Kalwaria Zebrzydowska

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kalwaria Zebrzydowska

Kalwaria Zebrzydowska (bil-Pollakk: [kalˈvarja zɛbʐɨˈdɔfska]) hija raħal fin-Nofsinhar tal-Polonja b’4,429 abitant (skont stima tal-2007). Mill-1999, ir-raħal jinsab fid-distrett ta’ Małopolskie. Preċedentement, ir-raħal kien amministrat fid-distrett ta’ Bielsko-Biała (1975-1998). Il-kumpless tal-pellegrinaġġ ta’ Kalwaria Zebrzydowska tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1 ta’ Diċembru 1602, filwaqt li kellu viżjoni hu u jħares lejn l-għoljiet u l-widien tal-madwar mill-Kastell ta’ Lanckorona, Mikołaj Zebrzydowski, is-sindku distrettwali ta’ Krakovja kkummissjona l-kostruzzjoni ta’ kalvarju, jiġifieri monasteru tal-Knisja Kattolika Rumana u l-posti tal-Passjoni ta’ Kristu mmudellati fuq il-Kalvarju ’l barra mill-ħitan tal-belt ta’ Ġerusalemm.[2]

Waħda mill-bosta binjiet u strutturi tal-posti tal-Via Crucis

Isem ir-raħal oriġina minn dak tal-monasteru li nbena fl-għoljiet qrib Lanckorona u minn kunjom il-fundatur tiegħu Zebrzydowski. Ir-raħal ta’ Zebrzydów ġie stabbilit fl-1617 sabiex ikun jista’ jilqa’ n-numru dejjem jikber ta’ pellegrini li kienu jiġu jżuru s-sit Kattoliku Ruman ta’ qima. Id-drittijiet tar-raħal ġew estiżi u r-raħal ġie mmappjat mill-ġdid minn Jan Zebrzydowski fl-1640, u kiseb l-isem ta’ Nowy Zebrzydów (Zebrzydów il-Ġdid).[2]

Fl-1715, ir-raħal inħakem minn nirien kbar u sussegwentement reġa’ nbena minn Józef Czartoryski, sid ir-raħal dak iż-żmien. Il-palazz tal-familja Czartoryski nbena fl-1729-1731. Fis-snin 80 tas-seklu 20, il-palazz reġa’ nbena u ġie mmudellat mill-ġdid fis-seminarju attwali.[2]

Ir-raħal ġie anness mal-Imperu Awstrijak tal-Asburgi meta dan invada l-Polonja matul l-Ewwel Diviżjoni tal-Polonja fl-1772. L-amministrazzjoni Awstrijaka biddlet isem ir-raħal għal “Kalwaria”. Fl-1887, Jan Kanty Brandys sar sid ir-raħal u għall-ħabta tal-1890 ġie adottat l-isem Kalwaria Zebrzydowska. Fl-1896, ir-raħal tilef id-drittijiet tiegħu minħabba deċiżjoni mill-awtoritajiet governattivi Awstrijaki.[2]

Il-kostruzzjoni tal-Knisja ta’ San Ġużepp bdiet fl-1905. Ir-raħal reġa’ ġie rritornat lill-Polonja fl-1919 bit-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-iffirmar tat-Trattat ta' Versailles minn Roman Dmowski f’isem ir-Repubblika Pollakka fit-28 ta’ Ġunju 1919 f’Pariġi. Id-drittijiet tar-raħal reġgħu ngħataw fl-1934 permezz ta’ deċiżjoni tal-gvern Pollakk.[2]

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-iżvilupp ekonomiku tar-raħal kien jiddependi l-iktar fuq l-espansjoni tal-manifattura tal-għamara u tal-industrija tax-xogħol fl-injam tagħha, tal-manifattura taż-żraben, kif ukoll l-għadd dejjem jikber ta’ pellegrini li kienu jżuru l-kumpless reliġjuż tiegħu.[2]

