It-Trinità Mqaddsa
Il-kelma Trinità ma tinstabx fil-Bibbja. Hi kelma użata mill-Kristjani sa minn żminijiet bikrija tal-knisja biex jesprimu veritajiet dwar Alla mgħallma fil-Bibbja. Bl-istess mod nużaw kliem bħal providenza u inkarnazzjoni, li għalkemm ma nsibuhomx fl-Iskrittura jirreferu għall-tagħlim bibliku. Min jista’ jghid, Jien ma nemminx li Alla jieħu ħsieb kollox għax providenza ma tinstabx fil-Bibbja? Min jista’ jgħid: Ma nemminx li l-Kelma saret ġisem ghax inkarnazzjoni mhix kelma biblika? Wara kollox lanqas il-frażi Il-Bibbja Mqaddsa ma nsibu fl-Iskrittura! B’daqshekk ħadd ma jiċħad il-Bibbja! Hekk ukoll mhix raguni li tiċħad it-Trinità għax il-kelma ma tinsabx fil-Bibbja. L-interess tagħna mhux tant fil-kelma Trinità, imma fit-tagħlim li tirrappreżenta.
Il-kelma Trinità ġejja minn żewg kelmiet Latini, tres (tlieta) u unitas (wieħed). Hemm, mela, l-ħsieb ta’ pluralità f’unità, jew unità fi pluralità. Hemm tlett veritajiet ewlenin li jifformaw din id-dottrina.
- Hemm Alla wieħed.
- Il-Missier hu Alla; L-Iben hu Alla; L-Ispirtu s-Santu hu Alla.
- Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma persuni distinti minn xulxin.
Dawn it-tlett stqarrijiet huma mghallma fil-Bibbja, kif se naraw. Nistiednek tfittex ir-referenzi fl-Iskrittura biex tikkonferma l-provi li Alla hu wiehed u tkun ċert ukoll mid-divinità tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Alla wiehed
[immodifika | immodifika s-sors]It-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid jgħallmu ċar li hemm Alla wieħed: “Isma’, o Iżrael: Il-Mulej (Jahwe), Alla tagħna, hu Mulej (Jahwe) wieħed!” (Dewterenomju 6:4). “Hekk jgħid il-Mulej, is-Sultan ta’ Iżrael, u l-feddej tiegħek, il-Mulej ta’ l-eżerċti: Jien l-ewwel, u jien l-aħħar; u m’hemmx Alla ieħor għajri” (Isaija 44:6). “Hemm Alla wieħed; u m’hemmx ieħor għajru” (Mark 12:32).
Il-pagani jemmnu f’ħafna allat. Saħansitra Satana jitqies bħala “Alla ta’ din id-dinja.” Iżda l-Insara ma jagħrfux ‘ll-allat pagani għax jieħdu bis-serjetà l-ewwel kmandament: “Ma jkollokx allat oħra quddiemi” (Esodu 20:3). Il-Kristjani jirrifjutaw il-politeiżmu (twemmin f’ħafna allat) għax “l-allat kollha tal-ġnus huma idoli” - allat foloz (Salm 96:5). Bħalma jikteb l-appostlu Pawlu: “Għalkemm hemm sew fis-sema u kemm fl-art dawk li jgħidulhom allat; (u hemm ħafna allat u ħafna sidien) imma għalina hemm Alla wieħed (1 Korintin 8:5,6).
Alla veru jingħaraf minn allat oħra għax hu waħdu l-ħallieq, is-salvatur u l-imħallef tad-dinja. Hu biss etern, jista’ kollox, jinsab kullimkien, jaf kollox u ma jinbidilx. Ismu hu Jahwe. Hu waħdu s-Sid tas-sidien. Lilu biss għandna nqimu u naqdu u nħobbu b’qalbna kollha. F’ismu biss għandna nemmnu għas-salvazzjoni tagħna.
Il-Missier hu Alla
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Testment il-Ġdid Alla sikwit jissejjaħ il-Missier. “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” (Efesin 1:3).Alla mhux Missier minħabba wliedu maħluqin (l-anġli) jew uliedu adottivi (in-nies mifdija). Alla hu Missier minħabba l-Iben il-waħdieni tiegħu. Alla hu Missier etern, minn qabel ma kienet id-dinja, għaliex kien minn dejjem ma’ Ibnu. Il-Mulej Ġesù talbu: “U issa, o Missier, igglorifikani int bik innifsek bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja” (Ġwanni 17:5). Ladarba ma jistax ikun Missier mingħajr Iben, min jiċħad li l-Iben hu etern jiċħad lill-Missier ukoll.
