Adolf Hitler

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Adolf Hitler
Hitler portrait crop.jpg
3. President of Germany (en) Translate

2 Awwissu 1934 - 30 April 1945
Paul von Hindenburg (en) Translate - Karl Dönitz
Reichsstatthalter (en) Translate

30 Jannar 1933 - 30 April 1945
← no value
Reich Chancellor (en) Translate

30 Jannar 1933 - 30 April 1945
Kurt von Schleicher - Joseph Goebbels
member of the Reichstag of the Weimar Republic (en) Translate


member of the Reichstag of Nazi Germany (en) Translate

Ħajja
Isem propju Adolf Hitler
Twelid Braunau am Inn (en) Translate, 20 April 1889
Nazzjonalità Cisleithania (en) Translate
Weimar Republic (en) Translate
no value
Republic of German-Austria (en) Translate
First Republic of Austria (en) Translate
Ġermanja Nazista
Residenza Berghof (en) Translate
Führerbunker (en) Translate
Hitler's Munich apartment (en) Translate
Wolf's Lair (en) Translate
Neue Reichskanzlei (en) Translate
Kransberg Castle (en) Translate
Grupp etniku Ġermaniżi
Awstrijaċi
L-ewwel lingwa Ġermaniż
Mewt Berlinu Führerbunker (en) Translate, 30 April 1945
Post tad-dfin unknown value
Manjiera tal-mewt suwiċidju (ferita b'tir ta' arma tan-nar)
Familja
Missier Alois Hitler
Omm Klara Hitler
Konjuga/i Eva Braun (en) Translate  (29 April 1945 -  30 April 1945)
Koppja/i Maria Reiter (en) Translate
Eva Braun (en) Translate
Ulied
uri
Aħwa
Familja
Edukazzjoni
Alma mater Lambach Abbey (en) Translate
Staats-Realschule of Linz (en) Translate
Lingwi Ġermaniż Awstrijak
Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
suldat
pittur
political writer (en) Translate
kollezzjonista tal-arti
Parteċipant
Piż 72 kg
Għoli 174 cm
Post tax-xogħol Linz (en) Translate
Vjenna
Munich
Berlin
Berghof (en) Translate
Wolf's Lair (en) Translate
Führerbunker (en) Translate
Xogħlijiet importanti Mein Kampf (en) Translate
Premjijiet
Nominat għal
Influwenzat minn Paul Devrient (en) Translate, Georg Ritter von Schönerer (en) Translate, Karl Lueger (en) Translate, Karl Hermann Wolf (en) Translateu Leopold Poetsch (en) Translate
Sħubija National Socialist German Workers' Party (Nazi Party) (en) Translate
Moviment tindif etniku
Nazism (en) Translate
antisemitism (en) Translate
vegetarianism (en) Translate
tobacco control (en) Translate
Servizz militari
Fergħa militari German Army (en) Translate
Wehrmacht (en) Translate
Bavarian Army (en) Translate
infantry (en) Translate
Grad lance corporal (en) Translate
Gefreiter (en) Translate
Iġġieldu L-Ewwel Gwerra Dinjija
It-Tieni Gwerra Dinjija
First Battle of Ypres (en) Translate
Battle of Fromelles (en) Translate
Battle of the Somme (en) Translate
Battle of Arras (en) Translate
Third Battle of Ypres (en) Translate
Spring Offensive (en) Translate
First Battle of the Marne (en) Translate
Invasion of Poland (en) Translate

Adolf Hitler (20 t'April, 1889 - 30 t'April, 1945) kien politiku Ġermaniż, imwieled l-Awstrija, dittatur tal-Ġermanja Nażista u kap tal-Partit Nażista jew il-Partit Nazzjonali Soċjalista Ġermaniż tal-Ħaddiema -(Ġermaniż: Nationalsozialistische Deutsche Arbeiterpartei, abbrevjata NSDAP),.

Hitler ħa sehem bħala suldat fl-Ewwel Gwerra Dinjija u ngħata unur għall-kuraġġ. Hitler ingħaqad mal-partit li kien il-prekursur tal-Partit Nażista, id-DAP fl-1919 u sar kap tal-NSDAP fl-1921. Attentat ta' kolp ta' stat imsejjaħ il-Putsch tal-ħanut tal-birra falla fi Munich fl-1923, u Hitler spiċċa l-ħabs. Hemm kiteb il-ktieb, Mein Kampf. Kif ħareġ irnexxielu jiġbed in-nies warajh, billi pprietka n-nazzjonaliżmu Ġermaniż, l-anti-semitiżmu, l-anti-kapitaliżmu, u l-anti-komuniżmu, b'oratorija kariżmatika u bil-propaganda. Wara l-elezzjoni tal-1933, inħatar Kanċillier u malajr trasforma r-Repubblika Weimar fit-Tielet Reich, dittatorjat ta' partit wieħed mibni fuq l-ideali totalitarji u awtokratiċi tal-Partit Nazzjonali Soċjalista.

