Kastell ta' Malbork
Il-Kastell ta' Malbork (bil-Pollakk: Zamek w Malborku; bil-Ġermaniż: Ordensburg Marienburg) huwa kastell u fortizza tal-Ordni Tewtonika tas-seklu 13, li jinsab ħdejn il-belt ta' Malbork, il-Polonja. Huwa l-ikbar kastell tal-brikks fid-dinja bħala erja tal-art u huwa mniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġinarjament il-kastell inbena mill-Kavallieri Tewtoniċi, ordni reliġjuża Kattolika Ġermaniża li kienet twettaq il-kruċjati, u nbena f'għamla ta' fortizza tal-ordni. L-Ordni Tewtonika semmiet il-fortizza Marienburg biex tagħti ġieħ lil Marija, omm Ġesù. Fl-1457, matul il-Gwerra ta' Tlettax-il Sena, il-fortizza nbigħet minn merċenarji tal-Boemja lir-Re Casimir IV tal-Polonja bħala parti mill-indennizzi u minn dak iż-żmien intużat bħala waħda mid-diversi residenzi rjali Pollakki u s-sede ta' uffiċċji u istituzzjonijiet Pollakki, b'interruzzjoni biss ta' diversi snin ta' okkupazzjoni Żvediża. Il-fortizza baqgħet taqdi l-funzjoni tagħha sal-Ewwel Diviżjoni tal-Polonja fl-1772. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-kastell spiċċa taħt il- ħakma Ġermaniża għal iktar minn 170 sena sal-1945.[3]
Il-kastell huwa eżempju klassiku ta' fortizza Medjevali u, meta tlesta fl-1406, kien l-ikbar kastell tal-brikks fid-dinja.[4] L-UNESCO ddeżinjat il-Kastell tal-Ordni Tewtonika f'Malbork u l-Mużew tal-Kastell ta' Malbork bħala Sit ta' Wirt Dinji f'Diċembru 1997. Huwa wieħed minn żewġ Siti ta' Wirt Dinji fir-reġjun (it-Tramuntana tal-Polonja Ċentrali), flimkien mar-Raħal Medjevali ta' Toruń, li twaqqaf fl-1231.[3]
Il-Kastell ta' Malbork huwa wkoll wieħed mill- Monumenti Storiċi (Pomnik historii) nazzjonali uffiċjali tal-Polonja, skont kif ġie stabbilit fis-16 ta' Settembru 1994. Il-kastell jiġi amministrat mill-Bord tal-Wirt Nazzjonali tal-Polonja.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġini
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kastell inbena mill-Ordni Tewtonika wara l- konkwista tal-Prussja l-Antika. L-iskop ewlieni tiegħu kien li l-Kavallieri jsaħħu l-kontroll tagħhom taż-żona wara t-trażżin tal-1274 mill-Ordni tar-Rewwixta l-Kbira tal-Prussja mit-tribujiet Baltiċi. Ma jeżisti l-ebda dokument kontemporanju relatat mal-kostruzzjoni tiegħu. Minflok, ġew analizzati l-fażijiet tal-kostruzzjoni tal-kastell permezz tal-istudju tal-arkitettura u tar-rekords amministrattivi tal-Ordni u l-istorja iktar reċenti. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni dam sal-1300, taħt il-patroċinju tal-Kmandant Heinrich von Wilnowe.[5] Il-kastell jinsab fuq ix-xatt tax-Xlokk tax-xmara Nogat. Ingħata l-isem ta' Marienburg wara Marija, il-patruna tal-Ordni reliġjuża.[6] L-Ordni kienet inħolqot f'Acre (illum f'Iżrael). Meta din l-aħħar fortizza tal-Kruċjati spiċċat f'idejn l-Għarab Musulmani, l-Ordni ċaqilqet is-sede tagħha lejn Venezja qabel ma waslet fil-Prussja.[3]