L-Iben hu Alla
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bibbja tgħallem ċar li l-Iben hu Alla daqs il-Missier. L-appostlu Tumas indirizzah: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” u l-Missier stess qallu: “It-tron tiegħek, o Alla, hu għal dejjem ta’ dejjem” (Ġwanni 20:28; Lhud 1:8). L-Iben huwa l-Ħallieq: “Int, Mulej, fil-bidu qegħidt is-sisien ta’ l-art; u xogħol idejk huma s-smewwiet’ (Lhud 1:10). L-Iben hu s-Salvatur tad-dinja: “Alla l-kbir u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Titus 2:13). L-Iben hu “l-Imħallef tal-ħajjin u l-mejtin” u jista’ jaħfer id-dnubiet (Atti 10:42; Mark 2:5-12). L-Iben hu Mulej (Kyrios, l-isem ta’ Jahwe fit-Testment il-Ġdid), “is-Sid ta’ kulħadd” u “s-Sid tas-sidien” (Filippin 2:11; Atti 10:36; Rivelazzjoni 19:16).
L-Iben hu etern għax jissejjaħ “missier għal dejjem,” “il-ħajja eterna” u nislu “mill-jiem ta’ dejjem” (Isaija 9:6; 1 Ġwanni 1:2; Mikea 5:2). L-Iben jista’ kollox għax “dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmel l-Missier, dawn l-Iben jagħmel ukoll” (Ġwanni 5:19). L-Iben jinsab kullimkien, għalhekk wiegħed lid-dixxipli tiegħu “Ara, jien dejjem magħkom, sa tmiem id-dinja,” u, “Fejn tnejn jew tlieta huma miġburin flimkien f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mattew 28:20; 18:20). L-Iben jaf kollox, kif stqarr l-appostlu Pietru: “Mulej, int taf kollox” (Ġwanni 21:17). L-Iben ma jinbidilx: “Ġesù Kristu l-bieraħ, u llum, hu l-istess, u jibqa” għal dejjem” (Lhud 13:8).
Il-profeti tat-Testment il-Qadim wegħdu li l-Mulej (Jahwe) kellu jżur il-poplu tiegħu: “Ħejju triq il-Mulej, wittu fid-deżert triq lil Alla tagħna.” Din il-profezija seħħet mal-miġja ta’ Ġesù Kristu kif ħabbar Ġwanni l-Battista. “Dan hu dak li fuqu tkellem il-profeta Isaija, li jgħid: Il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu” (Isaija 40:3; Mattew 3:3). Il-Messija huwa Jahwe nnifsu.
L-Iskrittura tafferma d-divintà sħiħa ta’ l-Iben meta tikkmandana nħobbuh b’qalbna kollha, nonorawh u nqimuh bħala Alla, u nemmnu fih għas-salvazzjoni tagħna (ara Mattew 10:37-39; Ġwanni 5:23; Rivelazzjoni 5:8-12; Efesin 1:13).
Meta l-appostlu Filippu staqsih biex jurihom ‘ll-Missier, Ġesù wieġeb: “Ilni daż-żmien kollu magħkom, u għadek ma tafnix Filippu? Min ra lili ra ‘l Missier; u kif tgħid int mela: Urina ‘ll-Missier?” (Ġwanni 14:9). Din l-istqarrija kienet tkun l-akbar dagħwa kieku l-Iben mhux Alla daqs il-Missier. Imma ladarba l-kelma tiegħu hi verità, l-Iben hu tassew Alla.
L-Ispirtu hu Alla
[immodifika | immodifika s-sors]Id-divinità ta’ l-Ispirtu s-Santu hi evidenti għax hu “l-Ispirtu t’Alla tagħna” u “l-Ispirtu tal-Mulej,” u mhux l-ispirtu ta’ xi ħlejqa spiritwali bħall-anġli (2 Korintin 6:11; Luqa 4:18). Kif jista’ jkun l-Ispirtu t’Alla ma jkunx Alla?
