Minjiera Storika tal-Fidda f'Tarnowskie Góry
Il-Minjiera Storika tal-Fidda ta' Tarnowskie Góry (bil-Polakk: Zabytkowa Kopalnia Srebra), huwa Sit tal-Wirt Dinji tal-UNESCO li ġie ddeżinjat fl-2017 f'Tarnowskie Góry, is-Silesja, il-Polonja. Il-minjiera u l-Passaġġ Orizzontali tat-Trota s-Sewda fil-qrib huma fdalijiet tal-industrija tax-xogħol fil-minjieri tal-fidda. Il-mużew huwa punt ewlieni fir-Rotta Ewropea tal-Wirt Industrijali.[1] Is-sit jifforma parti wkoll mill-Kumitat Internazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Wirt Industrijali u mal-Organizzazzjoni tat-Turiżmu fis-Silesja. Il-minjiera storika tal-fidda u s-sistema tal-ġestjoni tagħha taħt l-art ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[2]
Storja tax-xogħol fil-minjieri
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun ta' Tarnowskie Góry huwa magħruf għall-minjieri storiċi tal-minerali taċ-ċomb. Il-mineral li kien jinkiseb mit-tħaffir hawnhekk kien il-galena li huwa sors ta' ċomb u ta' fidda. Fis-seklu 16 kien wieħed mill-iktar ċentri industrijali importanti f'din il-parti tal-Ewropa. Wara li r-raħal ġie stabbilit fl-1526, id-Duka ta' Opole Ġwanni II tah l-istatus ta' raħal indipendenti tax-xogħol fil-minjieri. Anke isem ir-raħal ta' Tarnowskie Góry għandu ġenesi marbuta max-xogħol fil-minjieri. L-ewwel parti tal-isem, "Tarnowskie" oriġinat mill-isem tal-villaġġ "Tarnowice" fejn kienu nstabu depożiti tal-galena. It-tieni parti tal-isem "Góry" tfisser "muntanji" u oriġinat mill-elevazzjoni ta' bosta xaftijiet li ġew imħaffra fir-raħal.[3]
Il-perjodu ta' prosperità dam sal-aħħar tas-seklu 16. Fis-seklu 17, il-minaturi bdew jaħdmu f'fond dejjem ikbar taħt l-art u dan beda jwassal għal problemi kull darba li jkun hemm għargħar fil-minjieri peress li l-metodi tad-drenaġġ tal-minjieri ma kinux effiċjenti ħafna. Il-Gwerra ta' Tletin Snin kompliet toħloq kriżi saħansitra ikbar. L-industrija kkrollat u t-tagħmir tad-drenaġġ inqered. L-epidemiji u n-nirien ukoll kien flaġelli għar-raħal. Ir-raħal ta' Tarnowskie Góry ġie attakkat minn diversi armati, u dan wassal għall-qerda u għal diversi kontribuzzjonijiet li kellhom jitħallsu mill-abitanti tar-raħal.[3]
Ir-reġjun tas-Silesja nħakem mir-Renju tal-Prussja fis-seklu 18. Ir-Re Federiku II ddelega lil Friedrich Wilhelm von Reden u lil Friedrich Anton von Heynitz biex jerġgħu joperaw l-attivitajiet tax-xogħol fil-minjieri fis-Silesja. It-tnejn li huma kienu professjonisti fenomenali fil-qasam tax-xogħol fil-minjieri u fil-metallurġija. Fl-1776, it-tnejn li huma żaru l-ikbar ċentri industrijali Ingliżi, li fit-tieni nofs tas-seklu 18 kienu minn ta' quddiem fl-industrija Ewropea.[3]
Matul dawn iż-żjarat huma tgħallmu l-prinċipji tat-tħaddim tal-minjieri tal-faħam u tal-impjanti tal-ikkokkjar, l-użu tal-magni li jaħdmu bl-istim, il-kostruzzjoni tal-kanali tal-ilma u t-tħaffir tal-passaġġi orizzontali għad-drenaġġ tal-minjieri. It-tħaffir tax-xaftijiet beda f'Ottubru 1783 u 72 minatur kienu involuti fix-xogħol. Wara disa' xhur ta' xogħol intensiv, fis-16 ta' Lulju 1784, instab depożitu rikk tal-minerali taċ-ċomb u tal-fidda f'fond ta' 18-il metru fix-xaft imsejjaħ "Rudolfina". Jumejn wara saret skoperta simili fix-xaft imsejjaħ "Łyszczonka" u fix-xaft imsejjaħ "Opal". Il-minjiera statali l-ġdida tal-fidda u taċ-ċomb ingħatat l-isem ta' Federiku.[3]
L-industrija tax-xogħol fil-minjieri kellha tiffaċċja l-problema tal-għargħar waqt l-iskavi. It-tagħmir tad-drenaġġ ma bediex ilaħħaq biex ibattal l-ilma kollu malajr biżżejjed. Fl-1787, l-ewwel magna li taħdem bl-istim inġabet minn Wales permezz tal-Konti Friedrich Wilhelm von Reden. Il-magna bdiet taħdem fid-19 ta' Jannar 1788. L-ilma tneħħa mill-iskavi u b'hekk it-tħaffir għad-depożiti rikki tal-mineral seta' jkompli jitwettaq. Bis-saħħa tal-magni li jaħdmu bil-fwar, sar ukoll it-tħaffir tal-passaġġi orizzontali għad-drenaġġ tal-minjieri biex b'hekk l-ilma seta' jitbattal mill-minjieri mingħajr għajnuna minn xi apparati addizzjonali.
