Aqbeż għall-kontentut

Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Polonja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-pjazza ewlenija taċ-ċentru storiku ta' Krakovja

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Polonja rratifikat il-Konvenzjoni fid-29 ta' Ġunju 1976, u b'hekk is-siti storiċi tagħha saru eliġibbli biex jiżdiedu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Mill-2021, il-Polonja għandha 17-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; 15 minnhom huma siti kulturali u 2 huma siti naturali. L-ewwel żewġ siti li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kienu l-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka[4] u ċ-Ċentru Storiku ta' Krakovja, fl-1978.[5] L-iżjed żieda reċenti huwa l-Park Nazzjonali ta' Bieszczady bħala estensjoni tal-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa, li żdied f'Lulju 2021.[6] Erba' mis-siti huma transnazzjonali. Il-Foresta ta' Białowieża hija kondiviża mal-Belarussja[7], it-Tserkva tal-Injam tal-Karpazji mal-Ukrajna[8], il-Park ta' Muskau / il-Park ta' Mużakowski mal-Ġermanja[9] u l-Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu ma' 18-il pajjiż Ewropew.

Siti ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[10]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post (makroreġjun) Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-għażla Deskrizzjoni
Ċentru Storiku ta' Krakovja Krakow main square from above Makroreġjun tan-Nofsinhar 1978 iv (kulturali) Il-belt ta' Krakovja, stabbilita fl-1257, hija l-belt kapitali l-antika tal-Polonja. Iċ-ċentru storiku jinkorpora tliet raggruppamenti urbani, il-belt Medjevali ta' Krakovja, il-kumpless tal-Għolja ta' Wawel (ir-residenza rjali flimkien mal-Katidral ta' Wawel fejn indifnu diversi rejiet tal-Polonja), u r-raħal ta' Kazimierz, inkluż is-subborg ta' Stradom, li ssawwar mir-residenti Kattoliċi u Lhud. Krakovja kienet belt tal-arti u tal-artiġjanat, f'salib it-toroq bejn il-Lvant u l-Punent. Il-belt ippreservat livell għoli ta' integrità u tinkludi binjiet u karatteristiċi fi stili mir-Rumanesk bikri sal-Moderniżmu. Fl-2010 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[5]
Minjieri Rjali tal-Melħ ta' Wieliczka u ta' Bochnia Underground hall from above, chandeliers and tourists Makroreġjun tan-Nofsinhar 1978 iv (kulturali) Iż-żoni madwar Wieliczka u Bochnia fihom depożiti tal-melħ tal-blat, li ilu jiġi estratt mis-seklu 13. Mijiet ta' kilometri ta' mini fiż-żewġ minjieri fihom ukoll opri tal-arti, bħal skulturi mnaqqxin fil-melħ u kappelli taħt l-art. Il-minjieri joħorġu fid-dieher l-iżvilupp tat-teknoloġiji tax-xogħol fil-minjieri fl-Ewropa. Il-Minjiera tal-Melħ ta' Wieliczka għall-ewwel tniżżlet waħedha fl- 1978. Ħdax-il sena wara, żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu minħabba t-theddidiet tal-umdità fil-konfront tal-iskulturi. Wara programm ta' konservazzjoni bl-installazzjoni ta' tagħmir effiċjenti ta' deumidifikazzjoni fil-minjiera, tneħħiet mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu fl-1998. Fl-2008 saret modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit. Il-Minjiera tal-Melħ ta' Bochnia żdiedet fl-2013.[4][11]
Auschwitz-Birkenau, il-Kampijiet ta' Konċentrament u ta' Sterminju Nażisti Ġermaniżi (1940-1945) Entrance gate in red brick and railway tracks Makroreġjun tan-Nofsinhar 1979 vi (kulturali) Auschwitz kien network ta' kampijiet ta' konċentrament u ta' sterminju Nażisti li nbnew u ġew operati mit-Tielet Reich f'żoni Pollakki annessi mill-Ġermanja Nażista matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien l-ikbar wieħed fost il-kampijiet ta' konċentrament Ġermaniżi. Is-Sit ta' Wirt Dinji jkopri lil Auschwitz I (il-kamp ewlieni), Auschwitz II-Birkenau (il-kamp ta' sterminju), u qabar tal-massa.[12]

Is-sit oriġinarjament kien imsejjaħ "Kamp ta' Konċentrament ta' Auschwitz", iżda fuq talba tal-Polonja l-isem inbidel għal "Auschwitz- Birkenau" bis-sottotitlu ta' "Kampijiet ta' Konċentrament u ta' Sterminju Nażisti Ġermaniżi (1940-1945)".[13]