Ir-raħal ta' Malbork sar iktar u iktar importanti wara l-konkwista ta' Gdańsk (Danzig) u tal-Pomeranja tal-Lvant fl-1308 mill-Kavallieri Tewtoniċi. Iċ-ċentru amministrattiv tal-Ordni ġie mċaqlaq lejn Marienburg minn Elbing (issa Elbląg). Il-Gran Mastru tal-Kavallieri Tewtoniċi, Siegfried von Feuchtwangen, li wasal Marienburg minn Venezja, wettaq il-fażi li jmiss tal-kostruzzjoni tal-fortizza. Fl-1309, fid-dawl tal-persegwitazzjoni Papali tal-Kavallieri Templari u tal-ħakma ta' Danzig mill-Kavallieri Tewtoniċi, Feuchtwangen ċaqlaq is-sede tiegħu fil-parti Prussjana tal-istat monastiku tal-Ordni. Huwa għażel is-sit ta' Marienburg minħabba l-pożizzjoni konvenjenti tiegħu max-xatt tax-xmara Nogat fid-Delta tal-Vistula. Bħal fil-biċċa l-kbira tal-bliet ta' dak iż-żmien, iċ-ċentru l-ġdid kien jiddependi fuq l-ilma għat-trasport.[5]
Il-kastell ġie estiż diversi drabi biex jakkomoda n-numru dejjem jikber ta' Kavallieri. F'qasir żmien, sar l-ikbar bini Gotiku ffortifikat fl-Ewropa, b'erja tal-art ta' kważi 21 ettaru.[7] Il-kastell għandu diversi suddiviżjonijiet u bosta saffi ta' ħitan difensivi. Fil-fatt jikkonsisti minn tliet kastelli separati - il-Kastelli Għoli, Nofsani u Baxx, isseparati minn diversi ħniedaq mingħajr ilma u torrijiet.[8] Il-kastell darba kien fih madwar 3,000 "aħwa armati". Il-ħitan l-iktar ta' barra tal-kastell jikkonfinaw 21 ettaru, jiġifieri erba' darbiet l-art ikkonfinata tal-Kastell ta' Windsor. Il-parti żviluppata tas-Sit ta' Wirt Dinji fiha ftit iktar minn 18-il ettaru.[9]
Il-pożizzjoni favorevoli tal-kastell qrib ix-xmara Nogat ippermettiet l-aċċess faċli ta' barkuni u ta' vapuri kummerċjali li kienu jaslu mill-Vistula u mill-Baħar Baltiku. Matul il-governanza tagħhom, il-Kavallieri Tewtoniċi kienu jiġbru n-nollijiet mill-vapuri li riedu jgħaddu mir-rotta kummerċjali tax-xmara Nogat, l-istess bħalma kienu jagħmlu kastelli oħra qrib ix-xmajjar dak iż-żmien. Huma kkontrollaw monopolju tal-kummerċ tal-ambra. Meta r-raħal sar membru tal-Lega Anseatika, saru ħafna laqgħat Anseatiċi fil-Kastell ta' Malbork.[10]
Fl-1361, il-Gran Duka futur tal-Litwanja Kęstutis inżamm ħabsi għal żmien qasir fil-kastell. Fl-1365, ir-Re Pollakk Casimir III l-Kbir żar il-kastell.[11]
Fis-sajf tal-1410, il-kastell ġie assedjat wara t-telfa tal-Ordni mġarrba mill-armati ta' Władysław II Jagiełło u Vytautas il-Kbir (Witold) fil-Battalja ta' Grunwald. Heinrich von Plauen mexxa b'suċċess id-difiża fl-Assedju ta' Marienburg tal-1410, li matulu r-raħal madwar il-kastell ġie meqrud għalkollox.[11]