L-Ispirtu jwettaq l-għemejjel divini, fosthom il-ħolqien - “Int tibgħat l-Ispirtu tiegħek u huma jinħolqu” (Salm 104:30). Il-qarrej ukoll jista’ jistqarr: “L-Ispirtu t’Alla għamilni” (Ġob 33:4). L-Ispirtu s-Santu jagħti l-ħajja u s-salvazzjoni. Il-Mulej Ġesù qal: “Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja (Ġwanni 6:63), u l-appostlu jfakkar l-Insara li Alla salvahom “bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid u t-tiġdid ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Titus 3:5). Hu mexxa wkoll il-kittieba ta’ l-Iskrittura biex jiktbu l-kelma t’Alla, “nies qaddisa, mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu, tkellmu” (2 Pietru 1:21).
L-Ispirtu hu Alla għax għandu l-attributi divini: l-Ispirtu huwa etern (Lhud 9:14); jinsab kullimkien (“Fejn immur bogħod mill-Ispirtu tieghek?” - Salm 139:7); u jaf kollox (“l-Ispirtu jfittex kollox, iva, sa l-għammieq t’Alla...dak li hemm f’Alla ma jafu ħadd, ħlief l-Ispirtu t’Alla” - 1 Korintin 2:10,11).
Il-kittieba tat-Testment il-Gdid identifikaw l-Ispirtu bħala Jahwe: “Ta’ dan hemm xhieda wkoll l-Ispirtu s-Santu, għax wara dan kien qal: “Din hi r-rabta li nagħmel magħhom,” jgħid il-Mulej...” (Lhud 10:15-17; cf. Ġeremija 31:33-34). Ladarba kliem il-Mulej (Jahwe) huwa kliem l-Ispirtu s-Santu, jidher ċar li l-Ispirtu hu l-Mulej. Hekk ukoll jiddikjara l-appostlu Pawlu: “Il-Mulej huwa l-Ispirtu” (2 Korintin 3:17).
Darba l-appostlu Pietru staqsa: “Hananija, għaliex imlielek qalbek ix-xitan biex tigdeb lill-Ispirtu s-Santu...Mhux lill-bnedmin gdibt, imma ‘l Alla” (Atti 5:3,4). Skont Pietru, li tigdeb lill-Ispirtu s-Santu tkun tigdeb lil Alla. Hu ċar, mela, li l-Ispirtu huwa Alla għax meta tigdeb l-Ispirtu, tigdeb ‘l Alla.
F’post ieħor, l-appostlu Pawlu jgħid lill-Kristjani: “Ma tafux li intom it-tempju t’Alla, u li l-Ispirtu t’Alla jgħammar fikom?” (1 Korintin 3:16). Il-Kristjani huma tempju mqaddes “mibnijin flimkien biex ikunu l-għamara t’Alla permezz ta’ l-Ispirtu” (Efesin 2:22). Kieku l-Ispirtu mhux Alla ma nkunux nistgħu
Persuni distinti
[immodifika | immodifika s-sors]L-istess Skrittura li tgħallem li l-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu hu Alla, ma tgħallimx li huma persuna waħda. Il-Missier mhux l-Iben u mhux l-Ispirtu s-Santu. It-tlett Persuni huma distinti minn xulxin.
“Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet m’Alla, u l-Kelma kienet Alla” (Ġwanni 1:1). Ġwanni jsejjaħ l-Iben “il-Kelma” u jafferma d-Divinità tiegħu (“il-Kelma kienet Alla”). Fl-istess sentenza Ġwanni jgħidlna wkoll li l-Kelma kienet ma’ Alla. L-Iben hu Alla u ma’ Alla.
Alla l-Missier bagħat lil Ibnu; l-Iben ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Ċertament mela mhumiex l-istess persuna. Hekk ukoll l-Ispirtu s-Santu mhux il-Missier u lanqas l-Iben. Ġesù qal: “L-Avukat, li hu l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibghat f’ismi, hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għidtilkom” (Ġwanni 14:26). Innota t-tlett persuni tat-Trinità: il-Missier jibgħat l-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu jgħallimna dwar l-Iben. Ġesù qal ukoll: “Jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Avukat ieħor, biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġwanni 14:6). Id-distinzjoni bejn it-tlett persuni tidher ċar.
Hekk mela, mill-Bibbja wrejna li hemm Alla wieħed, u li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma Alla u persuni distinti minn xulxin.