Minħabba li r-riżorsi tal-minerali tal-galena bdew jitnaqqru, il-minjiera bdiet gradwalment twaqqaf l-attività tagħha fil-bidu tas-seklu 20, u temmet l-attività tagħha definittivament fl-1913. Matul erba' sekli, il-minaturi ħaffru iktar minn 20,000 xaft u iżjed minn 150 kilometru ta' kurituri taħt l-art.[3]
Storja tat-turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-riċerkaturi, ix-xjentisti u d-dilettanti tal-istorja bdew jesploraw il-kompartimenti u l-kurituri enormi taħt l-art li kienu tħaffru mill-minaturi. L-ewwel tentattivi biex tintgħażel parti mill-minjiera adattata għat-turisti saru f'nofs is-snin 30 tas-seklu 20. B'xorti ħażina, it-tifqigħa tat- Tieni Gwerra Dinjija waqqfet ħesrem l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe proġett ta' dan it-tip.
Fis-snin 50 tas-seklu 20, grupp ta' dilettanti tal-istorja stabbilew l-Assoċjazzjoni ta' Dawk li Jħobbu l-Art ta' Tarnowskie Góry, bl-għan ewlieni li tinfetaħ rotta turistika. Il-Passaġġ Orizzontali tat-Trota s-Sewda, li huwa parti mis-sistema tad-drenaġġ, infetaħ fl-1957 u għal għexieren ta' snin kien l-itwal rotta turistika bid-dgħajsa taħt l-art fil-Polonja. Kien iktar diffiċli li tinħoloq rotta sikura fil-kurituri tal-minjiera nnifisha. Finalment, ir-rotta bejn it-tliet xaftijiet imsejħa Anġlu, Alla Jbierek u Vipera, infetħet għat-turisti fil-5 ta' Settembru 1976.[3]
Fl-2004, il-President tal-Polonja ddikjara li l-minjiera kienet Monument Storiku. Fl-2006 saret parti mir-Rotta tal-Monumenti Industrijali tas-Silesja. Fl-2014, il-minjiera saret parti wkoll mir-Rotta Ewropea tal-Wirt Industrijali.[4]
Il-minjiera hija normalment miftuħa għat-turisti, u kuljum isiru żjarat iggwidati b'diversi lingwi (iż-żjarat b'lingwi oħra għajr il-Pollakk iridu jiġu bbukkjati minn qabel). Iż-żjara turistika tibda f'mużew u mbagħad it-turisti jmorru taħt l-art biex iżuru l-kurituri li tas-sekli 18 u 19. It-tul totali tar-rotta huwa 1.7 km, u 270 metru minnhom isiru fuq dgħajjes tul kuritur mgħarraq.
Mad-dawra tal-binja tal-minjiera hemm ukoll Mużew fil-Beraħ tal-Magni li Jaħdmu bl-Istim, fejn it-tfal jistgħu jieħdu rikba fuq ferrovija tul rotta qasira u dejqa.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fid-9 ta' Lulju 2017, matul il-41 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fi Krakovja, il-Polonja, il-Minjiera Storika tal-Fidda u s-Sistema tal-Ġestjoni Tagħha Taħt l-Art tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Historic Silver Mine World Heritage Site – ERIH". www.erih.net (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tarnowskie Góry Lead-Silver-Zinc Mine and its Underground Water Management System". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
- ^ a b ċ d e f Smith, Adrian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites (bl-Ingliż). pp. 178–189. ISBN 9788377771556.
- ^ "Homepage". Historic Silver Mine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.