Papa Ġwanni Pawlu II[immodifika | immodifika s-sors]

L-istatwa ta’ Papa Ġwanni Pawlu II quddiem il-monasteru ta’ Kalwaria Zebrzydowska

Il-Papa Ġwanni Pawlu II għamel diversi żjarat f’Kalwaria Zebrzydowska fuq il-pellegrinaġġi li għamel f’art twelidu fil-Polonja. Kien fil-monasteru ta’ Kalwaria Zebrzydowska li l-Papa Ġwanni Pawlu II tenna l-kliem tal-motto tiegħu:

Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt. Accipio te in mea omnia. Praebe mihi cor tuum, Maria”. (“Jien tiegħek għalkollox, u dak kollu li għandi huwa tiegħek. Ngħożżok għalkollox. O Marija, agħtini qalbek”).

Skont l-Ittra Appostolika tiegħu Rosarium Virginis Mariae huwa ssellef il-motto mit-talba tal-konsagrazzjoni Marjana li tinstab fil-ktieb Devozzjoni ta’ Veru lejn Marija ta’ San Louis de Montfort.[3]

Il-Papa Ġwanni Pawlu II darba fakkar kif bħala seminarista żagħżugħ huwa “qara darba wara l-oħra bi gwadann spirtwali kbir” xi kitbiet ta’ San Louis de Montfort u li:

“Imbagħad fhimt li ma stajtx neskludi lil Omm Alla minn ħajti mingħajr ma nittraskura r-rieda t’Alla u tat-Trinità Mqaddsa”.[4]

Fl-1987, Henryk Górecki kkompona opra mużikali għall-kor (Totus Tuus Op. 60) biex jiċċelebra t-tielet pellegrinaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’art twelidu, il-Polonja, dak is-sajf. Filwaqt li r-ritornell jiftaħ bl-istess kliem bħall-motto appostoliku, l-opra fil-fatt tuża poeżija ta’ Maria Boguslawska għat-test tagħha.[5]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless arkitettoniku Mannerista u l-pajsaġġ tal-park tal-pellegrinaġġ ta’ Kalwaria Zebrzydowska ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba l-kumpless tal-pellegrinaġġ ta’ Kalwaria Zebrzydowska huwa monument kulturali eċċezzjonali fejn il-pajsaġġ naturali ntuża bħala l-isfond ta’ rappreżentazzjoni simbolika (fl-għamla ta’ kappelli u posti) tal-avvenimenti tal-Passjoni ta’ Kristu, li rriżulta f’pajsaġġ kulturali ta’ sbuħija kbira u ta’ kwalità spiritwali, fejn l-elementi naturali u magħmula mill-bniedem huma kkombinati b’mod armonjuż; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-Kontroriforma tal-aħħar tas-seklu 16 wasslet għat-tkattir u għall-ħolqien tal-Kalvarji fl-Ewropa u Kalwaria Zebrzydowska hija eżempju straordinarju ta’ dan it-tip ta’ disinn tal-pajsaġġi fuq skala kbira, bl-inkorporazzjoni tas-sbuħija naturali mal-objettivi spiritwali u mal-prinċipji tad-disinn tal-parks Barokki.[1]

Relazzjonijiet internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Ġemellaġġi[immodifika | immodifika s-sors]

Kalwaria Zebrzydowska hija ġemellata ma’:

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Kalwaria Zebrzydowska: the Mannerist Architectural and Park Landscape Complex and Pilgrimage Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.
  2. ^ a b ċ d e f Parma, Christian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). Parma Press. pp. 112–119. ISBN 978-8377771556.
  3. ^ Saint Louis de Montfort, Treatise on True Devotion to the Blessed Virgin, 266.
  4. ^ "POPE REVEALS MARY'S ROLE IN HIS LIFE". www.zeitun-eg.org. Miġbur 2021-05-02.
  5. ^ "Henryk Górecki - Totus tuus, Op.60 - Classical Archives". www.classicalarchives.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.