Il-knisja
[immodifika | immodifika s-sors]M’hemm ebda tixbiħa mill-ħolqien biex nifhmu aħjar il-misteru tat-Trinità li Alla wriena fil-Kotba Mqaddsa. Il-Mulej jistaqsina: “Lil min ixxebbhuh ‘l Alla? jew liema xbieha tqabblu miegħu?” (Isaija 40:18). Kull anoloġija jew xbieha t’Alla tgħallem il-qerq. Il-Kristjani ma jemmnux fit-Trinità għax kapaċi jispjegaw ‘l Alla imma għax huma konvinti li l-Bibbja tgħallem ċar sew l-unità kif ukoll id-divinità u d-distinzjoni tat-tlett Persuni minn xulxin.
Għalkemm il-veritajiet dwar Allali flimkien jifformaw id-dottrina tat-Trinità mhumiex diffiċli biex tifhimhom waħda waħda, huwa diffiċli ferm tifhem kif Alla hu wieħed u li t-tlett Persuni huma Alla. Fl-ewwel sekli l-knisja tħabtet biex tagħti definizzjoni korretta tar-relazzjoni bejn it-tlett Persuni filwaqt li żżomm sħiħ it-tagħlim fuq l-unità t’Alla. Fil-kredu Atanasjan naqraw: “Issa l-fidi Kattolika hi din: inqimu Alla wieħed fi trinità, u trinità f’unità; bla ma nħawwdu l-Persuni, jew nisseparaw is-sustanza. Għax il-Persuna tal-Missier waħda, ta’ l-Iben oħra, u ta’ l-Ispirtu S-Santu oħra. Iżda tal-Missier, ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu hemm divinità waħda, glorja ugwali u majestà ko- eterna.” Il-knisja riedet tħares lilha nfisha kontra tagħlim eretiku:
Alla mhux persuna waħda li jidher f’bixriet jew modi differenti. Din l-ereżija (msejjħa modaliżmu) ixxebbaħ ’l Alla ma’ attur li daqqa jidher mod u daqqa oħra jidher mod ieħor. Aħna nemmnu li t-tlett persuni huma ko-eżistenti u għandhom relazzjoni personali flimkien.
Ma nemmnux li hemm tlett allat. L-Iben hu ħaġa waħda mal-Missier; u l-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirta t’Alla. Id-dottrina tat-Trinità tafferma bil-qawwa kollha l-unità t’Alla (“inqimu Alla wiehed…[ma nisseparawx] is-sustanza…divinità wahda”).
Alla mhux kompost minn tlett partijiet, bħal trijangolu magħmul minn tlett linji. Il-Missier hu Alla sħiħ, mhux parti jew biċċa minn Alla. L-istess nistgħu ngħidu ghall-Iben u l-Ispirtu.
Oħrajn jiċħdu t-Trinità billi jinnegaw li Kristu huwa Alla u li l-Ispirtu s-Santu huwa persuna distinta minn Alla l-Missier. L-argumenti tagħhom huma żbaljati, kif se naraw.
Argumenti foloz kontra d-Divinità ta’ Kristu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kristjani ma jemmnux biss li l-Iben hu Alla; jemmnu wkoll li “għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna, niżel u kien inkarnat, u kien magħmul bniedem.” F’Filippin 2:6-11, l-appostlu Pawlu jikteb li Kristu:
- kien magħmul fix-xbieha tal-bnedmin
- ħa fuqu s-sura ta’ qaddej
- sar ubbidjenti sal-mewt tas-salib
Kristu huwa Alla minn dejjem u sar ukoll bniedem tassew meta tnissel fil-ġuf tal-verġni Marija. Għalhekk għandu l-kwalitajiet divini (kif rajna qabel) u l-kwalitajiet umani ukoll -- twieled fiż-żmien, għandu ġisem fiżiku, kiber, inbidel, tgħallem, għejja, bata u fl-aħħar miet ukoll. Għalhekk ma tistax targumenta li Ġesù mhux Alla għax kellu kwalitajiet umani, ngħidu ahna, li ma kienx jaf kollox. Ma kienx jaf kollox għax hu bniedem. Bħala Alla l-istess Kristu jaf kollox (“Issa nafu li taf kollox” - Ġwanni 16:30). Irridu dejjem inżommu f’moħħna li Kristu hu Alla u bniedem.
