Knejjes tal-Paċi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica

Il-Knejjes tal-Paċi (bil-Pollakk: Kościoły Pokoju, bil-Ġermaniż: Friedenskirchen) f’Jawor (bil-Ġermaniż: Jauer), fi Świdnica (bil-Ġermaniż: Schweidnitz) u f’Głogów (bil-Ġermaniż: Glogau) fis-Silesja kienu l-ikbar tlieta u ssemmew hekk wara l-Paċi tal-Westfalen tal-1648. Il-Knisja tal-Paċi ta’ Głogów ħadet in-nar u nqerdet fl-1758. Madankollu, iż-żewġ Knejjes tal-Paċi l-oħra f’Jawor u fi Świdnica għadhom jeżistu sa llum u fl-2001 tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Paċi tal-Westfalen huwa l-isem kollettiv ta’ żewġ trattati tal-paċi li ġew iffirmati f’Ottubru 1648 fil-bliet ta’ Osnabrück u Münster fil-Westfalen. Dawn it-trattati temmew il-Gwerra ta’ Tletin Sena, ġabu l-paċi fl-Imperu Ruman Sagru, u temmew perjodu ikrah tal-istorja Ewropea li fih mietu kważi tmien miljun ruħ.

Dawn it-trattati ppermettew lil-Luterani tas-Silesja jibnu tliet knejjes bl-injam, bit-trab ġulġlieni tafli u bit-tiben, barra s-swar tal-bliet, mingħajr kampnari u mingħajr qniepen. Iż-żmien tal-kostruzzjoni kien limitat għal sena waħda.[2]

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica (Schweidnitz) fl-1750
Il-Knisja tal-Paċi f’Głogów (Glogau) fl-1750
Il-Knisja tal-Paċi f’Jawor (Jauer) fl-1750


Minkejja d-diffikultajiet fiżiċi u politiċi, it-tliet Knejjes tal-Paċi f’Jawor, fi Świdnica u f’Głogów kienu fost l-ikbar binjiet reliġjużi b’qafas tal-injam fl-Ewropa permezz ta’ soluzzjonijiet tal-kostruzzjoni u arkitettoniċi.

L-imperatur tal-Imperu Ruman Sagru Ferdinandu III ma kienx qed jobsor li dawn il-knejjes tal-paċi setgħu fil-fatt jinbnew fi żmien daqshekk qasir u l-intenzjoni tiegħu x’aktarx kienet li qatt ma jinbnew ladarba kienu knejjes Protestanti. L-Asburgi ma rrikonoxxewx l-ugwaljanza bejn it-twemmin Kattoliku u dak Evanġeliku u l-attitudni tagħhom lejn il-Knejjes tal-Paċi kienet biss sempliċi att ta’ tolleranza.[2]

Knisja tal-Paċi f’Jawor[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tal-Paċi f’Jawor minn ġewwa

Il-Knisja tal-Paċi f’Jawor hija ddedikata lill-Ispirtu s-Santu u hija twila 43.5 metri, wiesgħa 14-il metru u għolja 15.7-il metru u tesa’ 5,500 ruħ. Din inbniet mill-arkitett Albrecht von Saebisch (1610-1688) minn Wrocław (dak iż-żmien magħrufa bil-Ġermaniż bħala Breslau) fl-1654 u tlestiet sena wara fl-1655. Il-200 pittura li hemm ġo fiha saru minn Georg Flegel fl-1671-1681. L-artal sar minn Martin Schneider fl-1672, filwaqt li l-orgni oriġinali li kien sar minn J. Hoferichter minn Legnica (bil-Ġermaniż Liegnitz) fl-1664 u ġie sostitwit fl-1855-1856 b’wieħed magħmul minn Adolf Alexander Lummert. Minn ġewwa, il-Knisja tal-Paċi ta’ Jawor hija Barokka b’erba’ ringieli ta’ galleriji bil-balavostri ddekorati bl-ikħal u bl-abjad u b’xeni Bibbliċi.

Sa dak iż-żmien, il-belt kienet ilha parti mill-Renju tal-Prussja b’maġġornanza Protestanta għal madwar seklu. Xi 100 sena wara, fl-1945, il-belt saret parti mill-Polonja, bħala riżultat tal-Ftehim ta’ Potsdam. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-knejjes Protestanti fil-provinċji Ġermaniżi meħuda mill-Polonja fl-1945 saru Kattoliċi, iż-żewġ Knejjes tal-Paċi eżistenti sa llum u għadhom jaqdu l-parroċċi Luterani tagħhom.[2][3]

Knisja tal-Paċi fi Świdnica[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica minn ġewwa

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica nħolqot fuq pjanta f’għamla ta’ salib Grieg, tkopri erja ta’ 1,090 metru kwadru u kapaċi tilqa’ 7,500 ruħ (3,000 bilqiegħda). Din il-Knisja tal-Paċi hija fil-fatt l-ikbar binja reliġjuża b’qafas tal-injam fid-dinja.[4]

Il-kuntrast bejn l-istil sempliċi minn barra u l-istil b’ħafna dekorazzjonijiet fuq ġewwa joħloq kuntrast tassew impressjonanti. Fost l-opri tal-arti notevoli f’din il-Knisja tal-Paċi hemm l-artal u l-pulptu ddekorati magħmula minn Gottfried August Hoffman. Xi ħaġa partikolari ħafna fil-pulptu hija l-klessidra bir-ramel li kienet tintuża waqt l-omeliji u l-prietki biex jiġi kkalkulat il-ħin allokat. Il-galleriji tul il-knisja huma miksija bi 78 test ta’ versi Bibbliċi, xeni allegoriċi u elementi dekorattivi tal-istemmi tax-xirkiet ta’ diversi furnara, ħaddiema tal-birreriji, biċċiera, eċċ.[5]

Oriġinarjament il-kampnar ma kienx permess, iżda fl-1708 inbena wieħed xi 50 metru mill-knisja fi ħdan it-territorju tagħha.[2][6]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knejjes tal-Paċi f’Jawor u fi Świdnica ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.

Il-valur universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem” u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Peace in Jawor and Świdnica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  2. ^ a b c d Smith, Adrian (2018). Poland Unesco World Heritage Sites. pp. 121–128. ISBN 9788377771556.
  3. ^ "Church of Peace in Jawor - opening hours, ticket pricelist, contact details". Villa Greta (bl-Ingliż). 2017-10-02. Miġbur 2021-03-16.
  4. ^ "The Church of Peace in Świdnica /". Church of Peace | EN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  5. ^ "Church of Peace in Swidnica / Schweidnitz, opening hours, ticket pricelist". Villa Greta (bl-Ingliż). 2017-10-09. Miġbur 2021-03-16.
  6. ^ "This Church Is a Centuries-Old Wooden Wonder". Atlas Obscura (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.