Mill-1934 Hitler sar il-Kap tal-Istat. Hitler immilitarizza l-ekonomija u s-soċjetà Ġermaniża. Il-programm ta' xogħlijiet pubbliċi, ħafna minnhom li kienu diġa nbdew taħt ir-Repubblika ta' Weimar, qatgħu perjodu ta' qagħad li għaddiet minnha il-Ġermanja wara l-Ewwel Gwerra Dinjija ikkawżati minn riċessjoni ġenerali fl-Ewropa wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u minn kundizzjonijiet iebsa imposti fuq il-Ġermanja fit-trattat ta' Versailles. Il-gvern ta' Hitler kien għoddu ħakem l-Ewropa kollha, huwa responsabbli tad-deportazzjoni u l-qtil ta' miljuni ta' nies li ġew iddikjarati mhux mixtieqa mill-gvern Nażista; dan huwa magħruf bħala l-Olokawst. Adolf Hitler ikkommetta suwiċidju fl-1945, f'Berlin; hemm min jgħid li Hitler uża pistola filwaqt li oħrajn isostnu li ntuża l-velenu.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Adolf Hitler twieled fi Braunau am Inn, fl-Awstro–Ungerija, ir-raba' wilt minn sitta ta' Alois u Klara. Meta kellu 3 snin il-familja tiegħu marret tgħix f'Passau, il-Ġermanja, u wara Leonding qrib Linz, u Hafeld qrib Lambach, fejn missieru taha għall-biedja u t-trobbija tan-naħal. Adolf beda jmur skola f'Fischlham. Kien iħobb ħafna jilgħab tal-"Cowboys and Indians" u beda jiffissa fuq il-gwerra meta qara ktieb bl-istampi fuq il-Gwerra Franko-Prussa li sab qalb l-affarijiet ta' missieru. Fil-Mein Kampf kiteb:

 Ma domtx wisq biex il-battalji kbar storiċi isiru l-ikbar esperjenza spiritwali tiegħi. Minn dakinhar 'il quddiem, bdejt nentużjażma ruħi dejjem iktar fuq kull ħaġa b'xi mod marbuta mal-gwerra jew aħjar mas-suldati. 

F'Lambach, Hitler attenda skola Kattolika li kienet tinsab f'kunvent Benedittin tas-seklu 11 li fuq il-ħitan tiegħu kien hemm imnaqqxin salib f'forma ta' swastika. Hemm Hitler ta' 8 snin kien ikanta fil-kor tal-Knisja, u jimmaġina lilu nnifsu qassis.

Il-mewt bil-ħosba ta' ħuh iżgħar minnu, Edmund, fl-1900 ġabet bidla f'Adolf. Minn tifel kunfidenti u estrovert li kien isib l-iskola faċli, huwa sar skontruż, maqtugħ, magħluq fih innifsu u dejjem f'konflitt ma' missieru u l-għalliema tiegħu. Hitler kien viċin ħafna t'ommu, imma mhux l-istess ma' missieru, li kien awtoritarju u spiss kien isawtu, speċjalment wara l-fallimenti li l-missier kellu fil-biedja. Alois ried lil ibnu jsir uffiċjal tad-dwana Awstrijak, kif kien hu fiż-żmien u dan ġab konflitt kbir bejniethom. Minkejja li Adolf tkarrablu biex imur fl-iskola klassika biex isir artist, missieru bagħtu fi skola teknika fl-1900. Hitler irribella, u m'għaddiex mill-eżamijiet tal-ewwel sena apposta biex forsi missieru jibdel fehmtu. Imma missieru ma ċediex u Hitler iktar sar ribelluż.

Għal Hitler, in-Nazzjonaliżmu Ġermaniż malajr sar ossessjoni, mod kif jirribella kontra missieru, li dejjem serva bi kburija lill-gvern Awstrijak. Ħafna min-nies li kienu jgħixu mal-fruntiera Ġermano-Awstrijaka kienu jqisu lilhom infushom Ġermano-Awstrijaċi, imma Hitler kien jistqarr biss il-lealtà tiegħu lejn il-Ġermanja. Bi sfida lill-monarkija Awstrijaka u lil missieru, Hitler u sħabu kien jħobbu jużaw it-tislima Ġermaniża "Heil", u jkantaw l-Innu Ġermaniż "Deutschland Über Alles" flok dak Awstrijak.