Lanqas ma tista’ tiċħad il-glorja divina ta’ Kristu għax umilja lilu nnifsu għal xi żmien biex jikseb il-fidwa tal-poplu tiegħu. L-istess raġel li bħala qaddej tbaxxa biex jaħsel riġlejn l-appostli, xorta waħda huwa s-Sid tagħhom u ta’ kulħadd. Darba qal, “Missieri akbar minni,” għax filwaqt li l-Missier kien fil-glorja tas-sema meqjum mill-anġli, l-Iben tlibbes kuruna tax-xewk fost iż-żebliħ u l-insulti tal-midinbin. Umilja lilu nnifsu u tbaxxa s’isfel nett għal xi żmien biex jikseb is-salvazzjoni iżda issa huwa glorifikat mal-Missier fl-ogħla smewwiet. Il-mifdija jagħrfu s-sagrifiċċju li Kristu sofra għalihom u mill-qalb jagħtuh l-istess ġieħ li jagħtu ’ll-Missier (Ġwanni 5:23). Jasal jum meta kulħadd ikollu jistqarr li Ġesù hu Mulej u jinżel għarkopptejh quddiemu u hekk jagħtuh l-qima li tixraq biss ’l Alla, anke dawk li llum jiċħduh (Isaija 45:23; Filippin 2:9-11).
Huwa assurd l-argument li l-Iben mhux Alla għax jitlob u jobdi l-Missier. Tassew l-Iben hu sottomess għal Missier kif tgħallem il-Bibbja: “sar ubbidjenti” u “ras Kristu hu Alla” (1 Korintin 11:3). Bl-istess mod il-mara hi sottomessa għal żewġha, għax “ir-ras tal-mara hu r-raġel.” Iżda b’daqshekk ħadd ma jgħid li l-mara hi anqas umana mir-raġel għax għandha rwol differenti; kif mela jinnegaw id-divinità ta’ Kristu minħabba s-sottomissjoni tiegħu?
L-appostlu Ġwanni kien jemmen li Ġesù hu bniedem tassew għax kien xhud tat-tbatija u l-umiltà tiegħu. L-istess appostlu jistqarr fuq l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu: “Dan hu Alla veru, u l-ħajja eterna” (1 Ġwanni 5:20).
L-Ispirtu s-Santu, Persuna Divina
[immodifika | immodifika s-sors]Bil-kelma persuna nifhmu “xi ħadd li għandu rieda, jaħseb, iħoss u jitkellem.” Il-kliem Missier u Iben mal-ewwel jissuġġerixxu personalità iżda il-kelma Spirtu (li litteralment tfisser nifs) tista’ tindika sempliċement qawwa jew forza impersonali. Iżda ma rridux ninsew li l-anġli u d-demonji huma spirti u madankollu huma personali għax jaħsbu u jitkellmu. Aktar importanti rridu niftakru li “Alla hu Spirtu” (Ġwanni 4:24). Għalhekk hi preżunzjoni li tiċħad il-personalità ta’ l-Ispirtu s-Santu sempliċiment għax hu spirtu.
L-Iskrittura tieħu ħsieb tiddistingwi bejn l-Ispirtu u l-qawwa tiegħu. Naqraw dwar “il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu” bħalma naqraw dwar “il-qawwa ta’ Kristu” (Rumani 15:13; 2 Korintin 12:9). Għalhekk ma nistgħux ngħidu li l-Ispirtu hu sempliċement qawwa, bħalma ma nistgħux ngħidu li Kristu hu biss qawwa.
Qabel bata, il-Mulej Ġesù wiegħed lid-dixxipli li hu u l-Missier kellhom jibghatu “Kunsullier ieħor” (Gwanni 14:16, 26; 15:26; 16:7). Ġesù kien il-Kunsullier tagħhom sakemm kien preżenti u wara li telaq bagħtilhom Kunsullier bħalu f’Pentekoste. Mela l-Ispirtu s-Santu huwa persuna bħal Ġesù Kristu.
L-Ispirtu s-Santu huwa intelliġenti għax jaf, jgħallem u għandu fehma: “Dak li hemm f’Alla ma jafu ħadd, ħlief l-Ispirtu t’Alla...li jgħallem l-Ispirtu s-Santu…Dak li jgħarbel il-qlub jaf x’inhi l-fehma ta’ l-Ispirtu” (1 Korintin 2:10-11; Rumani 8:27). L-Ispirtu s-Santu għandu wkoll rieda għax iqassam id-doni tiegħu lil kull wieħed kif irid (1 Korintin 12:11).
