Auschwitz
Auschwitz, magħruf ukoll bħala l-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz, kien kumpless ta' iżjed minn 40 kamp ta' konċentrament u ta' sterminju (bil-Ġermaniż: Konzentrationslager Auschwitz) operat mill-Ġermanja Nażista fil-Polonja okkupata matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst. Il-kumpless kien jinkludi lil Auschwitz I, li kien il-kamp ewlieni (Stammlager) f'Oświęcim; Auschwitz II-Birkenau, li kien kamp ta' konċentrament u ta' sterminju bil-kmamar tal-gass; Auschwitz III-Monowitz, li kien kamp tax-xogħol sfurzat għall-konglomerat kimiku ta' IG Farben; u għexieren ta' sottokampijiet. Il-kampijiet saru sit maġġuri tas-Soluzzjoni Finali tan-Nażisti għall-Kwistjoni tal-Lhud.[1]
Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, bl-invażjoni tal-Polonja min-naħa tal-Ġermanja f'Settembru 1939, ix-Schutzstaffel (SS) ikkonvertew lil Auschwitz I, li qabel kien barrakki tal-armata, f'kamp tal-priġunieri tal-gwerra għall-priġunieri politiċi Pollakki.[2] L-ewwel persuni fil-kamp kienu kriminali Ġermaniżi li f'Mejju 1940 tressqu fil-kamp bħala funzjonarji, u dawn stabbilew ir-reputazzjoni tal-kamp għas-sadiżmu. Il-priġunieri kienu jiġu msawta, ittorturati u ġġustizzjati għal l-iktar raġunijiet trivjali possibbli. L-ewwel iggassjar — ta' priġunieri Sovjetiċi u Pollakki — seħħ fil-blokka nru 11 ta' Auschwitz I lejn Awwissu 1941. Il-kostruzzjoni ta' Auschwitz II bdiet ix-xahar ta' wara, u mill-1942 sal-aħħar tal-1944, il-ferroviji tal-merkanzija kienu jwasslu lil-Lhud mill-pajjiżi tal-Ewropa kollha li kienu ġew okkupati mill-Ġermanja hawnhekk biex jiġu ggassjati.[3] Mill-1.3 miljun ruħ li ntbagħtu lejn Auschwitz, mietu 1.1 miljun ruħ. Fost il-mejtin kien hemm 960,000 ruħ li kienu Lhud (865,000 ruħ minnhom ġew iggassjati malli waslu), 74,000 Pollakk etniku, 21,000 Rom, 15,000 priġunier Sovjetiku tal-gwerra, u sa 15,000 Ewropew ieħor.[4] Dawk li ma ġewx iggassjati mietu bil-ġuħ, bl-għeja, bil-mard, bl-iġġustizzjar individwali, jew bis-swat. Oħrajn inqatlu matul esperimenti mediċi.[5]
Minn tal-inqas 802 priġunieri ppruvaw jaħarbu, 144 minnhom irnexxielhom u l-oħrajn inqatlu, u fis-7 ta' Ottubru 1944 żewġ unitajiet tas-Sonderkommando, li kienu jikkonsistu f'priġunieri li kienu jħaddmu l-kmamar tal-gass, ippruvaw jagħmlu rewwixta iżda ma kellhomx suċċess. 789 membru tal-persunal (mhux iktar minn 15 fil-mija) qatt tressqu quddiem il-liġi;[6] diversi minnhom ġew iġġustizzjati, inkluż il-kmandant tal-kamp Rudolf Höss. In-nuqqas ta' azzjoni, permezz ta' bbumbardjar tal-kamp jew tal-linji ferrovjarji li jwasslu għalih, min-naħa tal-Alleati mal-ewwel rapporti ta' atroċitajiet għadha kwistjoni kontroversjali.