Wara li missieru miet ħabta u sabta fl-1903, l-imġiba ta' Hitler fl-iskola marret għall-agħar, tant li tkeċċa. Daħal fir-Realschule fi Steyr fl-1904, imma wara t-tieni sena, għamel lejl jiċċelebra ma' sħabu, u kif kien f'sakra ma jarax art qatta' ċ-ċertifikat tal-iskola u użah bħala toilet paper. Meta xi ħadd wera kif spiċċa ċ-ċertifikat lill-kap tal-iskola, dan tah ħasla kbira, probabilment l-iktar esperjenza umiljanti li qatt kellu f'ħajtu. Hitler tkeċċa u qatt ma reġa' daħal iktar fi skola.

Ta' ħmistax-il sena, Hitler għamel l-Ewwel Tqarbina, nhar it-22 ta' Mejju 1904, fil-Katidral ta' Linz. Il-parrinu tiegħu kien Emanuel Lugert, ħabib ta' missieru.

Żgħożija[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-1905 ’il quddiem, Hitler beda jgħix fi Vjenna bil-flus li kienet tibgħatlu ommu u bl-għajnuna li kienet tingħata lill-iltiema. L-Akkademja tal-Belle Arti ta’ Vjenna (1907–1908), m’aċċettatux darbtejn għax iġġudikatu mhux "addattat għall-pittura", u ingħata l-parir li jaqbad it-triq tal-arkitettura. Iżda Hitler ma kellux il-preparazzjoni akkademika meħtieġa biex jidħol fi skola tal-arkitettura. Fl-1907, omm Hitler mietet ta’ 47 sena b’kanċer tas-sider. Ma kinitx faċli l-ħajja tiegħu ta’ pittur fi Vjenna, jipprova jbigħ il-pitturi tiegħu lin-negozjanti u lit-turisti. Spiċċa bla flus u fl-1909, beda jgħix f’rifuġju għal dawk bla dar.

Anti-semita[immodifika | immodifika s-sors]

Hitler jgħid li sar anti-Semita fi Vjenna, li kellha komunità kbira Lhudija, fosthom Lhud Ortodossi li kienu ħarbu mill-massakri tar-Russja. Fi Vjenna kien hemm ħafna razziżmu. Hitler seta’ kien influwenzat mill-ideologu anti-Semita Lanz von Liebenfels, mill-kliem ta’ Karl Lueger, fundatur tal-Partit Kristjan-Soċjali u Sindku ta’ Vjenna u mill-kompożitur Richard Wagner. Hitler seta’ kien influwenzat ukoll minn Martin Luteru u l-ktieb tiegħu Fuq il-Lhud u l-Gideb tagħhom. F’Mein Kampf, Hitler ifaħħar lil Luteru bħala ġellied kbir, statista vera, u riformatur kbir, flimkien ma’ Richard Wagner u Federiku l-Kbir. Madankollu, f’dan iż-żmien, Hitler spiss kien ikun mistieden għall-ikel f’dar nobbli Lhudija, u kien jingwalaha tajjeb man-negozjanti Lhud li kienu jippruvaw ibigħu l-pitturi tiegħu. Iżda iktar ma għadda żmien iktar Hitler beda jara fil-Lhud għedewwa tar-razza Arjana u ħatja tal-kriżi fl-Awstrija. Ra ċerti forom ta’ soċjaliżmu u bolxeviżmu, li kellhom ħafna mexxejja Lhud, ukoll bħala movimenti Lhud. Iktar tard waħħal fil-Lhud għat-telfa tal-Ġermanja fl-Ewwel Gwerra Dinjija u anke l-problemi ekonomiċi li ġew wara.

Fi Munich[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1913 mar jgħix Munich. Hemmhekk għal xi żmien ħarab milli jagħti servizz militari għall-Awstrija imma mbagħad ġie arrestat. Wara eżami fiżiku ma nstabx biżżejjed f’saħħtu u tħalla jmur lura Munich. Iżda meta l-Ġermanja daħlet fil-Gwerra f’Awwissu 1914, talab lir-Re Ludovigu III tal-Bavarja ħalli jkun jista’ jservi fir-riġment Bavariż. It-talba tiegħu ntlaqgħet.

