ fl-2020[4], ir-raħal ġie stabbilit fl-1843 u fih diversi binjiet oriġinali mill-era kolonjali.

Arajutsisut kien insedjament kbir tax-xitwa li kien jintuża mill-poplu Inuit ta' Thule. Arajutsisut fih il-fdalijiet ta' ħamest idjar komunali tipiċi tas-sekli 17 u 18. Dawn id-djar normalment kienu twal 8-10 metri u wesgħin 4-5 metri, u kienu jakkomodaw sa 30 individwu. Kull familja kienet tirresjedi f'sezzjoni ta' metru jew żewġ metri tad-dar, isseparata mill-familji l-oħra permezz ta' ħitan diviżorji. F'dan is-sit instabu wkoll erbat idjar tax-xitwa iżgħar u rettangolari u waħda tonda li jmorru lura għall-perjodu bikri tal-poplu Thule.

Insedjament tax-xitwa ieħor għall-poplu Thule, Innap Nuua, fih tlett idjar komunali kbar u ppreservati sew (waħda minnhom twila 25 metru), kif ukoll strutturi oħra tal-poplu Thule, oqbra, u evidenza estensiva ta' sajd u ta' kaċċa.

Fuq in-naħa tal-Punent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-Gżira ta' Nipisat fiha artefatti ppreservati tassew tajjeb mill-kultura ta' Saqqaq, li kienet tgħix fi Greenland bejn l-2500 u t-800 Q.K. Mill-1989 sal-1994, skavi tas-sit arkeoloġiku fuq il-gżira żvelaw iktar minn 70,000 framment tal-għadam minn annimali tal-kaċċa u 1,000 artefatt mill-kultura ta' Saqqaq.[5]

It-territorju kien okkupat minn żmien għal żmien għall-ħabta tal-bidu tal-2000 Q.K., bil-wasla tal-kultura ta' Saqqaq mal-kosta. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju fil-Gżira ta' Nipisat tissuġġerixxi li l-poplu Saqqaq baqa' jgħix f'dan ir-reġjuni mill-inqas sas-700 Q.K., li huwa perjodu itwal minn kwalunkwe post ieħor fi Greenland. Ftit wara, il-kultura ta' Dorset stagħnat fir-reġjun, u vvjaġġat iktar internament mill-kosta. Saħansitra sa Aasivissuit, frammenti żgħar tal-kalċedonja u tal-għadam jissuġġerixxu li l-poplu ta' Dorset jaf ivvjaġġaw sal-medda tas-silġ. Għall-ħabta tal-1100 W.K., il-poplu Thule wettaq migrazzjoni lejn Greenland mit-Tramuntana tal-Kanada, u l-iżjed rekord bikri ta' artefatti tal-poplu Thule fl-inħawi jmur lura bejn wieħed u ieħor għall-1250 W.K. Il-poplu Thule kellu sistema iktar sofistikata ta' kaċċa fuq il-baħar (spiss kienu jintużaw timijiet ta' klieb u kayaks), u l-migrazzjoni kienet issir staġonalment. Fix-xitwa kienu joqogħdu fi djar permanenti tal-ġebel qrib il-kosta f'Innap Nuua u f'Arajutsisut, kienu jikkaċċjaw għall-mammiferi tal-baħar u għall-ħut, u fis-sajf kienu jivvjaġġaw iktar internament biex jikkaċċjaw il-karibù f'kampijiet tas-sajf temporanji (bħalma nstabu f'Aasivissuit).

Fil-bidu tas-seklu 18, kolonja Daniża pprovat tistabbilixxi ruħha fil-Gżira ta' Nipisat, iżda dan it-tentattiv malajr ġie abbandunat. Madankollu, matul is-seklu ta' wara, fl-inħawi ġew stabbiliti rħula kolonjali (bħal Saggarliit u Sarfannguit) sabiex jissaħħaħ il-kummerċ tas-sajd u tal-ġlud tal-karibù. Bosta minn dawn il-villaġġi ġew abbandunati minħabba l-ġuħ u diversi epidemiji.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Aasivissuit-Nipisat: Territorju tal-Kaċċa tal-Inuit bejn is-Silġ u l-Baħar ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Aasivissuit – Nipisat. Inuit Hunting Ground between Ice and Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-19.
  2. ^ a b "Dokumenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".
  3. ^ a b Jens Fog Jensen; Claus Andreasen; Paninnguaq Fleischer-Lyberth; Laust Løgstrup; Hans Holt Poulsen; Ólafur Rafnar Ólafson; Anne-Christine Løventoft-Jessen; Susan Barr; Morten Meldgaard (January 2017). Nomination of Aasivissuit – Nipisat: Inuit Hunting Ground between Ice and Sea for inclusion on the World Heritage List (Report). ISBN 978-87-87519-86-1.
  4. ^ "Population in Localities January 1st by age, place of birth, locality, gender and time. PxWeb". web.archive.org. 2020-11-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-11-18. Miġbur 2023-08-19.
  5. ^ Gotfredsen, Anne Birgitte; Mobjerg, Tinna (2004). Nipisat - a Saqqaq Culture Site in Sisimiut, Central West Greenland. Museum Tusculanum Press. p. 7. ISBN 87-635-1264-5.