Meta l-Armata Ħamra Sovjetika ressqet qrib Auschwitz f'Jannar 1945, lejn l-aħħar tal-gwerra, l-SS bagħtu l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-kamp lejn il-Punent għall-qatla f'kampijiet fil-Ġermanja u fl-Awstrija. It-truppi Sovjetiċi daħlu fil-kamp fis-27 ta' Jannar 1945, jum li baqa' jiġi kkommemorat mill-2005 bħala l-Jum Internazzjonali ta' Tfakkir tal-Olokawst. Fid-deċennji ta' wara l-gwerra, dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin bħal Primo Levi, Viktor Frankl, u Elie Wiesel kitbu l-memorji tal-esperjenzi tal-waħx tagħhom, u l-kamp sar simbolu dominanti tal-Olokawst. Fl-1947, il-Polonja stabbiliet il-Mużew Statali ta' Auschwitz-Birkenau fis-sit ta' Auschwitz I u II, u fl-1979 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]
Sfond
[immodifika | immodifika s-sors]L-ideoloġija tas-Soċjaliżmu Nazzjonali (Nażiżmu) kienet tikkombina elementi ta' “iġjene razzjali”, ewġenika, anti-Semitiżmu, pan-Ġermanizzazzjoni, u espansjoniżmu territorjali. Adolf Hitler u l-Partit Nażista tiegħu saru ossessjonati bil-“kwistjoni tal-Lhud”.[8] Kemm matul kif ukoll immedjatament wara l-ħtif tal-poter min-naħa tan-Nażisti fil-Ġermanja fl-1933, l-atti ta' vjolenza kontra l-Lhud Ġermaniżi kienu saru n-normalità[9], u għaddiet leġiżlazzjoni li kienet teskludihom minn ċerti professjonijiet, fosthom fl-oqsma tas-servizz ċivili u d-dritt.[10]
Minħabba l-fastidji u l-pressjoni ekonomika, il-Lhud ġew imħeġġa jitilqu mill-Ġermanja; in-negozji tagħhom ġew miċħuda l-aċċess għas-swieq, ir-reklamar tagħhom fuq il-gazzetti ġie pprojbit, u ġew miċħuda minn kwalunkwe kuntratt tal-gvern.[11] Fil-15 ta' Settembru 1935, ir-Reichstag għadda l-Liġijiet ta' Nuremberg. Il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tar-Reich kienet tiddefinixxi bħala ċittadini lil dawk li “kellhom demm Ġermaniż jew nisel relatat li juru bl-imġiba tagħhom li għandhom ir-rieda u li huma adattati biex iservu l-Poplu u r-Reich Ġermaniż b'lealtà”, u l-Liġi għall-Protezzjoni tad-Demm Ġermaniż u tal-Unur Ġermaniż kienet tipprojbixxi ż-żwieġ u r-relazzjonijiet ekstrakonjugali bejn dawk li “kellhom demm Ġermaniż jew nisel relatat” u l-Lhud.[12]
Meta l-Ġermanja invadiet il-Polonja f'Settembru 1939, u faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, Hitler ordna li t-tmexxija u l-intelliġenzja Pollakka tiġi meqruda.[13][14] Iż-żona madwar Auschwitz ġiet annessa mar-Reich Ġermaniż, bħala parti minn Gau Silesja l-ewwel u mill-1941 bħala parti minn Gau Silesja ta' Fuq.[15] Il-kamp ta' Auschwitz ġiet stabbilit f'April 1940, l-ewwel bħala kamp ta' kwarantina għall-priġunieri politiċi Pollakki. Fit-22 ta' Ġunju 1941, f'tentattiv biex jikseb territorju ġdid, Hitler invada l-Unjoni Sovjetika.[16] L-ewwel iggassjar f'Auschwitz — ta' grupp ta' priġunieri Sovjetiċi tal-gwerra — seħħ għall-ħabta ta' Awwissu 1941.[17] Sa tmiem dik is-sena, matul dak li l-biċċa l-kbira tal-istoriċi jqisu bħala l-ewwel fażi tal-Olokawst, 500,000-800,000 Lhud Sovjetiċi nqatlu permezz ta' ġġustizzjar tal-massa minn kombinament ta' Einsatzgruppen Ġermaniżi, suldati Ġermaniżi ordinarji, u kollaboraturi lokali.[18] Fil-Konferenza ta' Wannsee f'Berlin fl-20 ta' Jannar 1942, Reinhard Heydrich iddeskriva s-Soluzzjoni Finali għall-Kwistjoni tal-Lhud lin-Nażisti ta' kariga għolja[19], u mill-bidu tal-1942 il-ferroviji tal-merkanzija bdew iwasslu lil-Lhud mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa li kienu okkupati mill-Ġermaniżi lejn il-kampijiet ta' konċentrament Ġermaniżi fil-Polonja: Auschwitz, Bełżec, Chełmno, Majdanek, Sobibór, u Treblinka. Il-biċċa l-kbira tal-priġunieri ġew iggassjati malli waslu.[20]
Kampijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Auschwitz I
[immodifika | immodifika s-sors]Tkabbir
[immodifika | immodifika s-sors]Auschwitz I kien kamp tal-Ewwel Gwerra Dinjija għall-ħaddiema temporanji u iktar 'il quddiem barrakki tal-armata Pollakka. Imbagħad Auschwitz I sar il-kamp ewlieni (Stammlager) u l-kwartieri ġenerali amministrattivi tal-kumpless tal-kamp. Is-sit jinsab ħamsin kilometru fil-Lbiċ ta' Krakovja, is-sit ġie ssuġġerit għall-ewwel darba fi Frar 1940 bħala kamp ta' kwarantina għall-priġunieri Pollakki minn Arpad Wigand, l-ispettur tas-Sicherheitspolizei (pulizija tas-sigurtà) u l-viċi ta' Erich von dem Bach-Zelewski, l-SS Superjuri u l-Mexxej tal-Pulizija għas-Silesja. Richard Glücks, il-kap tal-Ispettorat tal-Kampijiet ta' Konċentrament, bagħat lil Walter Eisfeld, l-eks kmandant tal-kamp ta' konċentrament ta' Sachsenhausen f'Oranienburg, il-Ġermanja, biex jispezzjonah.[21][22] Auschwitz I kien twil 1,000 metru u wiesgħa 400 metru[23], u dak iż-żmien kien fih 22 binja tal-brikks, u tmienja minnhom kellhom żewġ sulari. It-tieni sular tal-kumplament ġie miżjud fl-1943 u nbnew tmien blokok ġodda oħra.[24]
Ir-Reichsführer-SS Heinrich Himmler, il-kap tal-SS, approva s-sit f'April 1940 abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-SS-Obersturmbannführer Rudolf Höss tal-ispettorat tal-kampijiet. Höss issorvelja l-iżvilupp tal-kamp u kien l-ewwel kmandant tiegħu. L-ewwel 30 priġunier waslu fl-20 ta' Mejju 1940 mill-kamp ta' Sachsenhausen. Il-“kriminali professjonisti” (Berufsverbrecher) Ġermaniżi, magħrufa bħala l-“ħodor” (Grünen) minħabba t-trijangoli ħodor li kellhom fuq l-ilbies tagħhom bħala priġunieri, li nġiebu fil-kamp bħala funzjonarji, wettqu s-sadiżmu fil-kampijiet bikrin fil-konfront tal-priġunieri Pollakki, sa ma ħadulhom posthom il-priġunieri politiċi.[25] Bruno Brodniewitsch, l-ewwel priġunier (li ngħata n-numru tas-serje 1), sar Lagerältester (is-superjur tal-kamp fost il-priġunieri jew l-iktar wieħed anzjan). L-oħrajn ingħataw karigi bħala kapo u superviżur tal-blokok.[26]
L-ewwel trasport tal-massa
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel trasport tal-massa — ta' 728 priġunier politiku Pollakk, inklużi patrijiet Kattoliċi u Lhud — wasal fl-14 ta' Ġunju 1940 minn Tarnów, il-Polonja. Dawn ingħataw in-numri tas-serje 31 sa 758. F'ittra tat-12 ta' Lulju 1940, Höss qal lil Glücks li l-popolazzjoni lokali kienet “fanatikament Pollakka, u lesta twettaq kwalunkwe tip ta' operazzjoni kontra l-SS tant mibgħuda”.[27] Sal-aħħar tal-1940, l-SS kienu kkonfiskaw l-art ta' madwar il-kamp biex joħolqu “żona ta' interess” (Interessengebiet) ta' 40 kilometru kwadru li kienet tiġi ssorveljati bir-rondi mill-SS, mill-Gestapo u mill-pulizija lokali.[28] Sa Marzu 1941, 10,900 ruħ kien mitfugħa fil-kamp u l-biċċa l-kbira minnhom kienu Pollakki.[23]