Suldat[immodifika | immodifika s-sors]

Hitler serva fi Franza u l-Belġju fis-16-il Riġment Bavariż. Kien fuq il-Front oċċidentali, espost ħafna għall-attakki tal-għadu. Ħa sehem f’numru ta’ battalji kbar, fosthom l-Ewwel Battalja ta’ Ypres, il-Battalja ta’ Somme, il-Battalja ta’ Arras u l-Battalja ta’ Passchendaele. Fil-Battalja ta’ Ypres (Ottubru 1914), li saret magħrufa fil-Ġermanja bħala l-Massakru tal-Innoċenti, inqatlu madwar 40,000 suldat tal-infanterija f’20 jum, tant li sa Diċembru t-taqsima ta’ Hitler minn 250 niżlet għal 42. Darbtejn Hitler kien unurat għall-qlubija. Ingħata s-Salib tal-Ħadid, it-Tieni Klassi, fl-1914, u s-Salib tal-Ħadid, l-Ewwel Klassi, fl-1918, imma qatt ma ġie promoss għal Unteroffizier jew kapural. Fl-1916, kien ferut f’siequ fil-Battalja ta’ Somme, imma f’Marzu 1917 irritorna fuq il-Front. Nhar il-15 ta’ Ottubru 1918, Hitler iddaħħal fi sptar tal-kamp tal-gwerra, wara attakk tal-gass mustarda. Hitler jgħid li b’din l-esperjenza ikkonvinċa ruħu l-missjoni ta’ ħajtu kellha tkun dik li "jsalva l-Ġermanja."

Matul il-gwerra, Hitler sar patrijott Ġermaniż appassjonat, għalkemm dam biex sar ċittadin Ġermaniż sal-1932. Huwa nħasad bil-kapitulazzjoni tal-Ġermanja f’Novembru 1918 anke meta l-armata Ġermaniża kienet għadha tokkupa territorju tal-għadu. Bħan-nazzjonalisti Ġermaniżi l-oħra, kien jemmen li l-armata "mhux megħluba fil-kamp tal-battalja," kienet traduta mill-politiċi u mill-Marxisti, iktar tard imlaqqma, il-Kriminali ta’ Novembru. It-Trattat ta’ Versailles ċaħħad lill-Ġermanja minn ħafna territorju, iddemilitarizza r-Renanja, impona sanzjonijiet ekonomiċi, reġa’ ħoloq il-Polonja, u tefa’ t-tort tal-orruri kollha tal-gwerra fuq il-Ġermanja. Dan kollu l-Ġermaniżi rawh bħala umiljazzjoni, u dan kien it-tapit mifrux għall-axxeża ta’ Hitler fil-poter.

Jidħol fil-Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Hitler baqa’ fl-armata u mar lura Munich. Beda jieħu sehem fil-korsijiet tad-Dipartment tal-Edukazzjoni u l-Propaganda tar-Reichswehr taħt il-Kaptan Karl Mayr. F’Lulju 1919, Hitler sar spija tar-Reichswehr, biex jinfiltra partit żgħir, il-Partit tal-Ħaddiema Ġermaniżi (DAP). Waqt li kien qed jispija fuq dan il-partit, Hitler intlaqat mill-ideat anti-semiti, nazzjonalisti, anti-kapitalisti u anti-Marxisti tal-fundatur tad-DAP, Anton Drexler li ried gvern b’saħħtu u soċjaliżmu mnaddaf mil-Lhud. Drexler min-naħa tiegħu ntlaqat mill-ħiliet oratoriċi ta’ Hitler u stiednu jingħaqad mal-partit. Hekk għamel nhar it-12 ta’ Settembru 1919. Sar ukoll is-seba’ membru tal-kumitat eżekuttiv tad-DAP. Hemm Hitler iltaqa’ ma’ Dietrich Eckart, wieħed mill-fundaturi tad-DAP li kien jemmen fil-miġja ta’ “Messija Ġermaniż” u meta’ ltaqa’ ma’ Hitler fl-1919 kien konvint li sabu. Eckart sar il-konsulent speċjali ta’ Hitler, billi għallmu kif jilbes u kif jitkellem, u laqqgħu ma’ ħafna nies. Biex isir iktar jappella, il-partit biddel ismu għal Partit Nazzjonali Soċjalista Ġermaniż tal-Ħaddiema (Nationalsozialistische Deutsche Arbeiterpartei, abbrevjata NSDAP).