L-Iskrittura tikkmandana: “La tnikktux lill-Ispirtu mqaddes t’Alla” (Efesin 4:30). Min jiċħad il-personalità ta’ l-Ispirtu qajla jista’ jifhem dan il-kliem għax hu impossibbli li tnikket “forza.” Iżda ladarba l-Ispirtu jitnikket, huwa persuna tassew. Għalhekk il-Bibbja titkellem ukoll fuq “l-imħabba ta’ l-Ispirtu” (Rumani 15:30).
Xi wħud imaqdru, jigdbu u saħansitra jidgħu kontra l-Ispirtu s-Santu (Lhud 10:29; Atti 5:3; Mattew 12:31). L-istess azzjonijiet tagħhom juru li l-Ispirtu hu persuna għax kif tista’ tmaqdar, tigdeb u tidgħi kontra forza?
L-Ispirtu għandu relazzjoni personali mal-Kristjani. Fl-Atti naqraw: “Waqt li Pietru kien jaħseb fuq id-dehra, qallu l-Ispirtu: Ara, tlett irġiel qegħdin ifittxuk. Qum, mela, u inżel, u mur magħhom: għax jien bgħatthom.” F’post ieħor: “Qal l-Ispirtu s-Santu: ifirduli ‘l Barnaba u ‘l Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom” (Atti 10:19,20; 13:2). L-Ispirtu jgħin lid-dixxipli kollha billi “jitlob għalina bi tnehid li ma jistax jingħad” (Rumani 8:26). Innota l-Ispirtu jitkellem, jibgħat, isejjaħ u jitlob. Dawn huma lkoll azzjonijiet personali.
Konklużjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-għarfien ta’ Alla Trinità huwa marbut mas-salvazzjoni tal-bniedem. Il-Kristjani jemmnu li huma “maħturin skond l-għarfa minn qabel t’Alla l-Missier, bit-taqdis ta’ l-Ispirtu, biex jisimgħu minn Ġesù Kristu u jitraxxu b’demmu” (1 Pietru 1:2). Għalhekk jitgħammdu “fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mattew 28:19). Ma jitgħammdux fi tlett ismijiet, iżda fl-isem wieħed t’Alla. Fl-istess waqt jgħarfu li dan Alla wieħed huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Matul ħajjithom iqimu Alla wieħed, u mingħand it-tlett Persuni jistennew kull barka spiritwali: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka ta’ l-Ispirtu s-Santu, ikunu magħkom ilkoll. Amen” (2 Korintin 13:14).
Ngħid kelma lil min ma jemminx li Ġesù hu Alla. Kif tista’ tiċħad id-divinità ta’ Kristu u xorta isejjaħlu Mulej u Salvatur? Jekk tgħid li Ġesù hu ħlejqa, kif issejjaħlu “Mulej”? Is-salmista qal: “O ruħi, inti għidt lill-Jahwe: Inti Sidi” (Salm 16:2). Iżda inti tgħid: “O ruħi, inti għidt lill-ħlejqa: Inti Sidi.” Kif isejjaħ ħlejqa “s-salvatur tiegħi” meta taf li hemm salvatur wieħed, Alla? “Jien, iva jien, jien Jahwe; u għajri m’hemmx salvatur” (Isaija 43:11). Minkejja r-reliġjon tiegħek, int għadek m’għaraftx ’l Alla fis-sewwa għax il-glorja t’Alla tingħaraf biss f’wiċċ Kristu. “Kieku kontu tafu lili,” iwissi l-Mulej Ġesù, “tafu wkoll lil Missier.” (Ġwanni 8:19). Għalhekk mhux għaġeb li lanqas tagħraf l-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej Ġesù qal dwar l-Ispirtu: “id-dinja ma tistax tilqgħu, għax la tarah, u lanqas tafu.” Iżda lid-dixxipli qalilhom: “iżda intom tafuh” (Ġwanni 14:17).
Ma rridx ngħid li kull min għandu għarfien intellettwali tad-dottrina tat-Trinità hu tassew Kristjan. Kristjan ġenwin jingħaraf mill-qima u l-imħabba lejn Alla l-Missier, il-fiduċja fil-Mulej Ġesù Kristu, u l-qdusija li jaħdem fih l-Ispirtu s-Santu. Inti temmen f’Alla Trinità? Konvint li l-Iskrittura tgħallem li hemm Alla wieħed? Għaraft lill-Missier? Għaraftu bi Kristu, ix-xbieha perfetta tiegħu? Qiegħed jgħammar fik bl-Ispritu s-Santu?