Mal-wasla f'Auschwitz, jekk kien jiġi rreġistrat u mhux jintbagħat mill-ewwel f'xi kamra tal-gass, priġunier kien jgħaddi miċ-ċentru ta' lqugħ ħdejn id-daħla bil-kitba Arbeit macht frei (li tfisser ix-xogħol jilliberak), fejn kienet issirlu t-tpinġija fuq ġismu tan-numru tas-serje, jitqaxxarlu xagħru, jiġi diżinfettat, u jingħata uniformi ta' priġunier bl-istrixxi. Iċ-ċentru nbena bejn l-1942 u l-1944, u kien fih kamra tal-ħasil, kamra tal-ħasil tal-ħwejjeġ, u 19-il kamra tal-gass għat-tneħħija tal-qamel mill-ħwejjeġ. Iċ-ċentru ta' lqugħ tal-priġunieri ta' Auschwitz I attwalment sar iċ-ċentru ta' lqugħ tal-viżitaturi tal-Mużew Statali ta' Auschwitz-Birkenau.[22]
Krematorju I, l-ewwel iggassjar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-krematorju I beda f'Auschwitz I fi tmiem Ġunju jew fil-bidu ta' Lulju 1940.[29] Inizjalment il-krematorju I ma kienx maħsub għall-qtil tal-massa iżda għall-priġunieri li kienu jiġu ġġustizzjati jew li kienu jmutu fil-kamp. Il-krematorju I tħaddem minn Awwissu 1940 sa Lulju 1943, u mbagħad ħadulu postu l-krematorji f'Auschwitz II.[30] Sa Mejju 1942, fil-krematorju I kienu ġew installati tlett ifran, li flimkien setgħu jaħarqu 340 ġisem f'24 siegħa.[29]
L-ewwel iggassjar sperimentali seħħ għall-ħabta ta' Awwissu 1941, meta l-Lagerführer Karl Fritzsch, abbażi tal-istruzzjoni ta' Rudolf Höss, qatel grupp ta' priġunieri Sovjetiċi tal-gwerra bit-tfigħ ta' kristalli tal-aġent tossiku Zyklon B fiċ-ċella tagħhom fil-blokka nru 11 ta' Auschwitz I. It-tieni grupp ta' 600 priġunier Sovjetiku tal-gwerra u ta' madwar 250 priġunier Pollakk marid ġie ggassjat bejn it-3 u l-5 ta' Settembru. Il-kamra mortwarja, iktar 'il quddiem, ġiet ikkonvertita f'kamra tal-gass li kienet tesa' minn tal-inqas 700-800 ruħ. Iz-Zyklon B kien jintefa' fil-kamra minn fetħiet tawwalin fis-saqaf.[29][30]
L-ewwel trasport tal-massa ta' Lhud
[immodifika | immodifika s-sors]L-istoriċi ma qablux dwar id-data tal-ewwel trasport tal-massa ta' Lhud biss f'Auschwitz. Fil-Konferenza ta' Wannsee f'Berlin fl-20 ta' Jannar 1942, it-tmexxija Nażista iddeskriviet, b'lingwaġġ ewfemistiku, il-pjanijiet tagħha għas-Soluzzjoni Finali.[31] Skont Franciszek Piper, il-kmandant ta' Auschwitz Rudolf Höss ta rendikonti inkonsistenti wara l-gwerra, fejn issuġġerixxa li l-isterminju beda f'Diċembru 1941, f'Jannar 1942, jew qabel l-istabbiliment tal-kamp tan-nisa f'Marzu 1942.[32] F'Kommandant in Auschwitz, huwa kiteb: “Fir-rebbiegħa tal-1942, l-ewwel trasport ta' Lhud, kollha assenjati għall-isterminju, wasal mis-Silesja ta' Fuq”.[33] Fil-15 ta' Frar 1942, skont Danuta Czech, trasport ta' Lhud minn Beuthen, is-Silesja ta' Fuq (Bytom, il-Polonja), wasal f'Auschwitz I u ntbagħtu dritt fil-kamra tal-gass.[34] Fl-1998, xhud li ra kif seħħew l-affarijiet b'għajnejh qal li l-ferrovija kien fiha “n-nisa ta' Beuthen”. Saul Friedländer kiteb li l-Lhud ta' Beuthen ġew mill-kampijiet tax-xogħol sfurzat tal-Organization Schmelt u kienu ġew meqjusa mhux f'saħħithom biżżejjed biex jaħdmu.[35] Skont Christopher Browning, il-Lhud li ma kinux f'saħħithom biżżejjed biex jaħdmu kienu ntbagħtu fil-kamra tal-gass f'Awwissu 1941.[36] L-evidenza ta' dan u rigward it-trasport ta' Frar 1942 ġiet ikkontestata fl-2015 minn Nikolaus Wachsmann.[37]