Hitler spiċċa mill-armata f’Marzu 1920 u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu fl-attività tal-partit. Sa mill-1921, Hitler kien sar oratur tajjeb quddiem folol kbar. Fi Frar, Hitler tkellem quddiem folla ta’ sitt elef ruħ fi Munich. In-NSDAP kien ibbażat fi Munich, li kienet il-mekka tan-nazzjonalisti anti-Marxisti. F’Hitler raw mod kif jaslu għall-għanijiet tagħhom. Fis-sajf tal-1921 Hitler mar Berlin iżur gruppi nazzjonalistiċi, u fl-assenza tiegħu nqalgħet rivolta fit-tmexxija tal-Partit fi Munich, għax kien hemm min irid ineħħi lil Hitler. Hitler mar jiġri lura Munich, u nhar il-11 ta’ Lulju 1921 ta r-riżenja tiegħu. Meta rrealizzaw li mingħajr Hitler kien se jispiċċa l-Partit, huwa sab ix-xoqqa f’moxtha u ħabbar li kien lest imur lura fil-Partit jekk jieħu post Drexler bħala mexxej, b’poteri illimitati. Għall-bidu il-kumitat eżekuttiv tan-NSDAP irreżista imma kellu jċedi taħt il-pressjoni vjolenti ta’ Hitler u n-nies ta’ madwaru. Il-proposta ta’ Hitler għaddiet b’543 vot favur u wieħed biss kontra. Nhar id-29 ta’ Lulju 1921, Adolf Hitler sar il-Führer tal-Partit Nażista, l-ewwel darba li uża dak it-titlu. Fost l-ewwel segwaċi tiegħu kien hemm Rudolf Hess, l-eks pilota tal-ajru Hermann Göring, u l-kaptan tal-armata Ernst Röhm, li iktar tard sar il-Kap tas-SA (Sturmabteilung), li kienet tipproteġihom waqt il-meetings u tattaka lill-oppożituri. Hitler ġibed ukoll l-attenzjoni tan-negozjanti, u assoċja ruħu mal-Ġeneral anzjan Erich Ludendorff.

Il-Putsch tal-Birrerija[immodifika | immodifika s-sors]

Inkoraġġit mill-appoġġ li beda jikseb, Hitler iddeċieda li juża lil Ludendorff f’attentat ta’ kolp ta’ stat li baqa’ magħruf bħala l-"Putsch tal-Birrerija". Il-Partit Nażista beda jikkopja lill-Faxxisti Taljani fil-mod kif jilbsu u anke fil-politika tagħhom, u fl-1923, Hitler ried jimita l-“Marċ fuq Ruma” ta’ Benito Mussolini. Hitler u Ludendorff kisbu l-appoġġ ta’ Gustav von Kahr, il-mexxej de facto tal-Bavarja, u persuni influwenti fir-Reichswehr u fil-pulizija. Flimkien kienu qegħdin jippjanaw li jiffurmaw gvern ġdid. Nhar it-8 ta’ Novembru 1923, Hitler u s-SA baqgħu deħlin bi vjolenza waqt laqgħa pubblika immexxija minn Kahr f’birrerija fi Munich. Iddikjara li kien għamel gvern ġdid ma’ Ludendorff u ordna lil Kahr itih appoġġ biex iwaqqgħu l-gvern ta’ Berlin iżda Kahr irtira l-appoġġ tiegħu u mal-ewwel opportunità li ġietu ħarab u ngħaqad mal-oppożizzjoni għal Hitler.

L-għada, meta Hitler u s-segwaċi tiegħu mmarċjaw mill-birrerija sal-Ministeru tal-Gwerra Bavariż bħala bidu għall-"Marċ fuq Berlin", il-pulizija fetħet in-nar fuqhom. Sittax –il membru tal-Partit Nażista nqatlu. Hitler ħarab lejn id-dar ta’ Ernst Hanfstaengl u kkontempla li jneħħi ħajtu; mart Hanfstaengl ipperswadietu ma jagħmilx dan. Ma damx wisq ma ġie arrestat mixli bi tradiment lejn l-Istat. Waqt il-ġuri, Hitler ingħata ħin kemm irid biex jitkellem, u l-popolarità tiegħu splodiet ’il fuq meta fid-difiża tiegħu huwa ta leħen lis-sentimenti nazzjonalistiċi tant diffużi fost il-poplu. Hekk sar figura nazzjonali. Nhar l-1 ta’ April 1924, Hitler ingħata sentenza ta’ ħames snin priġunerija fil-Ħabs ta’ Landsberg. Hitler ingħata trattament preferenzjali mill-gwardjani tal-ħabs u rċieva ħafna ittri ta’ ammiraturi. Tmien xhur ingħata l-maħfra u nħeles mill-ħabs fuq ordni tal-Qorti Suprema Bavariża, nhar l-20 ta’ Diċembru 1924. Jekk wieħed jgħodd iż-żmien li għamel f’kustodja kawtelari, Hitler għamel biss ftit iktar minn sena ħabs.

