Aqbeż għall-kontentut

Greenland

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bandiera ta' Greenland.

Greenland, xi kultant magħrufa wkoll bħala l-Groenlandja, (bil-lingwa ta' Greenland: Kalaallit Nunaat, pronunzjata: [kalaːɬːit nʉnaːt]; bid-Daniż: Grønland, pronunzjata: [ˈkʁɶnˌlænˀ]) hija territorju awtonomu fl-Amerka ta' Fuq tar-Renju tad-Danimarka.[1][2][3][4] Hi wieħed minn tliet territorji li jiffurmaw ir-Renju tad-Danimarka; l-oħrajn huma l-art kontinentali Ewropea tad-Danimarka u l-Gżejjer Faroe. Iċ-ċittadini ta' dawn it-tliet territorji huma ċittadini tad-Danimarka u ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Il-belt kapitali u l-ikbar belt ta' Greenland hija Nuuk.[5] Greenland tinsab bejn l-Oċean Artiku u l-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-Arċipelagu Artiku Kanadiż. Hija l-ikbar gżira fid-dinja, kif ukoll l-iżjed territorju fit-Tramuntana tad-dinja – il-Gżira ta' Kaffeklubben lil hinn mill-kosta tat-Tramuntana hija l-iżjed art fit-Tramuntana tad-dinja, u l-Kap Morris Jesup fuq l-art kontinentali tat-territorju kien maħsub li kien l-iżjed art fit-Tramuntana tad-dinja sas-snin 60 tas-seklu 20.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-arma ta' Greenland.

Għalkemm hija parti mill-kontinent tal-Amerka ta' Fuq, Greenland ilha tiġi assoċjata politikament u kulturalment mal-Ewropa (speċifikament in-Norveġja u d-Danimarka, is-setgħat kolonjali) għal iktar minn millenju, diġà mid-986.[6] Greenland ġiet abitata f'intervalli għal mill-inqas dawn l-aħħar 4,500 sena minn popli Artiċi li l-antenati tagħhom marru hemmhekk minn dik li issa hija l-Kanada.[7][8] In-Nordiċi insedjaw il-parti mhux abitata tan-Nofsinhar ta' Greenland mill-bidu tas-seklu 10, wara li kienu bdew jinsedjaw l-Iżlanda. L-Inuit waslu fis-seklu 13. Għalkemm taħt l-influwenza kontinwa tan-Norveġja u tan-Norveġiżi, Greenland ma kinitx formalment taħt il-Kuruna Norveġiża qabel l-1261. Il-kolonji Nordiċi għebu fl-aħħar tas-seklu 15, wara li faqqgħet il-pesta s-sewda fin-Norveġja u b'hekk daħlet fi żmien ta' deklin kbir.

Fil-bidu tas-seklu 17, l-esploraturi Daniżi u Norveġiżi reġgħu waslu Greenland. Meta d-Danimarka u n-Norveġja sseparaw, Greenland saret parti mid-Danimarka fl-1814 u ġiet integrata għalkollox fl-istat Daniż fl-1953 taħt il-Kostituzzjoni tad-Danimarka, li permezz tagħha ċ-ċittadini ta' Greenland saru ċittadini tad-Danimarka. Fl-1979, id-Danimarka tat l-awtogovernanza lil Greenland; fl-2008, iċ-ċittadini ta' Greenland ivvutaw għall-Att dwar l-Awtogovernanza, li ttrasferixxa iktar poter mill-gvern Daniż lill-gvern lokali ta' Greenland. Taħt l-istruttura l-ġdida, Greenland gradwalment ingħatat ir-responsabbiltà għal għadd ta' servizzi u oqsma ta' kompetenza governattivi.[9] Il-gvern Daniż għandu kontroll fuq iċ-ċittadinanza, il-politika monetarja u l-affarijiet barranin, inkluż id-difiża. Il-biċċa l-kbira tar-residenti ta' Greenland huma Inuit.[10] Il-popolazzjoni hija kkonċentrata l-iktar tul il-kosta tal-Lbiċ, u l-kumplament tal-gżira hija popolata b'mod sparpaljat. Tliet kwarti minn Greenland hija miksija mill-unika saff tas-silġ permanenti 'l barra mill-Antartika. B'popolazzjoni ta' 56,583 ruħ (2022)[11], Greenland hija l-inqas reġjun popolat densament fid-dinja.[12] 67 % tal-produzzjoni tal-elettriku tagħha tiġi mill-enerġija rinnovabbli, l-iktar mill-enerġija idroelettrika.[13]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Immaġni satellitari ta' Greenland.

