Knejjes tal-Injam tan-Nofsinhar ta’ Małopolskie
Il-Knejjes tal-Injam tan-Nofsinhar ta’ Małopolskie (bil-Pollakk: drewniane kościoły południowej Małopolski) huma grupp ta’ sitt knejjes Kattoliċi Rumani tal-injam li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Małopolski, fix-Xlokk tal-Polonja, preċiżament f’Binarowa, f’Blizne, f’Dębno, f’Haczów, f’Lipnica Murowana u f’Sękowa, u li huma mniżżlin fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fir-reġjun, u fl-Ewropa Ċentrali inġenerali, hemm bosta knejjes oħra tal-injam (bħal pereżempju l-kollezzjonijiet ta’ knejjes tal-injam fil-mużewijiet fil-beraħ f’Sanok u f’Nowy Sącz), iżda dawn is-sitta huma l-iktar rappreżentattivi ta’ aspetti differenti tat-tradizzjonijiet tal-kostruzzjoni tal-knejjes Gotiċi Medjevali.[2]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]L-istil ta’ dawn il-knejjes tal-injam fir-reġjun oriġina mill-aħħar perjodu Medjevali, lejn l-aħħar tas-seklu 16, u beda bit-tiżjin Gotiku u bid-dettalji polikromatiċi, iżda peress li l-kostruzzjoni kienet bl-injam, l-istruttura, l-għamla u s-sensazzjoni ġenerali mqanqla mill-arkitettura Gotika jew Gotika Pollakka. Il-knejjes tal-injam li nbnew iktar tard kellhom influwenza ornamentali mill-arkitettura Rokokò u Barokka.[2] L-għamla ta’ dawn il-knejjes Kattoliċi Rumani hija influwenzata ferm mill-preżenza Kattolika Griega u Ortodossa fir-reġjun. Uħud mill-knejjes tal-injam għandhom pjanta b’għamla ta’ salib Grieg u koppli b’għamla ta’ basla, iżda l-iktar knejjes interessanti mill-puntdivista arkitettoniku jikkombinaw dawn il-karatteristiċi mal-għamliet Rumani b’navati twal u bl-ispieri.[1][2]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knejjes tal-Injam tan-Nofsinhar ta’ Małopolskie ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Lista tas-sitt knejjes tal-injam
[immodifika | immodifika s-sors]Ritratt | Isem | Post u Koordinati[3] | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|
Kościół św. Michała Archanioła | Binarowa, il-Polonja
49° 45′ 26,3″ N, 21° 13′ 38,9″ E |
Il-Knisja ta’ San Nikola u l-Arkanġlu Mikiel inbniet fis-sena 1500 bl-istil Gotiku. It-torri tal-kampnar tal-knisja nbena fl-1596. Minn ġewwa, mal-ħitan tal-injam, il-knisja miksija pitturi bil-kulur tas-seklu 17, l-iktar b’xeni tal-passjoni ta’ Kristu. L-artal ċentrali għandu stil Barokk u ħdejn id-daħla tal-knisja fuq ġewwa hemm battisterju Gotiku tal-ġebel.[2] | |
Kościół Wszystkich Świętych | Blizne, il-Polonja
49° 45′ 7,5″ N, 21° 58′ 43,3″ E |
Il-Knisja tal-Qaddisin Kollha inbniet fl-1470 bi stil Gotiku u t-torri tal-kampnar tal-knisja żdied wara f’nofs is-seklu 17. Il-pitturi polikromatiċi jiksu l-ħitan u l-għamara tal-knisja fuq ġewwa, b’xeni tal-ħajja ta’ Kristu u ta’ Jum il-Ġudizzju. Apparti l-artal Barokk tas-seklu 18, jispikkaw il-pulptu Rinaxximentali tal-1604 u l-battisterju tal-injam tas-seklu 18 miżmum fuq ras anġlu u b’għatu f’għamla ta’ kuruna.[2] | |
Kościół św. Michała Archanioła | Dębno
49° 27′ 59,3″ N, 20° 12′ 43,3″ E |
Il-Knisja tal-Arkanġlu Mikiel inbniet fl-1490 u t-torri tal-kampnar tal-knisja żdied fl-1601. It-tabernaklu Gotiku tal-injam tal-bidu tas-seklu 14 huwa uniku fil-Polonja. Il-knisja fuq ġewwa hija miksija pitturi Medjevali ġeometriċi u d-dettall tagħhom speċjalment fis-saqaf qisu rakkmu tal-bizzilla.[2] | |
Kościół Wniebowzięcia | Haczów, il-Polonja
49° 40′13,3″N, 21° 53′ 23,9″E |
Il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna nbniet lejn l-aħħar tas-seklu 14 u x’aktarx li hija l-eqdem u l-ikbar knisja tal-injam bi stil Gotiku fir-reġjun. It-torri tal-kampnar tal-knisja bi stil Barokk żdied wara fis-seklu 17. Fost il-pitturi polikromatiċi mal-ħitan tal-knisja u mal-għamara fuq ġewwa, l-iktar waħda li tispikka hija dik tal-inkurunazzjoni tal-Madonna maġenb it-Trinità Mqaddsa.[2] | |
Kościół św. Leonarda | Lipnica Murowana, il-Polonja
49° 51′37,6″N, 20° 31′ 49,4″E |
Il-Knisja ta’ San Anard inbniet lejn l-aħħar tas-seklu 15 u ma għandhiex torri tal-kampnar. Mad-dawra tagħha hemm ċimiterju żgħir. Din il-knisja hija l-iktar waħda mis-sitta li għandha stil arkajku. Fuq ġewwa jispikka l-pulptu mpitter bi stil Barokk tas-seklu 18. Fl-2010, il-knisja ġarrbet xi ħsarat minħabba għargħar iżda ġiet irrestawrata għalkollox.[2] | |
Kościół św. Filipa i św. Jakuba | Sękowa, il-Polonja
49° 37′50,3″N, 21° 11′ 9,9″ E |
Il-Knisja ta’ San Filep u San Ġakbu nbniet fl-1520 u t-torri tal-kampnar tal-knisja żdied fis-seklu 18. Fuq ġewwa, il-knisja fiha għadd ta’ skulturi tas-seklu 17. Element arkitettoniku li jispikka huwa l-portal tal-Punent b’qafas trifolju mżejjen bit-tinqix fl-injam.[2] |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Churches of Southern Małopolska". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
- ^ a b ċ d e f ġ g għ Parma, Christian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). Parma Press. pp. 128–141. ISBN 978-8377771556.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Maps - Wooden Churches of Southern Małopolska". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.