Għall-ħabta tal-20 ta' Marzu 1942, skont Danuta Czech, trasport ta' Lhud Pollakki mis-Silesja u minn Zagłębie Dąbrowskie ttieħdu minnufih mill-istazzjoni għall-kamra tal-gass ta' Auschwitz II, li kienet għadha kemm bdiet titħaddem.[38] Fis-26 u fit-28 ta' Marzu, żewġ trasporti ta' Lhud Slovakki ġew irreġistrati bħala priġunieri fil-kamp tan-nisa, fejn inżammu għax-xogħol bħala skjavi; dawn kienu l-ewwel trasporti organizzati mid-dipartiment IV B4 ta' Adolf Eichmann (l-uffiċċju tal-Lhud) fl-Uffiċċju Ewlieni tas-Sigurtà tar-Reich (RSHA). Fit-30 ta' Marzu, l-ewwel trasport tal-RHSA wasal minn Franza.[39] Is-“Selezzjoni”, fejn il-wasliet ġodda kienu jiġu selezzjonati għax-xogħol jew għall-iggassjar, bdiet f'April 1942 u kienet issir regolarment minn Lulju. Piper isostni li din kienet tirrifletti l-ħtieġa dejjem tikber ta' forza tax-xogħol min-naħa tal-Ġermanja. Dawk li kienu jitqiesu bħala mhux f'saħħithom biżżejjed biex jaħdmu kienu jiġu ggassjati mingħajr ma jiġu rreġistrati bħala priġunieri.[40]
Hemm nuqqas ta' qbil ukoll dwar kemm ġew iggassjati nies f'Auschwitz I. Perry Broad, SS-Unterscharführer, kiteb li “trasport wara l-ieħor kienu jgħebu fil-krematorju ta' Auschwitz [I]”.[41] Fil-fehma ta' Filip Müller, wieħed mis-Sonderkommando ta' Auschwitz I, hemmhekk inqatlu għexieren ta' eluf ta' Lhud minn Franza, in-Netherlands, is-Slovakkja, is-Silesja ta' Fuq, u l-Jugoslavja, kif ukoll mill-getti ta' Theresienstadt, ta' Ciechanow, u ta' Grodno. Min-naħa l-oħra, skont stimi ta' Jean-Claude Pressac, f'Auschwitz I nqatlu sa 10,000 ruħ.[42] L-aħħar persuni ggassjati hemmhekk, f'Diċembru 1942, kienu madwar 400 membru tas-Sonderkommando ta' Auschwitz II, li kienu ġew sfurzati jħaffru fl-oqbra tal-massa tal-kamp biex jaħarqu l-fdalijiet tal-iġsma, li hu maħsub li kienu jammontaw għal iktar minn 100,000.[43]
Auschwitz II-Birkenau
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li żar Auschwitz I f'Marzu 1941, milli jidher Himmler ordna biex il-kamp jitkabbar, għalkemm Peter Hayes jinnota li, fl-10 ta' Jannar 1941, il-Pollakki li kienu qed jaħdmu minn taħt qalu lill-gvern Pollakk eżiljat f'Londra: “il-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz ...jesa' madwar 7,000 priġunier bħalissa, u għandu jinbena mill-ġdid sabiex ikun jesa' madwar 30,000 ruħ”.[44] Il-kostruzzjoni ta' Auschwitz II-Birkenau — li kien imsejjaħ Kriegsgefangenenlager (kamp tal-priġunieri tal-gwerra) — beda jopera f'Ottubru 1941 f'Brzezinka, madwar tliet kilometri minn Auschwitz I. Il-pjan inizjali kien li Auschwitz II jkun fih erba' setturi (Bauabschnitte I-IV), b'sitt sottokampi kull wieħed (BIIa-BIIf) bid-daħliet u bix-xatbiet tagħhom stess. L-ewwel żewġ setturi tlestew (is-settur BI inizjalment kien kamp ta' kwarantina), iżda l-kostruzzjoni ta' BIII beda fl-1943 u waqaf f'April 1944, u l-pjan għal BIV ġie abbandunat.[45]
