Aqbeż għall-kontentut

Knisja tal-Paċi fi Świdnica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica hija ddedikata lit-Trinità Mqaddsa u hija l-ikbar tempju Barokk tal-injam fl-Ewropa.[1] Il-knisja hija binja reliġjuża storika li nbniet skont il-ftehimiet tat-Trattat ta' Westfalen li ġie ffirmat fl-1648, li temm il-Gwerra ta' Tletin Sena.[2] Il-knisja hija parti mill-parroċċa ta' Świdnica tal-Knisja Evanġelika ta' Augsburg fil-Polonja. Il-binja ilha Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-2001.[3]

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica (Schweidnitz) fl-1750

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica hija waħda minn tliet Knejjes tal-Paċi (wara dawk ta' Głogów u ta' Jawor) li l-Imperatur Kattoliku Ferdinandu III, taħt pressjoni mill-Iżvezja Protestanta, li tħallew jinbnew fil-prinċipati ereditarji tal-Asburgi fis-Silesja. Il-knejjes kollha li nbnew mill-Kattoliċi u li kienu ttieħdu mill-Protestanti ġew irritornati lill-Knisja Kattolika. Wara li faqqgħet il-gwerra, l-Evanġeliċi ġew imċaħħda mid-dritt li jipprattikaw il-fidi tagħhom u li jkollhom il-knejjes tagħhom. Madankollu, fil-prinċipati mmexxija mis-Silesjani, il-biċċa l-kbira Evanġeliċi, il-knejjes kollha tħallew jibqgħu Protestanti.[1]

Il-kostruzzjoni tal-Knejjes tal-Paċi kienet intenzjonalment soġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali li kellhom jwasslu biex il-kostruzzjoni tagħhom tkun iktar diffiċli, jew fil-każ li jitlestew, iwasslu biex it-tempju jintuża għal perjodu qasir. L-ewwel ġebla tal-Knisja tal-Paċi fi Świdnica tpoġġiet fit-23 ta' Awwissu 1656. L-awtur tal-proġett kien arkitett u bennej ewlieni minn Wrocław, Albrecht von Saebisch. Il-knisja nbniet minn Andreas Kaemper, mastrudaxxa minn Świdnica. Sabiex jiġbor il-fondi meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-knisja, Christian Czepko minn Świdnica wettaq vjaġġ madwar il-qrati Protestanti Ewropej. L-Evanġeliċi Silesjani ta' kull klassi soċjali, minn raħħala sa ċittadini tar-raħal u nobbli, kienu involuti fil-kostruzzjoni.[1]

Wara għaxar xhur ta' kostruzzjoni, l-ewwel ċelebrazzjoni tal-quddies fil-knisja l-ġdida fi Świdnica saret fl-24 ta' Ġunju 1657.

L-artal prinċipali

Fl-1708, matul il-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana, meta s-sitwazzjoni reliġjuża tal-Evanġeliċi ttejbet, mill-ġdid taħt pressjoni mir-Re Żvediż, inbnew torri tal-kampnar u skola Evanġelika ħdejn il-knisja. Iż-żewġ binjiet għadhom jeżistu sa żminijietna.

Għalkemm il-knisja ġiet stabbilita bħala riżultat ta' kunflitti reliġjużi, hija simbolu ta' rikonċiljazzjoni. Fl-1989, il-Prim Ministru Pollakk Tadeusz Mazowiecki u l-Kanċillier Ġermaniż Helmut Kohl talbu flimkien għall-paċi f'din il-knisja. Fl-2011, il-knisja ospitat il-koppja rjali Żvediża Carl XVI Gustav u r-Reġina Silvia. Fl-2014, il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel u l-Prim Ministru Pollakka Ewa Kopacz ipparteċipaw f'talba ekumenika għall-paċi. F'Settembru 2016, l-"Appell għall-Paċi" ġie ffirmat fil-Knisja tal-Paċi fi Świdnica mid-diversi rappreżentanti tal-Kristjaneżmu, tal-Ġudaiżmu, tal-Iżlam u tal-Buddiżmu (rappreżentat mid-Dalai Lama XIV).[1]

Is-saqaf prinċipali tal-knisja

Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica nbniet bis-sistema tal-għesieleġ u ż-żraġen minsuġin flimkien u mkaħħlin bit-tajn bħala binja ċentrali bbażata fuq qafas tal-injam mimli b'massa tafal, ħuxlief u tajn. Inbniet f'għamla ta' salib Grieg. Il-binja ċentrali ġiet ikkomplementata mis-Sala tal-Magħmudija u mis-Sagristija fil-Lvant, is-Sala tal-Mejtin fil-Punent, is-Sala tat-Tiġijiet fin-Nofsinhar, is-Sala l-Kbira fit-Tramuntana. Il-knisja hija twila 44 metru u wiesgħa 30.5 metru. L-ewwel sular u erba' sulari ta' galleriji jifilħu 7,500 ruħ (inkluż 3,000 post bilqiegħda). Il-knisja nbniet bl-intenzjoni li tilqa' kemm jista' jkun nies, li kienet xi ħaġa importanti speċjalment fi żminijiet meta l-libertà tar-reliġjon kienet ristretta għall-Protestanti, ladarba kienet waħda minn żewġ knejjes Protestanti fil-Prinċipat ta' Świdnica-Jawor. Għalhekk, it-tempju għandu spazju intern kbir (1090 m2) u huwa voluminuż.