Mein Kampf[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-ħabs, huwa ddetta ħafna mill-ewwel volum ta’ Mein Kampf (Il-Ġlieda tiegħi, li oriġinarjament kien semmieh Erba’ snin u nofs ta’ Ġlied kontra l-Gideb, l-Istupidità u l-Viljakkerija) lil Rudolf Hess. Il-ktieb li ddedikah lil Dietrich Eckart, kien awtobijografija u espożizzjoni tal-ideoloġija tiegħu. F’Mein Kampf Hitler kien influwenzat minn The Passing of the Great Race ta’ Madison Grant, li Hitler kien isejjaħlu "l-Bibbja tiegħi." Ħareġ f’żewġ volumi fl-1925 u l-1926, u nbigħu 240,000 kopja tiegħu bejn l-1925 u l-1934. Sal-aħħar tal-gwerra, madwar 10 miljun kopja nbigħu jew tqassmu - il-miżżewġin ġodda u s-suldati kienu jingħataw kopja b’xejn.

Lejn il-Poter[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-falliment tal-putsch il-Partit Nażista u l-organi tiegħu kienu projbiti fil-Bavarja, imma Hitler ikkonvinċa lil Heinrich Held, il-Priministru tal-Bavarja li jneħħi l-projbizzjoni, bil-wegħda li l-Partit kien se jfittex li jikseb il-poter politiku b’mezzi demokratiċi biss. Għalkemm fis-16 ta’ Frar 1925 il-projbizzjoni tneħħiet, Hitler reġa’ qala’ projbizzjoni oħra, din id-darba fuq id-diskors fil-pubbliku, wara diskors xewwiexi li kien għamel. Wara li Gregor Strasser, ħuh Otto u Joseph Goebbels ħolqu fazzjoni iktar xellugija fil-Partit, Hitler iċċentralizza iktar il-Partit. Ma kinux iktar il-gruppi li jagħżlu l-mexxejja tagħhom imma s-superjuri minn fuq għal isfel, u s-sudditi riedu jobdu bla ma jistaqsu.

Il-punt ta’ żvolta politiku għal Hitler seħħ meta l-Great Depression laqtet lill-Ġermanja fl-1930. Ir-Repubblika Weimar kienet attakkata fil-miftuħ mill-konservattivi tal-lemin, il-monarkisti, il-Komunisti u n-Nażisti. Kif il-partiti demokratiċi sabu ruħhom ma jistgħux jaqblu fuq il-kontro-miżuri għall-kriżi, il-koalizzjoni tagħhom spiċċat u ħa posthom gvern ta’ minoranza. Il-Kanċillier il-ġdid, Heinrich Brüning tal-Partit Kattoliku taċ-Ċentru, kien imexxi b’digrieti presidenzjali ta’ emerġenza billi ma kellux maġġoranza fil-Parlament. Il-Parlament hekk ma setax jaħdem u dan witta t-triq għal forma ta’ gvern awtoritarju. F’Settembru 1930 saru elezzjonijiet prematuri. Il-partiti demokratiċi tilfu l-maġġoranza tagħhom u n-Nażisti sparaw ’il fuq bi 18% tal-voti u b’107 siġġijiet. Mid-disa’ l-iżgħar partit saru t-tieni l-ikbar partit.

Il-Ħruq tar-Reichstag[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit wara li Hitler kien ħa l-poter fl-1933 huwa xolja r-Reichstag jew il-Parlament u sejjaħ elezzjonijiet ġodda. Fi Frar ta’ dik is-sena inħaraq parti mir-Reichstag u Hitler waħħal fil-Komunisti biex b’hekk irnexxielu jirbaħ l-elezzjoni b’maġġoranza żgħira. F’Marzu r-Reichstag ta poteri dittatorjali lil Hitler. B’hekk wara dan il-Parlament ftit li xejn iltaqa’.

It-Tieni Gwerra Dinjija[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel invażjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

F’Ottubru 1936 Hitler iffirma ftehim ma’ Mussolini. Hitler kien jemmen li l-Ġermanja kellha bżonn tespandi fil-Lvant biex ikollha iktar art għall-biedja u l-industrija. Meta fl-1938 Hitler okkupa l-Awstrija għax qal li l-Ġermaniżi t’hemmhekk kienu qed jiġu ppersegwitati, ħadd ma pprotesta. Sitt xhur wara okkupa ċ-Ċekoslovakkja. Billi l-Ingilterra u Franza beżgħu li tfaqqa’ gwerra qablu mal-Patt ma’ Munich.