Foresta ta' Białowieza* Three grazing European bison Makroreġjun tal-Lvant - Podlaskie 1979 vii (naturali) Il-Foresta ta' Białowieża hija kumpless forestali kbir, li jinkludi foresti primordjali estensivi, fil-fruntiera bejn il-Polonja (il-Park Nazzjonali ta' Białowieża) u l-Belarussja (il-Park Nazzjonali ta’ Belovezhskaya Pushcha). Hija eżempju tal-ekoreġjun terrestri b'foresti mħallta fl-Ewropa Ċentrali, u firxa ta' ħabitats mhux forestali assoċjati, inkluż mergħat imxarrbin, widien tax-xmajjar, u artijiet mistagħdra oħra. Iż-żona tospita l-ikbar popolazzjoni fis-selvaġġ ta' biżonti Ewropej, kif ukoll lupi, linċi, u lontri. Il-parti Pollakka tas-sit kienet l-ewwel li żdiedet fil-lista fl-1979. Il-parti fil-Belarussja żdiedet fil-lista fl-1992, filwaqt li fl-2014 saret estensjoni kbira taż-żona protetta.[7]
Ċentru Storiku ta' Varsavja Market square, colourful houses in the background, tourists in restaurants in front Makroreġjun Mazowieckie 1980 ii, vi (kulturali) Varsavja, il-belt kapitali tal-Polonja, inqerdet apposta mit-truppi Nażisti wara r-Rewwixta ta' Varsavja fl-1944. Iżjed minn 85 % taċ-ċentru storiku ġie meqrud. Wara l-gwerra saret kampanja ta' restawr ta' ħames snin, u wasslet għar-restawr metikoluż taċ-ċentru storiku. Il-proċess ta' rikostruzzjoni kompla fis-snin 60 tas-seklu 20 u ntemm bil-ftuħ tal-Kastell Irjali għall-viżitaturi fl-1984.[14]
Ċentru Storiku ta' Zamość A row of colourful houses Makroreġjun tal-Lvant - Lublin 1992 iv (kulturali) Zamość ġie stabbilit fis-seklu 16 minn Jan Zamoyski. Iddisinjat mill-arkitett Bernardo Morando minn Padova, huwa eżempju perfett ta' raħal tal-aħħar tar-Rinaxximent. Il-konfigurazzjoni oriġinali tar-raħal ġiet ippreservata, flimkien mal-fortifikazzjonijiet u diversi binjiet li jikkombinaw l-influwenzi arkitettoniċi mill-Italja ma' dawk tal-Ewropa Ċentrali.[15]
Kastell tal-Ordni Tewtonika f'Malbork Front view of a castle tower in red brick Makroreġjun tat-Tramuntana - Pomorskie 1997 ii, iii, iv (kulturali) Il-Kastell ta' Malbork inbena mill-Kavallieri Tewtoniċi, ordni reliġjuża Kattolika Rumana Ġermaniża ta' dawk li wettqu l-Kruċjati, wara li s-sede tal-Gran Mastru ġiet ittrasferita lejn Malbork minn Venezja fl-1309. Il-kastell huwa eżempju klassiku ta' kastell Medjevali tal-brikks bi stil Gotiku. Ġarrab xi ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija iżda iktar 'il quddiem ġie rrestawrat bir-reqqa.[16]
Raħal Medjevali ta' Toruń Red brick gothic town hall, tourists around Makroreġjun tat-Tramuntana - Kujawsko-Pomorskie 1997 ii, iv (kulturali) Toruń ġie stabbilit mill-Kavallieri Tewtoniċi li bnew kastell hemmhekk f'nofs is-seklu 13 bħala bażi għall-evanġelizzazzjoni tal-Prussja. Iktar 'il quddiem kien membru tal-Lega Anseatika u ċentru kummerċjali importanti bejn iż-żona Baltika u l-Lvant tal-Ewropa. Ir-raħal Medjevali ġie ppreservat sew, inkluż diversi djar importanti tal-brikks bi stil Gotiku, bħad-dar tal-matematiku u tal-astronomu Nicolaus Copernicus.[17]
Kalwaria Zebrzydowska: il-Park Pajsaġġistiku u Arkitettoniku Manjerist u l-Park tal-Pellegrinaġġ Church with white walls, red roof and copper-covered domes Makroreġjun tan-Nofsinhar 1999 ii, iv (kulturali) Il-kumpless reliġjuż (kalvarju) ġie stabbilit mill-vojvodat ta' Krakovja Mikołaj Zebrzydowski fil-bidu tas-seklu 17. Jikkonsisti minn monasteru u għadd ta' knejjes, kappelli u santwarji li nbnew bl-istil Manjerist. Huwa eżempju straordinarju ta' santwarji kalvarju fil-perjodu tal-Kontroriformazzjoni. Prattikament baqa' kif kien mill-kostruzzjoni tiegħu, u għadu jintuża bħala sit attiv tal-pellegrinaġġi fis-seklu 21.[18]