Il-pulptu

L-artal u l-pulptu huma fost l-iżjed opri ta' valur li jgħammru l-knisja.

Il-pulptu Barokk, maħdum minn Gotfried August Hoffmann, imur lura għall-1729. It-taraġ huwa mżejjen b'xeni Bibbliċi: "Pentekoste", il-"Golgota" u l-"Ġenna". Il-balavostri fihom allegoriji mnaqqxin tal-Fidi, tat-Tama u tal-Imħabba. Fuq il-bieb li jagħti għall-pulptu hemm skultura ta' Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb.

Artal prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-artal prinċipali, maħdum ukoll minn Hoffmann, ġie kkummissjonat għall-mitt anniversarju tal-knisja fl-1752 u tlesta s-sena ta' wara. Fuq il-mensa tal-artal hemm riljiev żgħar tal-Aħħar Ċena. Fin-nofs hemm il-"Magħmudija ta' Kristu" u l-figuri ta' Mosè, Aaron u l-appostli San Pietru u San Pawl. Fuqhom hemm freġju b'kitba li sserraħ fuq sitt kolonni Korinzji: "Dies ist mein geliebter Sohn, an dem ich Wohlgefallen habe" ("Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi" - Mattew 3:17). Fin-nofs, mal-għoli tal-freġju, hemm allegorija tal-Ispirtu s-Santu f'għamla ta' ħamiema. Taħt il-baldakkin, hemm triangolu tad-deheb, imdawwar bir-raġġi, bit-tetragramma ta' isem Alla miktuba bil-kitba Ebrajka, li hija allegorija għal Alla l-Missier. Fuq nett tal-artal, hemm ħaruf b'bandiera u ktieb b'seba' siġilli.

Hemm ukoll orgni antik bi 62 kanna u bi prospett Barokk mis-snin 1666-1669, li nbena minn Gottfried Klose ta' Brzeg u li ġie rikostruwit diversi drabi. Orgnijiet iżgħar, stabbiliti fl-1695 minn Sigismund Ebersbach, jinsabu fuq l-ogħla gallerija fuq l-artal.

L-orgni attwali jmur lura għall-1909 u nbena minn kumpanija fi Świdnica, Schlag & Söhne, li introduċiet l-elettriku.

Kompartiment tal-familja Hochberg

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kompartiment tal-familja Hochberg

L-iżjed familji privileġġati kellhom il-kompartimenti tagħhom fil-galleriji tal-knisja. Quddiem il-pulptu, fuq id-daħla prinċipali tal-knisja, hemm kompartiment imżejjen mill-isbaħ tal-familja Hochberg (li kienu benefatturi tal-knisja), li nbena fl-1698. Il-kompartiment inbena bħala radd il-ħajr lill-familja tal-Konti Johann Heinrich von Hochberg, li ħallas għas-siġar tal-ballut għall-kostruzzjoni tal-knisja.

It-tul kollu tal-galleriji huwa miksi bi 78 blokka b'versi mill-Bibbja u b'47 xena allegorika. Il-pitturi mal-panewijiet juru t-tifsira tal-kwotazzjonijiet Bibbliċi. Il-balavostri tal-galleriji huma mżejna bi skulturi u b'pitturi rikki.

Is-soqfa tal-knisja huma mżejna b'pitturi mill-1694 sal-1696 ta' żewġ pitturi minn Świdnica, Chrystian Sussenbach u Chrystian Kolitschka. Juru xeni mir-Rivelazzjoni ta' San Ġwann:

  • "Ġerusalemm”,
  • "Alla l-Missier", b'ajkla ddur fuq rasu, imdawwar b'seba' ilsna tan-nar, ktieb magħluq b'seba' siġilli fuq ħoġru, u ħaruf imserraħ fuqu; 24 raġel xiħ jinsabu għarkopptejhom madwaru; u Ġwanni jidher jitlob taħthom,
  • "Il-waqgħa tal-belt midinba tal-Babilonja",
  • "L-Aħħar Ġudizzju".

It-Trinità Mqaddsa hija mpittra fejn jiltaqgħu n-navati ma' xulxin.

Is-soqfa madwar il-pitturi u s-soqfa tal-galleriji, kif ukoll il-pilastri, għandhom disinni bil-fjuri.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja tal-Paċi fi Świdnica minn ġewwa

Il-Knejjes tal-Paċi f'Jawor u fi Świdnica ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[3]

Il-valur universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem" u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

  1. ^ a b ċ d "Historia" (bil-Pollakk). Miġbur 2022-03-22.
  2. ^ "Ta piękna świątynia powstała by upokorzyć ewangelików. Dziś jest ich dumą". www.national-geographic.pl (bil-Pollakk). Miġbur 2022-03-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Churches of Peace in Jawor and Świdnica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-22.