L-SS-Sturmbannführer Karl Bischoff, li kien arkitett, kien il-kap tal-kostruzzjoni. Abbażi ta' baġit inizjali ta' RM 8.9 miljun, skont il-pjanijiet tiegħu kull barrakka kellha tesa' 550 priġunier, iżda iktar 'il quddiem immodifika l-pjanijiet biex kull barrakka tesa' 744 priġunier, li fi kliem ieħor kien ifisser li l-kamp seta' jesa' 125,000 priġunier minflok 97,000 priġunier.[46] Kien hemm 174 barrakka, li kull waħda kienet 35.4 metru bi 11.0-il metru, diviżi fi 62 unità ta' erba' metri kwadri. L-unitajiet kienu maqsuma f'kompartimenti iżgħar, li inizjalment kienu jesgħu tliet priġunieri u iktar 'il quddiem kienu jesgħu erba' priġunieri. Bi spazju personali ta' metru kwadru kull wieħed biex jorqdu u jpoġġu kwalunkwe oġġett li seta' jkollhom, Robert-Jan van Pelt kiteb li l-priġunieri kien imċaħħda “mill-ispazju minimu meħtieġ biex wieħed jeżisti”.[47]
Il-priġunieri kellhom jgħixu fil-barrakki li kienu qed jibnu; minbarra x-xogħol ta' binhar, uħud kienu jiġu msejħa jaħdmu fit-tul billejl ukoll. B'hekk, il-biċċa l-kbira tal-priġunieri f'BIb (il-kamp tal-irġiel) fl-ewwel xhur kesħin tas-sena kienu jmutu b'ipotermija, bil-ġuħ jew bl-għeja fi żmien ftit ġimgħat.[48] Xi 10,000 priġunier Sovjetiku tal-gwerra waslu f'Auschwitz I bejn is-7 u l-25 ta' Ottubru 1941[49], iżda sal-1 ta' Marzu 1942 xi 945 biss kienu għadhom irreġistrati; dawn ġew ittrasferiti lejn Auschwitz II, fejn il-biċċa l-kbira minnhom mietu sa Mejju.[50]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kumpless tal-kampijiet ta' konċentrament ta' Auschwitz-Birkenau ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju”, ladarba s-sit huwa monument li jfakkar il-ġenoċidju deliberat tal-Lhud mir-reġim tan-Nażisti Ġermaniżi u l-mewt ta' bosta nies oħra. Barra minn hekk, is-sit huwa evidenza li ma tistax tinċaħad ta' wieħed mill-ikbar reati li qatt twettqu kontra l-umanità. Huwa wkoll monument li jfakkar is-saħħa tal-ispirtu uman li f'kundizzjonijiet degradanti u tal-waħx irreżista l-isforzi tar-reġim Nażista li jgħakkes il-libertà u l-ħsieb liberu u li jeqred razez sħaħ minn fuq wiċċ id-dinja. Is-sit huwa post ewlieni ta' mafkar tal-Olokawst, tal-politiki razzisti u tal-barbariżmu għall-umanità kollha; huwa post li jħaddan fih il-memorja kollettiva tagħna ta' dan il-kapitlu ikrah fl-istorja tal-umanità, li jservi anke għall-ġenerazzjonijiet iżgħar bħala twissija tal-bosta theddidiet u konsegwenzi traġiċi li jistgħu jinbtu minn ideoloġiji estremisti u miċ-ċaħda tad-dinjità umana.[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Auschwitz I, Auschwitz II-Birkenau, Auschwitz III-Monowitz". archive.ph. 2019-01-22. Miġbur 2021-05-20.
- ^ Dwork, Debórah; van Pelt, Robert Jan (2002) [1996]. Auschwitz: 1270 to the Present. New York: W. W. Norton & Company. p. 166. ISBN 0-393-32291-2.
- ^ "The unloading ramps and selections / Auschwitz and Shoah / History / …". archive.ph. 2019-01-21. Miġbur 2021-05-20.
- ^ Piper, Franciszek (2000b). Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. III: Mass Murder. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 230-231. ISBN 978-8385047872.
- ^ Piper, Franciszek (2000b). Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. III: Mass Murder. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 230. ISBN 978-8385047872.