Knejjes tal-Paċi f'Jawor u fi Swidnica Interior view of a church, richly decorated wooden details Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie 2001 ii, iv, vi (kulturali) Il-Knejjes tal-Paċi f'Jawor u fi Świdnica fis-Silesja ngħataw isem it-Trattat tal-Paċi ta' Westfalen tal-1648, li ppermetta lil-Luterani fl-inħawi Kattoliċi Rumani tas-Silesja jibnu tliet knejjes Evanġeliċi tal-injam u t-tafal 'il barra mis-swar tal-belt. Barra minn hekk, kundizzjonijiet oħra tal-bini kienu jiddettaw li l-knejjes ma jkollhomx torri u li l-kostruzzjoni titlesta fi żmien sena. It-tielet knisja nbniet f'Głogów fl-1652, iżda nħarqet seklu wara.[19]
Knejjes tal-Injam tan-Nofsinhar ta’ Małopolskie Wooden church with a small spire, surrounded by trees Makroreġjun tan-Nofsinhar - Małopolskie 2003 iii, iv (kulturali) Is-sitt knejjes (il-Knisja ta’ San Nikola u l-Arkanġlu Mikiel (Binarowa), il-Knisja tal-Qaddisin Kollha (Blizne), il-Knisja tal-Arkanġlu Mikiel (Dębno), il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna (Haczów), il-Knisja ta’ San Anard (Lipnica Murowana), il-Knisja ta’ San Filep u San Ġakbu (Sękowa)) jirrappreżentaw l-eqdem knejjes tal-injam u l-iżjed ippreservati tajjeb fir-reġjun. Inbnew bi stil Gotiku, iżda huma differenti mill-binjiet tal-ġebel jew tal-brikks kontemporanji fil-bliet. Dawn il-knejjes ġew sponsorjati minn familji nobbli u huma mżejnin b'mod rikk fuq ġewwa.[20]
Park ta' Muskau* Red castle, pond in front Makroreġjun tal-Lvant - Lubusz 2004 i, iv (kulturali) Il-park jinsab tul ix-xtut tax-xmara Neisse u huwa kondiviż bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Inħoloq mill-Prinċep Hermann von Puckler-Muskau mill-1815 sal-1844, bl-użu ta' pjanti lokali u ambjenti naturali. Id-disinn tal-park influwenza l-iżvilupp tal-professjoni tal-arkitettura tal-pajsaġġi. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija ġarrab ħsarat kbar, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn ġie restawrat fiż-żewġ pajjiżi.[9]
Sala taċ-Ċentenarju Large concrete dome with an open space in front Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie 2006 i, ii, iv (kulturali) Is-Sala taċ-Ċentenarju hija binja Modernista bikrija magħmula bil-konkos rinfurzat. Ġiet iddisinjata minn Max Berg bħala post multifunzjonali biex isservi bħala sala tal-wirjiet jew assemblea u biex tospita avvenimenti sportivi, kunċerti, u spettakli teatrali. Meta nbniet fl-1911-1913, is-sala kellha l-ikbar koppla tal-konkos rinfurzat fid-dinja. Serviet bħala punt ta' referenza għal binjiet li nbnew iktar 'il quddiem b'dan il-materjal.[21]
Tserkva tal-Injam tal-Karpazji fil-Polonja u fl-Ukrajna* Wooden church surrounded by trees Makroreġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant - Małopolskie u Podkarpackie 2013 iii, iv (kulturali) Dan is-sit huwa magħmul minn 16-il knisja tal-injam (tserkvas) fil-Karpazji; nofshom fil-Polonja u l-kumplament fl-Ukrajna. Il-knejjes inbnew bejn is-sekli 16 u 19 mill-komunitajiet ta' fidi Ortodossa tal-Lvant u Kattolika Griega. Id-disinni huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet ekkleżjastiċi Ortodossi b'influwenzi lokali. Fihom torrijiet tal-kampnari tal-injam, ikonostażi, u tiżjin polikromatiku fuq ġewwa, kif ukoll btieħi, imħażen, u ċimiterji. Fir-ritratt tidher it-Tserkva ta' San Mikiel l-Arkanġlu fi Smolnik.[8]
Minjiera taċ-Ċomb, tal-Fidda u taż-Żingu ta' Tarnowskie Góry u s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Ilma Tagħha ta' Taħt l-Art Mine shaft with two figures representing miners Makroreġjun tan-Nofsinhar - Śląskie 2017 i, ii, iv (kulturali) Din il-minjiera storika taċ-ċomb, tal-fidda u taż-żingu tinsab f'Tarnowskie Góry. Minħabba li tinsab fuq promontorju, kellha problemi sostanzjali bid-drenaġġ tal-ilma meta mqabbla ma' minjieri oħra li jinsabu f'żoni muntanjużi. F'iżjed minn 300 sena ta' tħaddim tal-minjiera, intużaw tekniki differenti biex jitneħħa l-ilma mill-mini tagħha, inkluż pompi mħaddma bl-istim fis-seklu 19.[22]
