Pajsaġġ tal-Kaċċa Medjevali fit-Tramuntana ta' Zealand
Il-Pajsaġġ tal-Kaċċa Medjevali fit-Tramuntana ta' Zealand huwa ġabra ta' artijiet tal-kaċċa u foresti fit-Tramuntana ta' Copenhagen, il-belt kapitali tad-Danimarka. Il-pajsaġġ ġie nnominat bħala sit indikattiv fl-1 ta' Awwissu 2010 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-4 ta' Lulju 2015.[1][2] Il-pajsaġġ jinkludi tliet żoni ewlenin: Store Dyrehave, Gribskov u Jægersborg Dyrehave/Jægersborg Hegn, u huwa magħmul mill-iżjed artijiet tal-kaċċa sinifikanti għan-nobbiltà Medjevali fid-Danimarka. Id-disinn tal-pajsaġġ bħala grilja b'għamla ta' stilla ċentrali, b'toroq bin-numri, b'ġebliet bħala markaturi u biċ-ċnut, juri l-ippjanar u d-disinn uniċi tal-pajsaġġi tal-kaċċa fis-sekli 17 u 18.[2]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-tliet foresti kollha jinsabu fil-peniżola tat-Tramuntana ta' Zealand fit-Tramuntana ta' Copenhagen. Il-Jægersborg Dyrehave li tħaddan il-Jægersborg Hegn hija l-eqreb tal-belt kapitali tul il-kosta tal-Lvant tal-peniżola. L-iStore Dyrehave, b'għamla kwadra, tinsab fit-Tramuntana fiċ-ċentru tal-peniżola, filwaqt li Gribskov, iktar lejn it-Tramuntana, tinsab biswit Esrum Sø. L-iStore Dyrehave u Gribskov ma tantx jinsabu 'l bogħod mill-Palazz ta' Frederiksborg u r-raħal ta' Hillerød.[3]
Sfond
[immodifika | immodifika s-sors]Il-foresti u l-binjiet relatati fit-tliet postijiet fit-Tramuntana ta' Copenhagen kienu jiffurmaw parti mill-pajsaġġ tal-kaċċa Barokk iddisinjat fl-aħħar tas-seklu 17 u fil-bidu tas-seklu 18 għall-monarki Daniżi biex jieħdu sehem fil-kaċċa Medjevali magħrufa wkoll bħala par force. L-istorja tal-inħawi għall-kaċċa tmur lura għall-Medju Evu meta r-rejiet Daniżi, il-knisja u nies nobbli kellhom proprjetajiet u artijiet tal-kaċċa fil-foresti u fir-raba' bl-għoljiet tal-peniżola. B'rabta mar-Riformazzjoni Daniża, fl-1536 ir-Re Federiku II kkonfiska l-proprjetajiet li kien sjieda tal-Knisa Kattolika. Mill-1560, id-diversi proprjetajiet ġew magħqudin flimkien biex jiġi stabbilit park irjali estensiv tal-kaċċa fil-peniżola tat-Tramuntana ta' Zealand. Madankollu, kien ir-Re Christian V, li mill-1670, qabbad lill-armata tiegħu jaħdmu biex joħolqu park għall-kaċċa Medjevali taċ-ċriev madwar il-Kastell ta' Ibstrup. F'żogħżitu, ir-re kien esperjenza l-kaċċa Medjevali fil-foresta ta' Saint-Germain-en-Laye fi Franza. Imbagħad hu importa l-klieb tal-kaċċa u l-kaċċaturi mill-Ingilterra, u bidel isem il-kastell għal Jægersborg (il-kastell tal-kaċċatur) u stabbilixxa l-Jægersborg Dyrehave (il-park taċ-ċriev ta' Jægersborg).[4]
Wieħed mill-iżjed aspetti importanti tal-kaċċa Medjevali magħrufa bħala par force kien li kien jipprovdi bażi għat-turija tal-poter assolut tal-monarka permezz tal-iżvilupp ta' network ta' toroq f'pajsaġġ wieħed. L-inħawi tal-peniżola kollha tat-Tramuntana ta' Zealand ġiet żviluppata b'sistema ta' toroq Karteżjana li tikkonsisti f'għamla ta' stilla mdawra b'għamliet kwadri distinti. Il-markaturi tal-ġebel kienu jindikaw jekk it-toroq kinux iwasslu lejn iċ-ċentru tal-istilla jew 'il bogħod minnu. L-approċċ matematiku kien isaħħaħ l-immaġni tar-re bħala rappreżentant tar-raġuni f'konformità mal-ideali Barokki. Il-ġeometrija ortogonali Daniża tas-sistemi tat-toroq kienet titjib fir-rigward tal-grilji b'għamla ta' stilla li kienu jintużaw fi Franza u fil-Ġermanja, peress li kienet tipprovdi aċċess ugwali għall-partijiet kollha tal-foresta.
Il-park tal-kaċċa ta' Jægersborg ma kien fih l-ebda network ta' toroq b'għamla ta' stilla, iżda minflok kien ibbażat fuq il-preżenza ta' loġġa rjali tal-kaċċa, magħrufa inizjalment bħala l-Eremitaġġ jew Villa Hubertus. Fl-1736, din inbniet mill-ġdid bi stil Barokk bħala l-Ermitageslottet jew il-Loġġa tal-Kaċċa tal-Eremitaġġ, b'veduta grandjuża fuq il-kumplament tal-pajsaġġ mill-pożizzjoni tagħha fil-quċċata ta' għolja.
Mużew Daniż tal-Kaċċa u tal-Forestrija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tax-xogħol ta' tħejjija tan-nominazzjoni tas-sit bħala sit indikattiv twettaq minn Jette Baagøe, id-direttur tal-Mużew Daniż tal-Kaċċa u tal-Forestrija f'Hørsholm u l-President tal-grupp ta' tmexxija li ħadem fuq in-nominazzjoni mill-2010. Il-mużew tħejja biex jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tas-sit u jikkoordina b'mod prinċipali l-informazzjoni u l-aħbarijiet dwar is-sit. Abbażi taż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' viżitaturi fil-Mużew ta' Stevns Klint wara li dak is-sit żdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014[5], Baagøe antiċipa li iżjed viżitaturi kienu se jżuru l-mużewijiet tat-Tramuntana ta' Zealand wara d-deżinjazzjoni mill-UNESCO, speċjalment il-Mużew Daniż tal-Kaċċa u tal-Forestrija, u għalhekk minn Ottubru 2015 wirja speċjali permanenti dwar is-sit tħejjiet fil-mużew.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ tal-Kaċċa Medjevali (magħrufa wkoll bħala par force) fit-Tramuntana ta' Zealand ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2015.[1][2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Sites in Denmark, France and Turkey inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "The par force hunting landscape in North Zealand". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ "A par force hunting landscape in North Zealand, Denmark - World Heritage. The Danish Museum of Hunting and Forestry" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-07-16. Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Jette Baagøe (2012). "The North Zealand par force hunting landscape: Ansøgningsbilag 1". Allerød Kommune". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-07-16.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stevns Klint". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-23.
- ^ "Dansk jagt- og skovbrugsmuseum: Dansk jagt- og skovbrugsmuseum: Verdensarv i Nordsjælland". web.archive.org. 2015-07-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-07-22. Miġbur 2022-08-23.