L-insedjaturi Nordiċi bikrin semmew il-gżira Greenland. Fis-sagi Iżlandiżi, l-Iżlandiż imwieled Norveġiż Erik l-Aħmar ġie eżiljat mill-Iżlanda minħabba li wettaq qtil. Flimkien mal-familja estiża u l-iskjavi jew is-servi tiegħu, huwa salpa b'għadd ta' bastimenti sabiex jesplora art bis-silġ li kienet magħrufa li tinsab fil-Majjistral. Wara li sab żona abitabbli li seta' jinsedjaha, huwa semmiha Grœnland (tradotta bħala "Greenland"), x'aktarx bit-tama li l-isem pjaċevoli jattira iktar insedjaturi.[14][15][16] Is-Saga ta' Erik l-Aħmar issostni: "Fis-sajf, Erik salpa biex jinsedja t-territorju li kien sab, u semmih Greenland, bil-ħsieb skontu li n-nies kienu se jiġu attirati jgħixu hemm ladarba kellu isem favorevoli".[17]

L-isem tat-territorju bil-lingwa ta' Greenland huwa Kalaallit Nunaat ("art tal-Kalaallit"). Il-poplu Kalaallit huwa poplu Inuit ta' Greenland li jgħix fir-reġjun tal-Punent ta' Greenland.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-militar tal-Istati Uniti uża Bluie bħala isem f'kodiċi għal Greenland, fejn kellhom diversi bażijiet imsemmija Bluie (tal-Lvant jew tal-Punent; numeral sekwenzjali).[18]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Dallen J. Timothy (2020). Tourism in European Microstates and Dependencies: Geopolitics, Scale and Resource Limitations. CABI. p. 94. ISBN 978-1-78924-310-9.
  2. ^ "The working autonomies in Europe. Territorial autonomy as a means of minority protection and conflict solution in the European experience - An overview and schematic comparison, 19.6.2006". www.gfbv.it. Miġbur 2023-08-19.
  3. ^ "Greenland". web.archive.org. 2019-08-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-08-30. Miġbur 2023-08-19.
  4. ^ "International Partnerships". international-partnerships.ec.europa.eu (bl-Ingliż). 2023-08-11. Miġbur 2023-08-19.
  5. ^ Greenland (bl-Ingliż). Central Intelligence Agency. 2023-07-25. Miġbur 2023-08-19.
  6. ^ "The Fate of Greenland's Vikings". web.archive.org. 2011-01-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-04. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Saqqaq - Nationalmuseet". web.archive.org. 2013-12-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-07. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Saillard J, Forster P, Lynnerup N, Bandelt HJ, Nørby S (2000). "mtDNA variation among Greenland Eskimos: the edge of the Beringian expansion". American Journal of Human Genetics. 67 (3): 718–26.
  9. ^ "Greenland in figures 2012" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-13. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "Thule Culture - The Canadian Encyclopedia". web.archive.org. 2015-11-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-20. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Greenland Population 2023 (Live)". worldpopulationreview.com. Miġbur 2023-08-19.
  12. ^ "Population density (people per sq. km of land area) | Data | Table". web.archive.org. 2013-06-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-06-05. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Nukissiorfiit Vedvarende energi". Nukissiorfiit (bid-Daniż). Miġbur 2023-08-19.
  14. ^ "The Project Gutenberg eBook of Eirik The Red's Saga:, by The Rev. J. Sephton". web.archive.org. 2011-05-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-11. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "How Greenland got its Name - Ancient History Blog". web.archive.org. 2012-03-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-19. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ Grove, Jonathan (2009). "The place of Greenland in medieval Icelandic saga narrative". Journal of the North Atlantic. 2: 30–51.
  17. ^ "Is Iceland Really Green and Greenland Really Icy?". web.archive.org. 2017-12-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-30. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ Morison, Samuel Eliot (1975). History of United States Naval Operations in World War II, Volume 1: The Battle of the Atlantic September 1939 – May 1943. Boston: Little, Brown and Company. p. 62.