- ^ Lasik, Aleksander (2000b). "The Apprehension and Punishment of the Auschwitz Concentration Camp Staff". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 116. ISBN 978-8385047872.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Auschwitz Birkenau German Nazi Concentration and Extermination Camp (1940-1945)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-20.
- ^ Browning, Christopher R. (2004). The Origins of the Final Solution: The Evolution of Nazi Jewish Policy, September 1939 – March 1942. Lincoln and Jerusalem: University of Nebraska Press and Yad Vashem. p. 424. ISBN 0-8032-1327-1.
- ^ Longerich, Peter (2010). Holocaust: The Nazi Persecution and Murder of the Jews. Oxford and New York: Oxford University Press. pp. 32-25; 41. ISBN 978-0-19-280436-5.
- ^ Longerich, Peter (2010). Holocaust: The Nazi Persecution and Murder of the Jews. Oxford and New York: Oxford University Press. pp. 38-39. ISBN 978-0-19-280436-5.
- ^ Longerich, Peter (2010). Holocaust: The Nazi Persecution and Murder of the Jews. Oxford and New York: Oxford University Press. pp. 41; 67-69. ISBN 978-0-19-280436-5.
- ^ Longerich, Peter (2010). Holocaust: The Nazi Persecution and Murder of the Jews. Oxford and New York: Oxford University Press. p. 60. ISBN 978-0-19-280436-5.
- ^ Browning, Christopher R. (2004). The Origins of the Final Solution: The Evolution of Nazi Jewish Policy, September 1939 – March 1942. Lincoln and Jerusalem: University of Nebraska Press and Yad Vashem. pp. 24-26. ISBN 0-8032-1327-1.
- ^ Longerich, Peter (2010). Holocaust: The Nazi Persecution and Murder of the Jews. Oxford and New York: Oxford University Press. p. 144. ISBN 978-0-19-280436-5.
- ^ Haar, Ingo (2009). "Inklusion und Genozid: Raum- und Bevölkerungspolitik im besetzten Polen 1939 bis 1944". In Beer, Mathias; Beyrau, Dietrich; Rauh, Cornelia (eds.). Deutschsein als Grenzerfahrung: Minderheitenpolitik in Europa zwischen 1914 und 1950 (in German). Klartext. pp. 41-46. ISBN 9783837500974.
- ^ Cesarani, David (2016). Final Solution: The Fate of the Jews 1933-1949. New York: St. Martin's Press. p. 33. ISBN 978-1250000835.
- ^ Piper, Franciszek (2000b). Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. III: Mass Murder. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 117. ISBN 978-8385047872.
- ^ Matthäus, Jürgen (2004). "Operation Barbarossa and the Onset of the Holocaust, June–December 1941". In Browning, Christopher (ed.). The Origins of the Final Solution: The Evolution of Nazi Jewish Policy, September 1939 – March 1942. Lincoln and Jerusalem: University of Nebraska Press and Yad Vashem. p. 244. ISBN 0-8032-1327-1.
- ^ Gerlach, Christian (2016). The Extermination of the European Jews. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 84-85. ISBN 978-0-521-88078-7.
- ^ "Killing Centers: An Overview". web.archive.org. 2017-09-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-14. Miġbur 2021-05-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Piper, Franciszek (2000a). "The Origins of the Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 52-53. ISBN 978-8385047872.
- ^ a b Dwork, Debórah; van Pelt, Robert Jan (2002) [1996]. Auschwitz: 1270 to the Present. New York: W. W. Norton & Company. p. 166. ISBN 0-393-32291-2.
- ^ a b Gutman, Yisrael (1998) [1994]. "Auschwitz—An Overview". In Gutman, Yisrael; Berenbaum, Michael (eds.). Anatomy of the Auschwitz Death Camp. Bloomington, IN: Indiana University Press. p. 16. ISBN 0-253-32684-2.
- ^ Piper, Franciszek (2000a). "The Origins of the Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 39–62. ISBN 978-8385047872.
- ^ Iwaszko, Tadeusz (2000a). "Reasons for confinement in the camp and categories of prisoners". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 15. ISBN 978-8385047872.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 119–231. ISBN 978-8385047872. p. 121.
- ^ Strzelecka, Irena; Setkiewicz, Piotr (2000). "The Construction, Expansion and Development of the Camp and its Branches". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 71. ISBN 978-8385047872.