Reġjun Preistoriku tal-Estrazzjoni taż-Żnied bl-Istrixxi ta' Krzemionki Mine shaft, artificial light Makroreġjun Ċentrali - Świętokrzyskie 2019 iii, iv (kulturali) Krzemionki jinkludi erba' minjieri taż-żnied bl-istrixxi min-Neolitiku sa Żmien il-Bronż Bikri (madwar it-3900 sal-1600 Q.K.). Iż-żnied kien jintuża l-iktar għall-mannari. Instabu iktar minn 4,000 xaft u fossa, kif ukoll postijiet fejn kien jinħadem iż-żnied. B'hekk Krzemionki jħaddan waħda mill-iżjed sistemi tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar taż-żnied preistoriċi komprensivi taħt l-art identifikati sa issa.[23]
Foresti Antiki u Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji u ta' Reġjuni Oħra tal-Ewropa* Foggy forest Makroreġjun tal-Lvant - Podkarpackie 2021 ix (naturali) Il-Foresti Primordjali tal-Fagu tal-Karpazji jintużaw biex jiġi studjat it-tifrix tas-siġar tal-fagu (Fagus sylvatica) fl-Emisferu tat-Tramuntana f'varjetà ta' ambjenti u l-ambjent fil-foresti. Is-sit tniżżel għall-ewwel darba fl-2007 b'komponenti mis-Slovakkja u mill-Ukrajna. Ġie estiż fl-2011, fl-2017, u fl-2021 biex jiġu inklużi l-foresti f'total ta' 18-il pajjiż. Il-Park Nazzjonali ta' Bieszczady fil-Polonja żdied fil-lista fl-2021.[6]
  1. "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. "Poland - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-10-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-20. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Wieliczka and Bochnia Royal Salt Mines". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  5. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Kraków". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  6. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Ancient and Primeval Beech Forests of the Carpathians and Other Regions of Europe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  7. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Białowieża Forest". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  8. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Tserkvas of the Carpathian Region in Poland and Ukraine". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  9. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Muskauer Park / Park Mużakowski". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  10. "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-04-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee Removes Old City of Dubrovnik and Wieliczka Salt Mine from its List of Endangered Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  12. Centre, UNESCO World Heritage. "Auschwitz Birkenau German Nazi Concentration and Extermination Camp (1940-1945)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  13. Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee approves Auschwitz name change". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  14. Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Warsaw". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  15. Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Zamość". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  16. Centre, UNESCO World Heritage. "Castle of the Teutonic Order in Malbork". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  17. Centre, UNESCO World Heritage. "Medieval Town of Toruń". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  18. Centre, UNESCO World Heritage. "Kalwaria Zebrzydowska: the Mannerist Architectural and Park Landscape Complex and Pilgrimage Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  19. Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Peace in Jawor and Świdnica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-13.
  20. Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Churches of Southern Małopolska". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
  21. Centre, UNESCO World Heritage. "Centennial Hall in Wrocław". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
  22. Centre, UNESCO World Heritage. "Tarnowskie Góry Lead-Silver-Zinc Mine and its Underground Water Management System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.
  23. Centre, UNESCO World Heritage. "Krzemionki Prehistoric Striped Flint Mining Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-14.