Fl-1456, matul il-Gwerra ta' Tlettax-il Sena, l-Ordni – li kienet qed tiffaċċja oppożizzjoni mill-bliet tagħha minħabba li għolliet it-taxxi biex tħallas ir-rahan għal spejjeż assoċjati mal-gwerer tagħha kontra r-Renju tal-Polonja – ma setgħetx tkampa iktar finanzjarjament. Sadanittant, il-Ġeneral Pollakk Stibor de Poniec ta' Ostoja ġabar fondi minn Danzig għal kampanja ġdida kontrihom.[11][12] Billi sar jaf li l-merċenarji tal-Boemja tal-Ordni ma tħallsux, Stibor ikkonvinċiehom jitilqu. Huwa rrimborżhom bil-flus li kien ġabar f'Danzig. Wara t-tluq tal-merċenarji, ir-Re Casimir IV Jagiellon daħal fil-kastell b'mod trijonfali fl-1457, u f'Mejju, ta diversi privileġġi lil Danzig bħala ħajr għall-assistenza u għall-involviment tal-belt fil-Gwerra ta' Tlettax-il Sena (1454-66) kif ukoll għall-fondi miġbura għall-merċenarji li b'hekk telqu.[13]
Is-sindku tar-raħal ta' Malborg qrib il-kastell, Bartholomäus Blume, irreżista l-forzi Pollakki għal tliet snin oħra, iżda l-Pollakki qabduh u kkundannawh għall-mewt fl-1460.[14] Monument għal Blume nbena fl-1864.[15]
Residenza tar-rejiet Pollakki
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1466 kemm il-kastell kif ukoll ir-raħal saru parti mid-Distrett (Voivodeship) Pollakk ta' Malbork fil-provinċja tal-
Prussja Rjali. Mill-1457, il-kastell intuża bħala waħda mid-diversi residenzi rjali Pollakki, u wettaq din il-funzjoni għal iktar minn 300 sena (iktar mid-doppju tat-tul ta' żmien li kien intuża bħala s-sede tal-Ordni Tewtonika) sad-Diviżjonijiet tal-Polonja fl-1772.[3] Matul dan il-perjodu, il-Kastell l-Għoli serva bħala l-maħżen tal-provvisti tal-kastell, filwaqt li r-Refettorju l-Kbir kien jintuża bħala post għall-balli, għall-festi, u għal avvenimenti rjali oħra. Ir-rejiet Pollakki spiss kienu joqogħdu fil-kastell, speċjalment meta kienu jivvjaġġaw lejn il-belt ta' Gdańsk/Danzig fil-qrib. Uffiċjali Pollakki lokali kienu joqogħdu wkoll fil-kastell. Mill-1568, il-kastell kien jintuża wkoll mill-Ammiraljat Pollakk (Komisja Morska), u fl-1584 ġiet stabbilita fih waħda miz-Zekki Rjali Pollakki. Barra minn hekk, l-ikbar arsenal tal-Commonwealth Pollakk-Litwan kien jinsab fil-kastell. Bid-deċiżjoni tar-Re Ġwanni II Casimir Vasa tal-1652, il-Ġiżwiti ħadu ħsieb il-kappelli tal-kastell iddedikati lil Santa Marija u lil Sant'Anna.[11]
Matul il-Gwerra ta' Tletin Sena, fl-1626 u fl-1629, il-forzi Żvediżi okkupaw il-kastell. Huma invadewh u okkupawh mill-ġdid mill-1656 sal-1660 matul id-Dulluvju (sensiela ta' kampanji militari tal-Commonwealth Pollakka-Litwana fis-seklu 17).[16] Imbagħad il-kastell żaruh ir-rejiet Żvediżi Gustav Adolf fl-1626 u Karlu X Gustav fl-1656.[11]
Wara d-Diviżjonijiet tal-Polonja
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li l-Prussja u l-Imperu Russu għamlu l- Ewwel Diviżjoni tal-Polonja fl-1772, ir-raħal ġie anness mir-Renju tal-Prussja u fl-1773 sar parti mill-provinċja l-ġdida li ġiet stabbilita tal-Prussja tal-Punent. Dak iż-żmien, l-uffiċjali kienu jużaw il-kastell pjuttost traskurat bħala dar għall-foqra u barrakki għall-Armata Prussjana. L-aħħar Ġiżwiti telqu mill-kastell fl-1780.[3] Fl-1794, David Gilly, arkitett Prussjan u kap tal-Oberbaudepartement, għamel stħarriġ strutturali tal-kastell, biex jiddeċiedi dwar l-użu tiegħu jew it-twaqqigħ tiegħu fil-futur.[17] It-tifel ta' Gilly, Friedrich Gilly, ipproduċa bosta inċiżjonijiet tal-kastell u tal-arkitettura tiegħu, li wera f'Berlin u li ġew ippubblikati minn Friedrich Frick mill-1799 sal-1803. Dawn l-inċiżjonijiet wasslu biex il-pubbliku Prussjan "jiskopri mill-ġdid" il-kastell u l-istorja tal-Kavallieri Tewtoniċi.[18]