- ^ Strzelecka, Irena; Setkiewicz, Piotr (2000). "The Construction, Expansion and Development of the Camp and its Branches". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 72-73. ISBN 978-8385047872.
- ^ a b ċ Piper, Franciszek (2000b). Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. III: Mass Murder. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 121. ISBN 978-8385047872.
- ^ a b Piper, Franciszek (1998c) [1994]. "Gas Chambers and Crematoria". In Gutman, Yisrael; Berenbaum, Michael (eds.). Anatomy of the Auschwitz Death Camp. Bloomington, IN: Indiana University Press. pp. 157-158. ISBN 0-253-32684-2.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 142. ISBN 978-8385047872.
- ^ Piper, Franciszek (2000a). "The Origins of the Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 61. ISBN 978-8385047872.
- ^ Hoess, Rudolf (2003) [1951]. Commandant of Auschwitz: The Autobiography of Rudolf Hoess. Translated by Constantine FitzGibbon. London: Phoenix Press. p. 148. ISBN 1-84212-024-7.
- ^ van Pelt, Robert-Jan (1998) [1994]. "A Site in Search of a Mission". In Gutman, Yisrael; Berenbaum, Michael (eds.). Anatomy of the Auschwitz Death Camp. Bloomington, IN: Indiana University Press. p. 145. ISBN 0-253-32684-2.
- ^ Friedländer, Saul (2007). The Years of Extermination: Nazi Germany and the Jews, 1939–1945. New York: HarperCollins. p. 359. ISBN 978-0-06-019043-9.
- ^ Browning, Christopher R. (2004). The Origins of the Final Solution: The Evolution of Nazi Jewish Policy, September 1939 – March 1942. Lincoln and Jerusalem: University of Nebraska Press and Yad Vashem. p. 357. ISBN 0-8032-1327-1.
- ^ Wachsmann, Nikolaus (2015). KL: A History of the Nazi Concentration Camps. New York: Farrar, Straus and Giroux. p. 707. ISBN 978-0-374-11825-9.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 143. ISBN 978-8385047872.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 144. ISBN 978-8385047872.
- ^ Piper, Franciszek (2000a). "The Origins of the Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 62. ISBN 978-8385047872.
- ^ Piper, Franciszek (2000b). Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. III: Mass Murder. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 133. ISBN 978-8385047872.
- ^ Müller, Filip (1999) [1979]. Eyewitness Auschwitz: Three Years in the Gas Chambers. Chicago: Ivan R. Dee. p. 31.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 165. ISBN 978-8385047872.
- ^ Hayes, Peter (2003). "Auschwitz, Capital of the Holocaust". Holocaust and Genocide Studies. 17 (2): 330–350. p. 335.
- ^ Strzelecka, Irena; Setkiewicz, Piotr (2000). "The Construction, Expansion and Development of the Camp and its Branches". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 63–138. ISBN 978-8385047872. p. 80-83.
- ^ van Pelt, Robert-Jan (1998) [1994]. "A Site in Search of a Mission". In Gutman, Yisrael; Berenbaum, Michael (eds.). Anatomy of the Auschwitz Death Camp. Bloomington, IN: Indiana University Press. pp. 118-119. ISBN 0-253-32684-2.
- ^ van Pelt, Robert-Jan (1998) [1994]. "A Site in Search of a Mission". In Gutman, Yisrael; Berenbaum, Michael (eds.). Anatomy of the Auschwitz Death Camp. Bloomington, IN: Indiana University Press. pp. 122-123. ISBN 0-253-32684-2.
- ^ Strzelecka, Irena; Setkiewicz, Piotr (2000). "The Construction, Expansion and Development of the Camp and its Branches". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. I: The Establishment and Organization of the Camp. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. p. 87. ISBN 978-8385047872.
- ^ Czech, Danuta (2000). "A Calendar of the Most Important Events in the History of the Auschwitz Concentration Camp". In Długoborski, Wacław; Piper, Franciszek (eds.). Auschwitz, 1940–1945. Central Issues in the History of the Camp. V: Epilogue. Oświęcim: Auschwitz-Birkenau State Museum. pp. 138-139. ISBN 978-8385047872.
- ^ Steinbacher, Sybille (2005) [2004]. Auschwitz: A History. New York: Ecco Press. p. 94. ISBN 0-06-082581-2.