Anti-semitiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Meta r-reġim Nażista tela’ fis-setgħa fil-Ġermanja f’Jannar 1933, mill-ewwel beda jieħu miżuri sistematiċi kontra l-Lhud. Mill-1933 sal-1939, saru sforzi organizzati mill-Partit Nażista biex jeliminaw lil-Lhud mill-ħajja ekonomika. Il-Lhud tkeċċew mill-pożizzjonijiet li kellhom mal-gvern, u l-avukati u tobba Lhud tilfu l-klijenti Ġermaniżi tagħhom. L-intrapriżi Lhudi kienu jiġu likwidati jew jinxtraw b’valur ħafna inqas minn kemm jiswew minn kumpaniji li ma kinux tal-Lhud. Id-dħul li l-Lhud kienu jagħmlu minn bejgħ kif ukoll dak li jġemmgħu, kien suġġett għal taxxa speċjali.

“Il-Lejl tal-Ħġieġ Imkisser”[immodifika | immodifika s-sors]

F’Novembru 1938, wara li żagħżugħ Lhudi qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi, is-sinagogi kollha fil-Ġermanja ġew maħruqa, it-twieqi tal-ħwienet Lhud tkissru, u eluf ta’ Lhud ġew arrestati. Dal-“Lejl tal-Ħġieġ Imkisser” (Kristallnacht) kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jitilqu malajr kemm jista’ jkun. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud irnexxielhom isibu kenn f’pajjiżi oħra, iżda numru daqstant ieħor kbir ta’ Lhud, ħafna minnhom xjuħ u foqra, baqgħu hemm jistennew destin inċert.

L-Invażjoni tal-Polonja[immodifika | immodifika s-sors]

F’Awissu 1939 il-Ġermanja iffirmat patt ma’ l-Unjoni Sovjetika, u f’dan il-patt iż-żewġ pajjiżi bil-moħbi qasmu l-Polonja. Hitler attakka l-Polonja f’Settembru 1939. Il-Pollakki maljar ingħelbu u l-alleati tagħhom, l-Ingliżi u l-Franċiżi, m’għamlu xejn biex jgħinuhom. Fir-rebbiegħa ta’ l-1940 Hitler ħataf id-Danimarka u n-Norveġja u ftit wara l-Olanda , l-Belġju u Franza. Meta Hitler okkupa l-Polonja żied kważi żewġ miljuni Lhud taħt is-setgħa tiegħu. Ir-restrizzjonijiet li saru fuq il-Lhud tal-Polonja kienu eħrex minn dawk fil-Ġermanja.

Il-Lhud fil-Polonja kienu mġiegħla jgħixu f’ghettos imdawra b’ħitan u barbed wire. Il-ghettos kienu bħal bliet magħluqin minn kullimkien. Kull ghetto kellu kunsill Lhudi li kien responsabbli għad-djar, sanità, u produzzjoni. L-ikel li kien jitħalla jidħol fil-ghettos mill-Ġermaniżi kien jikkonisti biss f’qamħ u ħaxix bħal ġdur, karrotti u pitravi. Fil-ghetto ta’ Varsavja, ir-razzjon uffiċjali għal kull abitant ma kienx jaqbeż l-1200 kalorija. Xi ikel li kien jidħol bil-black-market, kien jinbiegħ bi prezzijiet m’għola s-sema, u l-qgħad u l-faqar kienu mferrxa. Id-djar kienu mimlijin nies, b’sitta jew sebgħa min-nies f’kull kamra, u l-marda tat-typhus kienet komuni.

Fl-Unjoni Sovjetika[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt li kien qed jiġri dan kollu fil-Polonja, f’Ġunju 1941, il-Ġermaniżi invadew l-Unjoni Sovjetika (USSR). L-SS qassmet 3000 gwardja f’unitajiet speċjali fit-territorji Sovjetiċi, biex joqtlu l-Lhud kollha on the spot. Dawn l-action squads kienu nvoluti f’massakri sħaħ, li ħafna drabi kienu jsiru f’fossijiet jew irdumijiet qrib l-ibliet. Xi drabi r-residenti kienu jaraw dawn il-massakri, u aħbarijiet dwar dan ma damux ma bdew jaslu f’diversi kapitali tad-dinja.

Is-“Soluzzjoni Finali”[immodifika | immodifika s-sors]

Xahar wara dan, it-tieni fit-tmexxija wara Hitler, Hermann Göring, bagħat direttiva lill-kap tal-SS, Reinhard Heydrich, bl-ordni li jorganizza “soluzzjoni finali għall-kwistjoni Lhudija” fl-Ewropa kollha dominata mill-Ġermanja. F’Settembru 1941, il-Lhud tal-Ġermanja riedu jilbsu badges jew armbands immarkata bi stilla safra. Fix-xhur ta’ wara, għexieren ta’ eluf ġew deportati fil-Polonja u fi bliet maħtufa mill-USSR. Sadanittant kienet qed titħejja innovazzjoni oħra: il-kamp tal-mewt.