Johann Dominicus Fiorillo ppubblika edizzjoni oħra tal-inċiżjonijiet fit-12 ta' Frar 1803, sabiex huwa wkoll iqanqal l-interess pubbliku. Max von Schenkendorf ikkritika l-qagħda tal-kastell. Matul il-perjodu ta' Napuljun, l-armata użat il-kastell bħala sptar u arsenal. Napuljun żar il-kastell fl-1807 u fl-1812.[11] Wara l-Gwerra tas-Sitt Koalizzjoni, il-kastell sar simbolu tal-istorja Prussjana u tal-kuxjenza nazzjonali. Ir-restawr tal-kastell inbeda fl-1816 minn Theodor von Schön, Oberpräsident tal-Prussja tal-Punent.[19] Fl-1910 inbniet l-Akkademja Navali ta' Mürwik fi Flensburg. Il-Marienburg kien mudell għal dan il-Kastell l-Aħmar il-ġdid.[20] Ir-restawr tal-Marienburg sar fi stadji sakemm bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija.[21]
Bil-wasla ta' Adolf Hitler fil-poter fil-bidu tas-snin tletin tas-seklu 20, in-Nażisti użaw il-kastell bħala destinazzjoni għal pellegrinaġġi annwali kemm taż-Żgħażagħ ta' Hitler kif ukoll tal-Lega tal-Bniet Ġermaniżi. Il-Kastell Tewtoniku ta' Marienburg intuża bħala mudell għall-Kastelli tal-Ordni tat-Tielet Reich li nbnew taħt it-tmexxija ta' Hitler.[22] Fl-1945, matul il-ġlied tat-Tieni Gwerra Dinjija fiż-żona, iktar minn nofs il-kastell inqered.[23]
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija
[immodifika | immodifika s-sors]Malli l-gwerra ntemmet, ir-raħal ta' Malbork u l-kastell reġgħu saru parti mill-Polonja. Il-kastell ġie rikostruwit kif kien qabel il-gwerra, permezz tar-restawr li baqa' għaddej mill-1962 wara n-nirien fl-1959 li kkawżaw iktar ħsarat.[24]
Fl-1961 twaqqaf il-Mużew tal-Kastell (Muzeum Zamkowe) u fl-1965 infetħet wirja tal-ambra. Il-Kastell ta' Malbork għadu l-ikbar kumpless tal-brikks fl-Ewropa.[25]
Sforz sinifikanti ta' restawr reċenti seħħ fil-knisja ewlenija tal-kastell (jiġifieri, il-Knisja ta' Santa Marija). Wara li ġiet irrestawrata eżatt qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u mbagħad inqerdet għalkollox fil-gwerra, il-knisja kienet tinsab fi stat ta' telqa, iżda fis-snin 10 tas-seklu 20 sar restawr ġdid ieħor li ntemm f'April 2016.[26]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell tal-Ordni Tewtonika ta' Malbork ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Midfuna fil-mawżolew taħt il-Kappella ta' Sant'Anna
[immodifika | immodifika s-sors]- Dietrich von Altenburg
- Heinrich Dusemer
- Winrich von Kniprode
- Konrad von Jungingen
- Michael Küchmeister von Sternberg
- Konrad von Erlichshausen
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ ""Castle of the Teutonic Order in Malbork - UNESCO World Heritage Centre". Whc.unesco.org".
- ^ "10 Largest Castles in the World". Touropia (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.
- ^ a b ċ d e Parma, Christian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). pp. 100–111. ISBN 978-8377771556.
- ^ "Emery, Anthony (2007), "Malbork Castle – Poland" (PDF), The Castle Studies Group Journal, p. 139" (PDF).
- ^ a b "Emery, Anthony (2007), "Malbork Castle – Poland" (PDF), The Castle Studies Group Journal, p. 143" (PDF).
- ^ solosophie (2018-01-31). "Malbork Castle: Easy Day Trip from Gdańsk to World's Largest Castle!". solosophie (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.
- ^ Stephen Batchelor (21 July 2010). Medieval History For Dummies. John Wiley & Sons. p. 363. ISBN 978-0-470-74783-4.
- ^ "Zakamarki zamku w Malborku - tak mieszkali Krzyżacy". Onet Podróże (bil-Pollakk). 2016-06-21. Miġbur 2021-05-06.
- ^ ""Castle of the Teutonic Order in Malbork", WHC-08/32.COM/8D, UNESCO".
- ^ Editor (2017-07-13). "Bearing witness to a brighter moment in Poland's history: Visiting Malbork Castle" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.Manutenzjoni CS1: test żejjed: authors list (link)
- ^ a b ċ d e f "HISTORIA". visitmalbork.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2021-05-06.
- ^ admin. "HOME" (bil-Pollakk). Miġbur 2021-05-06.
- ^ Osowski, Andrze Nowak i Dariusz. "Królewski herb Gdańska. Ewa Kowalska | Album Polski". albumpolski.pl (bil-Pollakk). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-07. Miġbur 2021-05-06.
- ^ Matthias Weber (2003). Preußen in Ostmitteleuropa: Geschehensgeschichte und Verstehensgeschichte. Oldenbourg Verlag. p. 193. ISBN 978-3-486-56718-2.
- ^ Altpreussische Monatsschrift zur Spiegelung des provinzielle Lebens in Literatur, Kunst, Wissenschaft und Industrie (bil-Ġermaniż). Thomas & Oppermann. 1864.
- ^ "History Malbork". www.inyourpocket.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.
- ^ "Oxford Index". Oxford Academic (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.
- ^ Boockmann, Hartmut (1992), "Deutsche Geschichte im Osten Europas", Ostpreußen und Westpreußen (in German), Berlin, ISBN 3-88680-212-4. p. 344.
- ^ C. Steinbrecht, Schloss Marienburg in Preussen, Berlin, 1894.
- ^ Ohlsen, Holger. "100 Jahre Marineschule: Das rote Schloss des deutschen Kaisers | shz.de". shz. Miġbur 2021-05-06.
- ^ Boockmann, Hartmut (1992), "Deutsche Geschichte im Osten Europas", Ostpreußen und Westpreußen (in German), Berlin, ISBN 3-88680-212-4. pp. 36-40.
- ^ Shirer, William (1960), The Rise and Fall of the Third Reich, Simon & Schuster, ASIN B000EA3XL4. pp. 255-256.
- ^ DePasquale, Sara. "Daytrip from Gdańsk: Malbork Castle". Simply Sara Travel (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-06.
- ^ "Castle of Knights - Malbork, Poland in Photos" (bl-Ingliż). 2013-07-17. Miġbur 2021-05-06.
- ^ "Malbork". European castles. Miġbur 2021-05-06.
- ^ "Conservation and building works in the complex of the Holy Virgin Church in the Castle Museum in Malbork". funduszeeog.zamek.malbork.pl. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-17. Miġbur 2021-05-06.