Kampijiet attrezzati biex jiggassjaw lin-nies inbnew fuq l-art tal-Polonja okkupata. Ħafna mill-vittmi kellhom jinġiebu mill-ghettos tal-qrib. Mill-ghetto ta’ Varsavja biss, inġiebu iktar minn 300,000. L-ewwel trasporti kienu mimlijien b’nisa, tfal jew xjuħ li ma setgħux jaħdmu; il-Lhud li setgħu jaħdmu kienu jinżammu iżda fl-aħħar kienu jispiċċaw maqtula huma wkoll. L-ikbar deportazzjonijiet seħħew fis-sajf ta’ l-1942. Id-destinazzjoni ta’ dawn it-trasporti ma kinux jiġu mgħarrfa lill-komunitajiet Lhud, iżda rapporti ta’ massakri sħaħ fl-aħħar waslu għand il-Lhud li kienu għadhom ħajjin u għand il-gvernijiet ta’ l-Istati Uniti u l-Ingilterra.

F’April 1943, il-65,000 Lhudi li kien baqa’ Varsavja irreżistew lill-pulizija Ġermaniża li daħlet fil-ghetto, f’battalja li damet sejra tliet ġimgħat. Bejn Lulju u Ottubru 1942 iktar minn 300,000 abitant tal-ghetto ta’ Varsavja ntvagħtu fil-kampijiet ta’ konċentrament u nqatlu. Is-60,000 Lhudi li kien għad baqa’ nqatlu f’din ir-reżistenza erojka.

Fejn kien possibli, il-Ġermaniżi ġabru l-propjetà kollha tad-deportati. Fil-Ġermanja, il-kontijiet tal-bank ġew konfiskati, u minn Franza, Belġju u Olanda okkupati, l-għamara tal-Lhud kienet titwassal il-Ġermanja biex tingħata lil persuni li djarhom kienu ġew ibbumbardjati. It-trasport tal-vittmi lejn il-kampijiet tal-mewt kien isir bil-ferrovija. Il-karrijiet li kienu jwasslu l-Lhud kienu jimxu bil-mod bi skedi speċjali għad-destinazzjoni tagħhom. Ħafna drabi l-morda u x-xjuħ kienu jmutu fit-triq.

Auschwitz[immodifika | immodifika s-sors]

Auschwitz, qrib Krakow, kien l-akbar kamp tal-mewt, li b’differenza mill-oħrajn uża l-gass idroġenu li malajr kien iwassal għall-effett mixtieq. Il-vittmi ta’ Auschwitz kienu ġejjin mill-Ewropa kollha: Norveġja, Franza, Olanda, Italja, Ġermanja, ċekoslovakja, Ungerija, Polonja, Jugoslavja, u Greċja. Ħafna priġunieri, Lhud u mhumiex, kienu jitħaddmu; xi priġunieri kienu jintużaw f’esperimenti mediċi, b’mod partikulari għall-isterilizzazzjonijiet. Għalkemm il-Lhud u ż-żingari (gypsies) biss kienu jiġu ggassjati regolarment, mijiet ta’ eluf ta’ priġunieri oħra f’Auschwitz mietu bil-ġuħ, bil-mard jew iffuċillati. Biex jgħattu dnubhom, bnew krematorji kbar biex fihom jinħarqu l-iġsma ta’ dawk li ġew iffuċillati. Fl-1944 il-kamp ġie fotografat mill-ajruplani ta’ l-Alleati li kienu qed ifittxu l-industriji; il-fabbriki ġew ibbumbardjati iżda l-kampijiet le.

Ir-Riżultati tax-Shoah[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-gwerra ntemmet, miljuni ta’ Lhud, Slavi, żingari, omosesswali, Xhieda ta’ Ġeħova, Komunisti, u oħrajn fil-mira tan-Nażisti, kienu nqatlu fl-Olokawst. Il-Lhud maqtula kienu madwar 6 miljuni: madwar 3 miljuni fil-kampijiet ta’ konċentrament, miljun u nofs iffuċillati, u iktar minn 600,000 fil-ghettos. L-Alleati ġew pressati biex joħolqu art permanenti fil-Palestina għal-Lhud li baqgħu ħajjin. It-twaqqif ta’ Israel, tliet snin wara l-waqgħa tal-Ġermanja kien għalhekk effett ta’ l-Olokawst.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Adolf Hitler ikkommetta suwiċidju fl-1945, f'Berlin; hemm min jgħid li Hitler uża pistola filwaqt li oħrajn isostnu li ntuża l-velenu